1. Irid ikun Papa ġdid li, taħt il-papat
tiegħu tinħareġ enċiklika, biex is-soċjetà tagħna llum terġa’ tiftakar li
jeżistu numru ta’ enċikliċi mimlija għerf.
F’dawn l-ittri ċirkolari, miktuba biex imorru minn post għall-ieħor,
hemm minjiera li hija miftuħa għall-bnedmin ta’ rieda tajba. Kif kien qal il-Qaddis Ġwanni XXIII fil-kitba
tiegħu Mater et Magistra, “Omm u
għalliema tal-ġnus kollha, il-Knisja Universali ġiet imwaqqfa minn Ġesù Kristu
biex kulħadd, fiż-żminijiet kollha, jersaq fi ħdanha, isib fiha l-ħajja sħiħa u
garanzija tas-salvazzjoni”, u jkompli: “Il-Kristjaneżmu huwa, għaldaqshekk
għaqda tal-art mas-sema, f’dak lijħares il-bniedem fil-bini tiegħu, ruħ u
ġisem, moħħ u rieda, u lilu jistieden biex jgħolli moħħu ‘l fuq mill-ħwejjeġ ta’
kuljum tal-ħajja ta’ din l-art lejn il-kobor tal-ħajja ta’ dejjem, li tkun
twettiq il-ferħ, il-paċi li ma jintemmx”.
2. Mhus biss fis-soċjetà, imma anki ġewwa
l-Knisja. Ilni ma nisma’ priedka l-Ħadd,
jew għal dawk il-ftit li jippruvaw matul il-ġimgħa, fejn xi waħda mid-diversi
enċikliċi jissemmew. Jista’ jkun li
qiegħed immur għall-quddies fejn dan ma jsirx, però l-verità hija li qed
jintesew. Il-fatt li Papa partikolari,
kif kien il-Qaddis Ġwanni Pawlu II, ikun attiv ħafna fl-enċikliċi u ieħor inqas
m’għandux ifisser li taħt wieħed jissemmew u taħt l-ieħor le. Dan iktar u iktar meta l-maġġoranza tagħhom
fihom sens u sustanza li t-trapass taż-żmien ma jintmissx, anzi jissoda. Dan huwa rilevanti aktar għalija, bniedem
fil-politika, li nħares u nifli dawk l-enċikliċi li jissejħu “soċjali”.
3. Dawn l-enċikliċi huma gwidi u pedamenti
sodi għal min irid jipprova jkun strument għas-sewwa fis-soċjetà
għall-proxxmu. Għal min irid jgħin biex
wieħed jibni ordni soċjali ġust.
Il-konfront tal-bniedem, fil-jiem preżenti, mal-ħajja pubblika u għal
ġewwa fiha, proprju għaol dak li jidħol għaliha b’interess altruwista u
passjoni jitlob li jkollu dawn l-għodda għad-dispożizzjoni tiegħu. Proprju f’din il-linja li bnedmin bħali
jkompu, kuljum, ifittxu li jixorbu minn dan l-ilma frisk u ħaj. Proprju f’dan li sibtni erġajt naqra u nifli
dak li l-Papa Benedittu XVI kien kiteb tnax-il sena ilu, fil-25 ta’ Diċembru
2005.
4. Kitbet dan il-Papa għandha l-kwalità
partikolari li aktar ma taqraha, iktar issib fiha. Anzi aħjar, aktar ma taqra l-istess kitba,
iktar issib x’tifhem u kif ukoll gwida.
Fil-librerija, li dan is-sajf kelli l-ħin nipprova norganizza mill-ġdid,
sibt li għandi numru tajjeb ta’ kitbietu.
Kotba varji li kważi kull wieħed qrajt darbtejn u li ċert li ħafna bħali
għażlu, fil-ħin tagħhom, li jippruvaw jassorbu.
Biss wieħed irid jaċċetta li hawn, f’dan l-artikolu, fuq l-enċikliċi qed
nitkellmu, u mhux il-volumi l-oħra. Benedittu
XVI, fit-tmien snin tiegħu ta s-siġill lil tlett ittri partikolari: l-ewwel Deus Caritas est, it-tieni Spe Salvi u t-tielet Caritas in Veritate. Mhux
ser inżid Lumen Fidi, li ħarġet taħt
Franġisku, għalkemm huwa magħruf li kien kważi lestiha hu.
5. F’dan erġajt mort lura lejn il-paragrafi
28 u 29 ta’ dik l-ewwel enċiklika u ħarist lejhom illum. Sibtni nagħraf punti ġodda. Sibtni nifhem li, b’dak id-dokument,
il-Knisja kienet qed titkellem minn lenti differenti li aħna l-politiċi
mdorrija biha. Fi ftit sentenzi,
il-pożizzjoni minn naħa tal-Knisja u mhux minn dik ta’ partit demokratiku
Kristjan hija iktar ċara. L-ewwel:
il-Knisja m’għandhiex tieħu fuqha l-battalji politiċi sabiex is-soċjetà tkun
iktar ġusta. Dik hija f’idejn
il-politiċi nsara. It-tieni: m’għandhiex
tkun flok, u anqas ma hija l-Istat.
It-tielet: m’għandhiex tibqa’ fil-ġenb fil-ġlieda għas-sewwa u
l-ġustizzja. Ir-raba’: trid tagħti
sehemha b’argumenti razzjonali u tqajjem lill-bniedem fl-aspett spiritwali biex
jaħdem aħjar għall-ġustizzja.
6. Il-Papa b’dan ried, u għadi jrid jagħti
lura d-dinjità sħiħa li l-politika jixirqilha.
Għax l-ordni ġust fis-soċjetà u fl-Istat, kif jgħid huwa, jibqa’
l-missjoni u r-responsabbiltà ċentrali tal-politika. Biss, ġustament, f’din il-linja jfakkarna
direttament u mill-ġdid f’kitbet Santu Wistin li “Remota itaque iustitia sunt regna nisi magna latrocinia” (Jekk
il-ġustizzja mhix rispettata, x’inhuma l-Istati jekk mhux ġabriet kbar ta’
ħallelin). Sabiex dan ma jseħħx hemm,
l-ewwel, il-bżonn li l-Knisja tgħallem u tibqa’ fi proċess li hija stess
titgħallem; it-tieni, li tfiehem f’dan li, b’mod partikolari, kull min qiegħed
fil-politika jgħaddi minn proċess ta’ tisfija, purifikazzjoni tal-ħsieb
imnebbħa mill-fidi lejn ir-realtà.
7. F’dan hemm is-servizz li l-Knisja tgħaddi
lill-bniedem f’kull ġenerazzjoni u li qatt ma tista’ tgħid li wettqet
kompletament, anzi li huwa impenn kostanti lejn ir-realiżmu nisrani. Għax, kif ingħad, billi l-politika hija
attività tal-bniedem, hemm bżonn li tiġi rfinata, purifikata u mgħollija ‘l fuq
lejn il-ġustizzja u l-karità. Għalhekk
hija kollaboratriċi tal-Istat u m’hijiex sostitut tiegħu. Iktar u iktar meta l-fatti juru li l-Knisja,
bl-esperjenza twila tagħha fis-sekli, hija esperta fl-umanità. F’dan, kjarament jitħaddan il-prinċipju
tas-sussidjarjetà tant fundamentali għall-politika demokratika Kristjana. Abbażi ta’ liema tiġi affermata l-importanza
tal-bniedem u tal-korpi soċjali l-oħra fil-ħajja tas-soċjetà, li għas-servizz
tagħhom għandu jkun hemm l-istituzzjonijiet demokratiċi f’kull forma u livell.
8. F’dan kollu wieħed jifhem iktar is-sehem,
il-funzjon u l-missjoni tal-Knisja, speċjalment permezz tal-enċikliċi soċjali
varji, sabiex tgħallem. Tħares lejn dak
li huwa ġust, tajjeb u li jaqbel man-natura ta’ kull bniedem fis-sejħa tiegħu
li jkun strument għas-sewwa. Tgħallem,
teduka lill-oħrajn u tassigura li hi u l-politiċi jedukaw iktar ruħhom. F’dan joħorġu domandi, punti ta’ dibattitu,
ideat, proposti li jixprunaw lejn proġetti fejn il-bniedem ma jitlifx
id-dinjità tiegħu u jibqa’ strument għall-ġustizzja u l-karità. Proprju għalhekk tajjeb li wieħed imur lura
lejn l-enċikliċi soċjali. Proprju
għalhekk li hemm bżonn li nibdew nisimgħu mill-ġdid x’jgħidu. Għax il-bniedem għandu bżonn ta’ ideat għalih
ġodda. Għandu bżonn jingħata direzzjoni
u assistenza sabiex ikun strument li jġib ordni ġust fis-soċjetà.
No comments:
Post a Comment