18.9.17

Mod ġdid se jġib bidla li tgħaqqadna





Il-bidla li tgħaqqadna jfisser li nużaw il-politika biex inġibu nies flimkien sabiex jinbena programm politiku innovattiv u fuq kollox inklussiv. Dan qalu il-Kap ġdid tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia waqt intervista mal-ġurnalist u preżentatur Peppi Azzopardi fil-ftuħ tal-festi tal-Indipendenza 2017 fuq il-Fosos tal-Furjana.

Adrian Delia qal li l-Partit Nazzjonalista mhuwiex bħall-Partit Laburista fejn jiddeċiedi kollox min imexxi iżda hemm proċessi demokratiċi li jwasslu minn ideat għal deċiżjonijiet.

Fil-ġranet li ġejjin, qal Adrain Delia, se jgħid eżattament kif se jimxi l-eżerċizzju biex jikseb sigġu fil-Parlament u jkun jista’ jmexxi l-Oppożizzjoni. Huwa żied li l-Partit Laburista mhuwiex se jiddetta l-aġenda tal-Oppożizzjoni u filwaqt il-Gvern għandu jħejji l-programm li jrid jiġi diskuss fil-Parlament, il-pjan tal-Partit Nazzjonalista se jiddeċidieh biss il-Partit Nazzjonalista.

Oppożizzjoni li tħares l-integrità

Adrian Delia qal li l-Partit Nazzjonalista se jkompli dak li beda b’politika msejsa fuq l-integrità u s-sewwa. Hu żied li minn għada stess il-Partit Nazzjonalista se jkompli jiddefendi lil Malta kontra l-korruzzjoni mill-Qrati Maltin. Minbarra li jġib lura n-normalità f’pajjiżna, Adrian Delia qal li l-Partit Nazzjonalista se jhares ukoll ‘il quddiem sabiex jibni politika serja b’viżjoni għas-snin li ġejjin.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-ġlieda għall-ġustizzja mhux talli mhix se tieqaf iżda se tkompli u se tiżdied. Huwa qal li llum qegħdin f’sitwazzjoni fejn l-istituzzjonijiet qegħdin jabdikaw mir-responsabbiltà mgħotija lilhom mill-Kostituzzjoni. Il-Gvern ta’ Joseph Muscat qiegħed juża s-siġġu tal-poter bħala opportunità ta’ qliegħ u lukru minflok biex iservi u jġib ‘il quddiem l-interess tal-Maltin.

Mistoqsi dwar l-involviment tal-Oppożizzjoni f’Kumitati tal-Gvern, Adrian Delia qal li jekk Joseph Muscat irid membru fuq bord biss biex il-Partit Nazzjonalista ma jkunx jista’ jikkritikah, dan ma jaċċettahx. Huwa qal li l-Gvern għandu jkun irid tassew il-parteċipazzjoni kostruttiva tal-Oppożizzjoni.

Joseph Muscat kien wiegħed li f’din il-leġiżatura huwa se jżid il-btajjel pubbliċi u Adrian Delia qal li din il-kwistjoni għandha impatt ekonomiku. Għalhekk, sostna l-Kap tal-Partit Nazzjonalista, kull reviżoni trid tiġi evalwata skont jekk hix sostenibbli u l-Gvern irid jgħid lil min, finalment, se jispiċċa jħallas għal tali miżura.

Politika b’ruħ soċjali

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li llum għandna dmir aktar minn qatt qabel biex nerġgħu npoġġu lill-familja fiċ-ċentru tal-politika. Huwa qal li, immexxi minnu, il-Partit Nazzjonalista se jħares mhux biss il-valuri tal-Partit Nazzjonalista iżda l-valuri tal-Maltin.

Adrian Delia qal li fost l-isfidi li għandu quddiemu lum pajjiżna hemm il-problema tikber tal-faqar u qal li l-Partit Nazzjonalista huwa mpenjat li joffri soluzzjonijiet konkreti biex jegħleb din l-isfida. Iż-żieda fil-kriminalità hija wkoll pjaga f’pajjiżna, kompla l-Kap tal-Parit Nazzjonalista, u din qiegħda tiżdied għaliex numru ta’ persuni minn pajjiżi barranin qiegħdin jispiċċaw jinġabru f’ghettos minflok jiġu integrati fis-soċjetà. Huwa żied li jekk hemm problemi reali għalxejn nippruvaw inkunu politically correct u nifgħuhom taħt it-tapit għax ma nkunu qiegħdin nagħmlu ġustizzja ma’ ħadd.

Adrian Delia qal li huwa jemmen fil-valur tal-ħajja mill-konċepiment sat-tmiem naturali tagħha. Dwar il-liġi tal-prostituzzjoni huwa qal li ma jaqbilx ma’ emendi li jħallu l-kommerċjaliżżazzjoni tal-prostituzzjoni. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-Gvern mhux se jgħaddi romblu minn fuq l-Oppożizzjoni u, immexxi minnu, il-Partit Nazzjonalista se jżomm sod kontra dawk il-liġijiet li jagħmlu ħsara lis-soċjetà.

Mistoqsi għall-pożizzjoni tiegħu dwar il-legalizzazzjoni tal-marijuana rikreattiva, Adrian Delia qal li, kuntrarju għal dak li qal Chris Fearne, it-teħid tad-droga mhix biss għażla personali għaliex iġġib konsegwenzi fuq kulħadd. Huwa kompla li jekk il-gwerra kontra d-droga mhux taħdem, m’għandniex naqtgħu qalbna u nillegaliżżawha iżda għandna nfittxu metodi aktar effettivi.

18.09.17

No comments:

UNJONI EWROPEA U L-KUNSILL TAL-EWROPA - LAQGĦAT

22088. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI   staqsa lill- Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ: Jista...