28.9.17

L-Indipendenza tal-Poplu Tagħna



1.      Il-Partit Nazzjonalista rnexxielu jakkwista l-Indipendenza għal pajjiżna, u b’hekk il-famuża frażi “rajna f’idejna”.  L-Indipendenza ġibniha, kif ngħidu u nafu lkoll, meta kienu qegħdin jikkontestawna, u jikkontestaw l-istess kunċett, forzi politiċi oħrajn fosthom, b’mod partikolari, dawk tal-Partit Laburista, li għal żmien twil kien jgħid illi l-21 ta’ Settembru, dak il-jum tal-ikbar ferħ għalina, huwa għalih Jum l-Għajb.  Ingħaqadna mal-Unjoni Ewropea, bħala membri sħaħ, u l-istess Partit Laburista kien kontra, u lkoll nafu li kien huwa li għamel il-bsaten fir-roti għal dak il-pass progressiv.  Illum kulħadd jifhem u jirrealizza li kemm l-Indipendenza, kif ukoll l-adeżjoni mal-Unjoni Ewropea kienu tal-aqwa siwi għal pajjiżna, li jaf il-qagħda tiegħu aqwa tallum għaliex il-Partit Nazzjonalista kien ħa ħsieb jakkwistahom it-tnejn.  Minn dan l-akkwist gawda l-poplu, però aħna rridu nibqgħu nistinkaw li jibqa’ jgawdi minnu kulħadd.  Kif fakkar u appella tajjeb lilna l-Arċisqof Charles J. Scicluna fl-omelija tal-istess jum: għandna lkoll bħala politiċi nsara impenjati fil-ħidma demokratika li “nippromwovu l-ġid komuni”.

Bqajna indipendenti

2.      Mill-bidunett, il-partit kien u għadu jisħaq li meta dħalna fl-Ewropa Magħquda ma tlifniex l-Indipendenza.  M’aħniex sudditi tal-Ewropa; aħna sħab, u kif kien ċar f’għajnejn kulħadd fl-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena, kultant ninzertaw f’ras il-mejda mmexxu aħna.  Li però jeħtieġ żgur huwa li noqgħodu attenti li ma nitilfux l-indipendenza tal-moħħ tagħna.  Dari konna nikkumbattu ma’ dawk li kienu jaħsbu li l-barrani aħjar minna, u aħjar għalhekk li nibqgħu taħtu.  Kien hawn, sfortunatament, f’uħud, kumpless varju u kumplikat ta’ inferjorità.  Il-Partit Nazzjonalista rnexxielu jirbaħ lil din il-mentalità b’ħidmietu u bil-fatti.  Hawn min, mhux biss kien jara lill-Ingliżi bħala superjuri, iżda li baqa’ jara lil kull min ġej minn barra bħala aħjar minna, bħala dawk li għandhom kollox perfett u aħna le.

Nikkumbattu din il-mentalità

3.      Din hi mentalità li jeħtieġ nikkumbattu bis-serjetà kuljum.  Mhux dejjem għandhom raġun dawk li qegħdin Brussell.  Mhux dejjem jaħsbu aħjar minna huma, jew dawk li jkunu madwar il-mejda.  Fuq ħafna materji ta’ prinċipji fundamentali, ta’ bioetika, ta’ filosofija politika, il-mod kif jaħsbuha l-Maltin mhux inferjuri għal dak ta’ Ewropej oħra.  Waqt li għandna x’nitgħallmu minn ħaddieħor fl-Ewropa bħalna, pajjiżna rnexxielu, minħabba ċertu karattru tagħna l-Maltin, jevita u jissupera problemi li għadhom ikiddu lil ħaddieħor.  Rajna x’ġara, qisna x’nagħmlu u wara ddeċidejna jekk huwiex tajjeb għalina jew le, u mhux kif riedna min għandu mentalità oħra, li naċċettaw kollox bla ħsieb.

Inħossni kburli li jien Malti

4.      F’Jum l-Indipendenza nħossni kburi li jien Malti, li għandi l-għeruq f’dawn il-Gżejjer imbierka.  Ma nixtieqx li kont Belġjan, Taljan, Franċiż, Awstrijak, Ingliż jew Skoċċiż, eċċ.  Ġensna rnexxielu, tul is-sekli, jagħmel l-għażliet it-tajbin u jirribella kontra l-impożizzjoni.  Kontra dawk li ċaħħduna mil-libertà u l-ġustizzja tagħna.  Sostnih il-karattru li ssawwar fit-tbatija u t-theddid.  Sostnietu l-fidi Nisranija li għadha soda magħna.  Trawwimna fil-maħfra u fil-ħniena.  U drajna nmiddu għonqna għax-xogħol.  Drajna fil-bżulija u fl-għaqal.  Bnejna fuq pedamenti sodi, ħafna drabi fuq iż-żonqor sod.

Jeħtieġ nagħtu l-kontribut oriġinali tagħna

5.      F’dan kollu xorta, anqas fuq in-naħa l-oħra s-suppervja u s-suspett lejn dak li ġej minn barra, ma jwassluna mkien.  Mingħand il-pajjiżi kollha msieħba tagħna fl-Unjoni Ewropea, u anke mingħand oħrajn, nistgħu nieħdu anki t-tagħlim.  Iżda biex l-Unjoni tirnexxi, iktar u iktar illum, kulħadd, inkluż aħna, jeħtieġ nagħtu kontribut oriġinali.  Ngħid għalija, meta kont Ministru tal-Ġustizzja u l-Intern u kont niltaqa’ ma’ Ministri Ewropej oħra, ma kontx inħossni inqas minnhom.  La meta kien Angelino Alfano, dak il-ministru ta’ intelliġenza u abbiltà, u lanqas meta kien xi wieħed mill-Ministri l-oħra, kien Franċiż jew kienet Svediża, dejjem ittrattajna lil xulxin ta’ ħbieb ugwali.  Proprju għalhekk li meta rġajt iltqajt ma’ Alfano, li kien qiegħed jakkumpanja lill-President Taljan Sergio Mattarella ftit ġranet ilu, tkellimna ta’ ħbieb antiki li aħna u li ħdimna flimkien.

Għandu jħossu kburi

6.      Il-Partit Nazzjonalista għandu Kap ġdid f’Adrian Delia, li daħal wara proċess demokratiku.  Hemm ħafna x’għandu jingħad fuq dan iktar ‘il quddiem, meta l-ilmijiet jikkalmaw iktar.  Ngħid li għandu llum iħossu kburi li daħal fil-kariga li kienet ta’ Ġorġ Borg Olivier, li akkwista l-Indipendenza bil-kuraġġ u bid-diplomazija, u li kien kburi li kien Malti, kif ibnu Alexander tant tajjeb tkellem fuq dan.  Għandu jħossu kburi li daħal fis-siġġu ta’ Eddie Fenech Adami, li kkumbatta, barra milli eżerċita paċenzja kbira, biex kiseb l-adeżjoni mal-Unjoni, kif kien dejjem jipprospetta Ġorġ Borg Olivier qablu.  Eddie kien u għadu eżempju ta’ Malti veru li hu kburi li hu Malti, li ma jinġarrx mal-moda li kultant kaxkret xi parti mill-Ewropa, imma żamm ruħu sod mal-għeruq demokratiċi Nsara tagħna.

Kburin

7.      Kieku ma konniex indipendenti, ma konniex inkunu nistgħu nidħlu fl-Unjoni bħala ugwali.  Ninsistu rridu, iktar minn qabel, fuq l-ugwaljanza, issa li aħna membri.  U nibqgħu kburin: Maltin veri naħilfuh.  Kif inkantaw dak li kiteb nannuwi Carmelo Mifsud Bonnici, magħruf bħala “Il-Gross”, fl-1932.  Kburin bl-indipendenza tal-moħħ u tar-rieda.  Kburin b’dak li l-Maltin irnexxielhom jibnu tul is-sekli.  Kburin b’pajjiżna, ta’ Nazzjonalisti u patrijotti li aħna lkoll kemm aħna.

No comments:

UNJONI EWROPEA U L-KUNSILL TAL-EWROPA - LAQGĦAT

22088. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI   staqsa lill- Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ: Jista...