Il-Partit
Nazzjonalista għadu b’saħħtu u qiegħed ikompli jissaħħaħ kuljum. Joseph Muscat
jiżbalja jekk jaħseb li se jsib Oppożizzjoni dgħajfa. Il-Kap tal-Partit
Nazzjonalista Adrian Delia qal dan waqt attività politika waqt
iċ-ċelebrazzjonijiet tal-Indipendenza fuq il-Fosos tal-Floriana.
Adrian Delia
qal li l-Partit Nazzjonalista qiegħed jerġa’ jingħaqad u ħabbar li aktar kmieni
llum beda l-proċess ta’ tranżizzjoni fit-tmexxija. Huwa rringrazzja lil Chris
Said tad-disponibilità immedjata li wera biex jiddiskuti t-triq ‘il quddiem
sabiex il-Partit Nazzjonalista jkompli jiġi flimkien u jissaħħaħ.
Adrian Delia
qal li llum il-Partit Nazzjonalista kellu rebħa oħra meta l-Imħallef Mizzi
aċċetta t-talba li s-smiegħ dwar il-każ tar-rekuża jsir fil-miftuħ. Huwa qal li
maħniex ngħixu f’pajjiż normali meta jkollu jkun il-Kap tal-Oppożizzjoni
personalment li jagħmel rikors il-Qorti biex issir investigazzjoni fuq
allegazzjonijiet serji kontra l-għola uffiċjali tal-Gvern. Il-Kap tal-Partit
Nazzjonalista rringrazzja lil Jason Azzopardi tal-preparazzjoni serja tiegħu
f’dan il-każ ta’ importanza nazzjonali.
Il-Kap
tal-Partit Nazzjonalista qal li f’pajjiżna llum hemm l-għatx għal politiċi li
jħossu bħan-nies u joffrulhom tama. Politika qrib in-nies ma tfissirx biss li
l-politiċi jgħixu fil-viċin man-nies, iżda li jinvolvu l-ideat tagħhom
fit-tfassil tal-politika, qal Adrian Delia. Huwa qal li l-aġġornament politiku
tal-Partit Nazzjonalista ma jistax jinjora l-fehmiet u l-ħsibijiet li joħorġu
mill-esperjenza ta’ kuljum tan-nies.
Vuċi li tasal
għand il-poplu kollu
Il-messaġġ
tal-Partit Nazzjonalista m’għandux ikun biss għan-Nazzjonalisti, qal Adrian
Delia iżda l-vuċi tal-partit trid tasal għand il-poplu kollu sabiex aktar nies
jiġu konvinti li l-politika tal-Partit Nazzjonalista hija l-aħjar waħda. Il-Kap
tal-Partit Nazzjonalista qal li hemm ħtieġa għal aktar dibattitu politiku fuq
il-mezzi tax-xandir.
Adrian Delia
qal li tul dawn l-aħħar snin il-Partit Nazzjonalista għadda minn ristrutturar
finanzjarju u, minkejja li s-sitwazzjoni issa hija stabbli, l-isfidi għadhom
jeżistu. Huwa qal li jrid isir investiment biex tinbidel il-media minn mezz ta’
komunikazzjoni tal-massa għal wieħed strateġiku individwali. Permezz tal-media,
il-Partit Nazzjonalista jrid jasal għand in-nies b’mod effettiv billi juża
l-aktar teknoloġija moderna.
Huwa żied li
hemm pjanijiet biex l-investiment isir ukoll fir-riżorsi umani speċjalment
b’taħriġ kemm għal persuni li diġà jaħdmu kif ukoll għal persuni ġodda. Adrian
Delia semma’ kif fil-viżjoni tiegħu il-kamra tal-aħbarijiet għandha tiffoka
aktar fuq ġurnaliżmu investigattiv ta’ kwalità.
Partit
Nazzjonalista aktar inklussiv
Il-Kap
tal-Partit Nazzjonalista qal li huwa qiegħed iħares ‘il quddiem dwar kif
in-nies, u b’mod partikolari l-ġenerazzjonijiet il-ġodda, qed jaċċessaw
l-informazzjoni. Huwa fakkar ukoll li fi ftit snin oħra ż-żgħażagħ ta’
sittax-il sena se jkunu qiegħdin jivvutaw ukoll u għalhekk huwa mportanti li
l-media tal-Partit Nazzjonalista taħseb minn issa għall-mezzi ta’ informazzjoni
li se jkunu qed jużaw iż-żgħażagħ fis-snin li ġejjin.
Adrian Delia
qal li huwa jrid mhux sempliċiment li jkun hemm aktar żgħażagħ fil-Partit
Nazzjonalista iżda li l-partit jerġa’ jsir żagħżugħ mill-ġdid. Huwa qal li lest
jagħti liż-żgħażagħ il-poter li jesperimentaw u jwettqu l-politika huma stess.
Il-Kap
tal-Partit Nazzjonalista qal li, bl-istess mod, il-kumitati sezzjonali għandhom
rwol akbar x’jagħmlu fit-tfassil politiku. Huwa żied li l-membri tal-kumitati
sezzjonali huma strumentali sabiex aktar nies iwasslu l-esperjenza tal-ħajja
ta’ kuljum tagħhom fil-politika.
Fl-aħħar erba’
snin il-Partit Nazzjonalista irnexxielu jibdel il-proċessi interni biex ikun
aktar inklussiv, qal Adrian Delia, u fakkar li l-elezzjoni tas-16 ta’ Settembru
kienet waħda storika għaliex kienet l-ewwel darba li d-deċiżjoni importanti
dwar Kap ta’ partit politiku kienet fdata f’idejn ħmistax-il elf persuna.
Adrian Delia
qal li huwa sinjal tajjeb li l-media Laburista qiegħda diġà tattakkah għaliex
huma skomdi bih. Huwa qal li l-istqarrija tal-Partit Laburista aktar kmieni
llum turi li l-partit negattiv huwa fil-fatt dak immexxi minn Joseph Muscat.
18.09.17
No comments:
Post a Comment