5.9.17

Helmut Kohl.

 
1.            Hemm mexxejja Ewropej li jgħaddu, jissemmew temporanjament u oħrajn li jħallu l-marka tagħhom.  Diversi huma dawk li jsibu ruħhom fl-opportunità li jinfluwenzaw l-eventi tal-bniedem.  Il-maġġoranza tagħhom, kif nafu, jservu għal ftit żmien u jintesew.  Il-ftit, però, jkunu hemm fit-tul u jħallu l-marka tagħhom hemm.  Il-karattru, il-prinċipji li wieħed iħaddan, il-viżjoni politika tagħhom, kif ukoll iċ-ċirkostanzi partikolari tal-ħajja huma l-elementi determinanti.  Huma dawn il-fatturi li jagħżlu mexxejja minn oħrajn.

2.         L-Ewropa ilha s-sekli ċentru ta’ attività politika li minnha popli u pajjiżi oħra, b’xi mod, iddipendew.  Il-paċi jew il-gwerra f’dan il-kontinent ġibed miegħu oħrajn.  F’din l-art il-bilanċi interni, l-ordni ta’ stabilità bejn dawk li kienu l-potenzi ta’ kull żmien, kienu l-fatturi prinċipali.  Jekk dan kienx frott ftehim jew trattati bħal dawk tal-paċi ta’ Westphalia, jew tal-Kungress ta’ Vienna, inkella ta’ mexxejja politiċi bħall-Awstrijak Klemens von Metternich jew tal-Prussjan Otto von Bismarck, ilkoll servew biex irrendew lura stabilità jew instabilità.  L-effetti ta’ ħidmiethom għadhom, fil-verità, magħna sallum.  Min irid jifhem l-istorja, min irid jagħraf li għandna passat u mhux preżent biss irid imur lura lejn dawk iż-żminijiet.

3.         Nhar is-16 ta’ Ġunju ġie nieqes persuna li kiteb ismu fost dawn il-bnedmin li servew fit-tul u sewwa lill-poplu tagħhom u dak Ewropew.  Helmut Kohl ġiet nieqes fl-età ta’ sebgħa u tmenin sena, wara ħajja li ratu protagonist ewlieni fl-Ewropa.  Kien il-Kanċillier tal-Ġermanja mifruda u magħquda għal sittax-il sena.  Kien il-bniedem li serva sabiex iġib lura l-għaqda fi ħdan il-pajjiż li mit-Tieni Gwerra Mondjali kien maqsum.  Il-waqa’ tal-Ħajt ta’ Berlin fl-1989 ġie f’mument partikolari li ftit kienu qegħdin jipprevedu.

4.         Mument li però ried risposti malajr, anke jekk ma kienx hemm preparazzjoni għal dak li ftit kienu jipprevedu.  Mhux biss, iżda kien wieħed li ġieb lura fuq dan il-poplu l-biżgħat passati li twieldu minn Ġermanja kbira u b’saħħitha.  Kohl, dan kollu, b’diffikultajiet kbar kien irnexxielu jirbħu.  Il-kuraġġ, id-determinazzjoni u l-perseveranza tiegħu servewh sabiex il-pajjiż ingħaqad mill-ġdid, bid-diffikultajiet soċjali u ekonomiċi li dan ġieb miegħu.  Deċiżjonijiet xejn faċli li llum ilkoll nirrikonoxxu li kien sew li ġew meħuda.  Ittieħdu għal dak il-poplu, imma miegħu sar gwadan ta’ oħrajn ukoll.

5.         Helmut Kohl kien ġej minn familja politika demokratika Kristjana.  Linja ideoloġika li servietu sabiex jifhem dak li għandu jwettaq f’ħidmietu.  Linja li minnha twieldet il-konvinzjoni tal-bżonn ta’ Ewropa magħquda u waħda li hija iktar viċin iċ-ċittadin.  Fl-intern ta’ dak li llum hija l-Unjoni Ewropea, kien għalhekk forza li żammet it-truf tal-membri f’posthom, mexjin ‘il quddiem.  Kien hu wkoll li għaraf li pajjiżna jagħmel sens li jkun parti mill-Unjoni u assigura l-appoġġ tiegħu.

6.         Kien bniedem li assigura wkoll riformi fi ħdan pajjiżu biex żied, b’intelliġenza, ir-riformi soċjali.  Kien huwa li introduċa diversi miżuri favur il-familja u dawk li sforz l-età kienu qed isibu diffikultajiet biex jidħlu fid-dinja tax-xogħol.  Fost dawn intervjena f’ħafna favur il-ħajja u kontra l-kultura tal-mewt.

7.         Ma hemmx dubju li l-Ewropa tilfet mexxej kbir.  Wieħed li serviha u li mexxiha ‘l quddiem għal fejn waslet illum għax kellu viżjoni ċara.  Kif jixhdu tajjeb kliemu: “The future will belong to the Germans when we build the House of Europe.  In the next years we will make the process of European integration irreversible.  Tis is a really big battle but it is worth the fight”.  Il-kommemorazzjonijiet li sarulu minn mexxejja varji mid-dinja kollha daru ma’ dawn il-prinċipji b’rikonoxximent ugwali.  Wieħed li għalih aħna wkoll ningħaqdu magħhom.



No comments:

UNJONI EWROPEA U L-KUNSILL TAL-EWROPA - LAQGĦAT

22088. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI   staqsa lill- Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ: Jista...