Il-Partit
Nazzjonalista jesprimi solidarjetà mal-ħaddiema tal-Air Malta li spiċċaw vittmi
ta’ theddid bla preċedent mill-Ministru tat-Turiżmu Konrad Mizzi. L-aħbar
tal-lum - li l-Ministru hedded li jekk il-ħaddiema ma joqgħodux għal dak li
jiddeċiedi hu, jagħlaq l-Air Malta - hi ta’ tħassib serju u li għandha
tinkwieta mhux ftit lill-ħaddiema tal-Air Malta u l-familji tagħhom.
Din it-tip ta’
dikjarazzjoni hi ta’ xokk għal kulħadd, speċjalment meta wieħed jiftakar li sa
ftit tal-ġimgħat ilu, l-Gvern kien qed jiftaħar li għaddej b’negozjati tajbin
mar-rappreżentanti tal-ħaddiema. Għalhekk illum wieħed ma jistax ma jsaqsix:
id-diskors ta’ qabel l-elezzjoni kien kollu fieragħ, u l-wegħdiet li saru
mill-Partit Laburista kien biss kliem?
Il-Partit
Nazzjonalista jinsisti li l-Air Malta għandu jkollha futur sostenibbli
b’direzzjoni li ma tħarisx l-Air Malta bħala entità kummerċjali għaliha, iżda
f’kuntest usa li jirrifletti r-rwol li l-Air Malta kellha u għad għandha
fl-iżvilupp ekonomiku u soċjali f’pajjiżna, partikolarment, iżda mhux biss,
it-turiżmu.
Il-Partit
Nazzjonalista dejjem kien u dejjem jibqa’ jkun ċar mal-ħaddiema. It-theddid
mhuwiex fl-istil tal-Partit Nazzjonalista.
Robert Arrigo
Kelliem għat-Turiżmu
Solidarjetà Ħaddiema Partit Nazzjonalista
16.09.17
No comments:
Post a Comment