1. Għaddew issa diġà sittax-il sena mill-11
ta’ Settembru 2001. Minn dak il-jum li
fih saru erba’ attakki fuq l-Istati Uniti tal-Amerika frott il-ġenn uman. Għax il-bniedem jitwieled għas-sewwa. Jieħu n-nifs u jingħata l-ħajja biex jingħaqad
ma’ oħrajn sabiex ikun strument għat-tajjeb.
Dik hija t-triq normali u diretta tiegħu. Meta jaqbad l-oħra jkun qiegħed imur kontra
f’dik tat-taħwid. F’dak il-jum id-dinja
waqfet tħares, waqt li erba’ ajruplani ntużaw bħala armi sabiex jolqtu fil-qalb
mhux biss dak il-poplu, imma fir-realtà, lid-dinja kollha.
Ferita għall-umanità
2. Dak il-jum huwa ferita għall-umanità
kollha. Għal dak kollu li
nirrappreżentaw fl-avvanz li b’diffikultajiet kbar għamilna bħala bnedmin. Kien il-mument meta rajna ruħna iktar
vulnerabbli milli konna naħsbu, f’dinja li t-teknoloġija moderna kienet qed
tibgħatilna minflok messaġġ ta’ saħħa u sigurtà. Kien il-jum li mmarka, u ser jibqa’ jimmarka,
ġenerazzjonijiet sħaħ fil-banalità ta’ atti simili li l-bniedem m’għandux
spjegazzjonijiet loġiċi għalihom. Kif
kien qal il-Papa Ġwanni Pawlu II l-għada: “The human heart has depths, from
which schemes of unheard ferocity sometimes emerge, capable of destroying in a
moment the normal daily life of people”.
Il-martri veri
3. F’dak l-attakk, immexxi minn Osama bin
Laden, mexxej tal-Al Qaeda, seħħew delitti li l-ebda immaġinazzjoni umana ma
setgħet qatt ikollha qabel. Mietu madwar
tlett elef persuna, kompletament innoċenti.
Persuni umani li tilfu ħajjithom għax kienu fil-post żbaljat, fil-mument
żbaljat. Dawk li qabdu ajruplan
għad-destinazzjoni varja tagħhom. Dawk
li kienu fiż-żewġ torrijiet jew fil-postijiet l-oħra fejn niżlu l-ajruplani. Il-bnedmin li nqatlu huma l-martri veri u
mhux min qiegħed lilu nnifsu għas-servizz tal-ħażen. Dan kollu seħħ quddiem dinja li għarfet li,
minkejja l-avvanz kollu li għamlet, f’dak il-ħin partikolari ma setgħetx
issalva l-ħajjiet tagħhom.
Kliem mimli dieqa
4. L-istorja umana għandha dan kollu mniżżel
fiha. Mhix dik l-istorja ta’ atti
erojċi, imma dik ta’ kliem mimli dieqa u rabja miktuba fl-irħam li ma jintilifx
u ma jitħassarx. Min imur fil-post fejn
kien hemm mibnija ż-żewġ torrijiet, u jmiss mal-monument nazzjonali li hemm
issa, jifhem aktar dan. Jifhem il-mewt,
it-traġedja umana u, fl-istess ħin, jieħu lura miegħu l-għarfien ta’ kif żewġ
torrijiet, mibnija b’tant sagrifiċċji, li kienu simboli tas-saħħa, il-poter
fid-dinja tal-kummerċ, negozju u finanzi, spiċċaw trab. F’jum wieħed, strutturi bħal dawn ġew lura
fil-pożizzjoni tal-bidu tagħhom; minflok mimlija bil-ħajja saru ċimiterji ta’
bnedmin li l-ġisem tagħhom ma jinsabx mifrud, imma parti minn dak l-irmied.
Kawża li ma teżistix
5. F’dak il-post, waqt li b’idejk tmiss
l-ismijiet tal-innoċenti maqtugħa fil-ħadid, tifhem iktar kemm kien jum iswed u
ikrah fl-eżistenza tagħna. Daqqa ta’
ħarta iebsa għalina lkoll. Wieħed li
fetaħ il-bieb għal iktar attakki mingħajr kap u kuda, intenzjonati biss biex jolqtu
s-soċjetajiet tagħna, id-demokrazija u r-renju tad-dritt. Dak l-eżempju ħażin ġieb, kif bqajna naraw
sallum, innoċenti jinqatlu f’isem kawża li ma teżistix. Kif mezzi tat-trasport jiġu intenzjonalment
trasformati f’armi ta’ qtil. Kif
f’ġabriet ta’ bnedmin oħrajn jaraw l-okkażjoni biex joqtluhom. Għax il-ħażen huwa kontra l-ordni naturali, u
dan iwassal għall-instabilità u t-telf tal-paċi pubblika.
Attakk lid-demokrazija
6. Dawn l-attakki jsofru minnhom il-bnedmin,
imma huma diretti kontra s-soċjetà demokratika.
Dak li nbena f’ġenerazzjonijiet twal, frott il-valuri nsara, jiġi
f’sogru. Dan għax kull gvern jagħraf li
f’dan il-proċess jgħaddi minn prova ta’ debbulizza f’għajnejn iċ-ċittadini
tiegħu. Vulnerabbli u miftuħ għal attakk
tali, li l-esperjenza turih li ma jistax jipproteġi lil kull persuna, kif
għandu d-dmir li jagħmel. Il-poplu
jirreżisti u huwa kontra min iwettaq atti ħżiena bħal dawn, però daqshekk ieħor
f’dawn il-mumenti jaf idur kontra min qiegħed imexxih. Dawk li jsofru direttament mod, dawk li ma
jintlaqtux mod ieħor.
Is-sejħa tagħna
7. Proprju iktar f’dan, u għal dan li nistgħu
nagħrfu li għalkemm ħajjitna baqgħet għaddejja, xorta waħda ġejna mmarkati bl-inġustizzja
tagħha. Immarkati minn ġewwa però f’dan,
jum wara jum nagħrfu li r-rebħa mhix tal-forzi tal-ħażen. Għax anke jekk f’dak l-attakk jistgħu jidhru
li qegħdin fuq quddiem, għal dawk li jemmnu f’Alla jafu li la l-ħażen, u lanqas
il-mewt m’għandhom l-aħħar kelma. Hemm
għalina sejħa qawwija interna li tħajjarna mhux biss inkunu ċittadini tajba,
imma bnedmin tajba. Hemm f’dan iktar u
iktar għarfien li kull persuna jrid iwieġeb għal din is-sejħa, għal dik
partikulari tiegħu. Kbira kemm hija
kbira, jew żgħira kemm tista’ tidher qegħda hemm, u wieħed għandu jagħmel
il-parti tiegħu.
Magħquda
8. Għada għandna lkoll inkunu, għal darb’oħra,
magħquda b’solidarjetà ma’ dak il-poplu kbir.
M’għandniex inħallu l-jum jgħaddi qisu ma ġara xejn, imma għandna nieqfu
u nifhmu dak li seħħ u s-sehem tagħna fid-dinja tal-lum. Kemm dak li nagħmlu fil-ħajja, żgħir kemm
jista’ jidher żgħir, huwa parti mill-proċess uman li jew ikabbar is-sewwa jew
isaħħaħ il-ħażen. Pass iktar ‘il quddiem
fit-tama minn dak li ħassejna wara dawk il-jiem fejn stajna ningħaqdu ma’
Virġilju, li fl-Enejde jingħad: “Spem
voltu simulat, premit altum corde dolorem” (fil-wiċċ jipprova juri t-tama,
mentri joħnoq f’qalbu d-dwejjaq kbar tiegħu).
Sepulchre of famous men
9. Fit-triq
fil-ġlieda għas-sewwa rridu nassiguraw li nfakkru. Għandna anzi dmir li nagħmlu dan. Bih induru lura, niftakru f’dak li ġara u
nippruvaw niftħu għajnejna iktar għal dak li ġej. Id-dinja hija miftuħa għall-irjiħat u ma
hemmx kantunieri jew kenn garantit.
Proprju għax kull persuna li tilfet ħajjitha hija importanti li nkunu qed
nonqsuha u lid-dinjità umana li ma nfakkruhiex.
Kif, jekk tippermettuli, Thucydides, waqt li kien qed ifakkar li Perikle
jgħid: “Id-dinja kollha hija
l-maqbar ta’ nies famużi; jiġu mfaħħra mhux biss mill-monumenti u l-lapidi
f’pajjiżhom, iżda wkoll f’artijiet barranin fuq monumenti mhux minquxa
fil-ġebel iżda fil-qlub u l-imħuħ tal-bnedmin”.
No comments:
Post a Comment