18.9.17

Paċenzja, progress u perseveranza


 
1.      Tidher li fl-aħħar għaddiet ukoll.  L-għażla ta’ Kap ġdid għal dan il-partit ma kinitx faċli għal diversi raġunijiet.  L-iktar għax wieħed irid jixħet il-vot tiegħu bejn persuni li ġejjin minn ħdan l-istess għaqda.  Kif ukoll għax din kellha l-fatturi ġodda tagħha.  L-ewwel: il-mezzi soċjali li, għalkemm mhux dejjem użati tajjeb, servew biex qam dibattitu qawwi.  Kien hemm min kien jaf jagħmel dan, u kien hemm min le.  Kien hemm min kien kapaċi jaċċetta argumenti kuntrarji għal tiegħu, u kien hemm min assolutament le.  It-tieni: li t-tesserati kellhom fuqhom ir-responsabbiltà finali wara l-Kunsilliera.  Hawn kien hemm min irid jivvota u ma tħalliex, u kien hemm min seta’ li baqa’ ma vvutax.  Però, il-maġġoranza vvutat.  Dan, avolja għandna x’nitgħallmu minnu, xorta bid-diffikultajiet u kumplikazzjonijiet, huwa pass progressiv għall-partit.

Partit tad-Demokrazija

2.      Il-partit baqa’ dak perseveranti sabiex iħares li jissoda d-demokrazija fil-poplu.  Dan l-eżerċizzju ta’ demokrazija diretta, independentement mir-riżultat, huwa pożittiv.  Huwa mertu għalina li fuqu issa, fil-jien li ġejjin, nibdew nikkalmaw ftit u iktar nistgħu nħarsu ‘l quddiem.  Inħarsu sabiex inkomplu nkunu dawk li jiggarantixxu l-libertajiet u d-drittijiet fundamentali tal-bniedem.  Dawk li għandhom pjan soċjo-ekonomiku sod u fit-tul, li jiggarantixxi l-progress tal-gżejjer tagħna.  Dawk li jridu jaraw li l-istituzzjonijiet demokratiċi, li ħafna minnhom wellidna aħna stess, jiġu ssudati u li jwettqu fl-ispritu kostituzzjonali sħiħ tagħhom dak li nħolqu għalih.  Inħarsu sabiex inwettqu dan fir-realtà billi nkunu lura fil-gvern.

Partit tal-Ewropa

3.      Nibqgħu iktar dak li mill-bidu tagħna konna.  Partit li jħares lejn l-Ewropa u jaħdem biex ikun parti minnha.  Sa minn meta dħalna membri fil-Kunsill tal-Ewropa fid-29 ta’ April 1965, u wara fl-Unjoni Ewropea bqajna f’din il-linja politika.  Bqajna dawk li jħarsu lejn il-bżonn li jkun hemm iktar għaqda u unità interna bejn l-Istati Ewropej.  Iktar u ikar f’dan il-mument partikolari, fejn il-ħruġ ta’ membru importanti huwa mument ta’ riflessjoni u ta’ azzjoni.  Din hija triq importanti lejn l-unità tal-popli Ewropej, dawk li missirijietna kienu jsejħu bħala “latini”, li hemm bżonn li nieħdu u nipparteċipaw attivament fiha.  Għandha tkun prijorità għal min daħal fis-siġġu li kienu jokkupaw qabel Simon Busuttil, Lawrence Gonzi, Eddie Fenech Adami, Nerik Mizzi u Ugo Mifsud li jieħu.

Partit Demokratiku Nisrani

4.      Dan rajtu iktar evidenti tul din il-ġimgħa meta kelli x-xorti li nkun parti mid-delegazzjoni tal-partit li ltaqgħet mal-President Taljan Sergio Mattarella u l-ħabib il-Ministru tal-Affarijiet Barranin Angelino Alfano.  Tul dik il-laqgħa qam dan il-punt, u l-viżjoni li ġiet espressa kienet li kien hemm qbil fl-ideat.  Irridu nħarsu ‘l quddiem bil-paċenzja, però bil-perseveranza biex nibnu iktar fuq dak lig ħandna u fuq dak li ta’ qabilna għaddewlna.  F’dan, iktar u iktar għax għandna x-xorti li nkun parti mill-familja ta’ dawk li huma demokratiċi nsara.  Huma kienu li tawna l-assistenza, pariri u appoġġ meta kellna bżonn fil-ħajja demokratika u diffiċli tagħna.  Sehemna jibqa’ għalhekk wieħed rilevanti u determinanti fi ħdan dawn il-partiti.

Partit tal-ġustizzja soċjali

5.      Aħna nibqgħu partit demokratiku Kristjan.  Hekk twelidna u hekk aħna.  F’dan il-pajjiż, fuq din l-art seta’ k ien hemm partit ta’ ħsieb ieħor, bħal dawk liberali jew konservattivi li ħa u kabbar l-għeruq, imma dan ma kienx il-każ, ma seħħx.  Anzi, kif uriet il-kampanja, kien hemm reżistenza għal xi bidla fil-ħsieb politiku tagħna.  Ħafna huma tal-konvinzjoni politika li għandna dmir li nipproteġu u nħarsu l-ideal Nisrani bħala strument ta’ riforma.  Bidliet progressivi li, terġa’, għandna spjegazzjoni iktar ċara fid-duttrina soċjali li diversi enċikliċi jagħtuna.  Għodda importanti li diversi qabilna użaw għas-sewwa u għall-ġustizzja soċjali.

Partit tar-raġuni

6.      Hemm proċess ta’ kontinwazzjoni li jiddependi ħafna mill-paċenzja u l-perseveranza tagħna.  Il-paċenzja, partikolarment, hija neċessarja f’dan il-mument.  Għax m’għandix dubju li ser ikun hemm min għadu tant ikkargat b’dak li seħħ f’dawn il-ġimgħat li se tkun iebsa għalih biex iġib ruħu lura madwar il-mejda.  Iż-żmien jagħtina parir u jġib miegħu l-paċi interna.  Kummenti żejda rridu nagħmlu l-isforzi neċessarji sabiex jieqfu.  Diskors fuq kif ivvota wieħed jew ieħor, l-istess.  Kif ukoll m’għandniex nibqgħu naħsbu li għandna nifflaġellaw ruħna biex nippurifikaw lilna nfusna billi ngħidu kontra tmexxijiet passati.  Nużaw tajjeb, kif dejjem għamilna, ir-raġuni.

Partit li jipproteġi l-passat tiegħu

7.      Nittama f’dan li jkun hemm rispett sħiħ lejn min konna vvutajna b’maġġoranza biex ikun Kap tal-partit fl-2013.  Kienet deċiżjoni tagħna bħala partit u rridu nieħdu r-responsabbiltà pożittiva tagħha.  Simon Busuttil, għalhekk, irid jiġi rispettat.  Jekk nonqsu milli nagħmlu dan inkunu qed nonqsu lilna nfusna u t-tessut morali tal-partit innifsu.  Id-deċiżjonijiet li ħa, kienu x’kienu, jistgħu jinbidlu, kif kull mexxej għandu l-libertà u r-responsabbiltà jbiddel dawk ta’ qablu.  Biss, wieħed irid jagħraf li dawn id-deċiżjonijiet politiċi ttieħdu f’mument u f’sitwazzjonijiet partikolari.  Bħal kif iseħħ dejjem, uħud imbuttawna ‘l quddiem, u oħrajn le.  Huma x’inhuma, jibqa’ għaż-żmien li ġej wieħed mill-kapijiet tal-partit li wettaq il-ġid.

San Ċiprijanu u San Kornelju ipproteġuna

8.      Ma nafx jekk hux b’kumbinazzjoni, però din sirt nemmen inqas fiha.  Il-jum tal-bieraħ iċċelebrajna żewġ bnedmin li l-Knisja iddikjarathom qaddisin.  San Ċiprijanu u San Kornelju għandhom kitbiet u storja interessanti.  Wieħed f’Kartaġni taħtna, u l-ieħor f’Ruma fuqna.  Wieħed isqof, l-ieħor Papa.  It-tnejn għaddew mill-persekuzzjoni ħarxa tal-imperaturi pagani.  B’mod partikolari, it-tnejn ħarsu, kitbu u ħadmu lejn l-unità sħiħa tal-Knisja.  Unità, għaqda li hija importanti għalina llum.  Waħda li nħares u nitlob lejn dawn il-qaddisin sabiex min ġie elett u mgħobbi bir-responsabbiltà jkollu d-dehen li jmexxi u jġib miegħu ‘l kulħadd.  Hemm żgur bżonn ta’ paċenzja, perseveranza sabiex ikollna l-progress tal-partit.  Ċert f’dan, però, li San Ċiprijanu u San Kornelju ser jipproteġuna f’din it-triq tagħna.          
   

No comments:

UNJONI EWROPEA U L-KUNSILL TAL-EWROPA - LAQGĦAT

22088. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI   staqsa lill- Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ: Jista...