1. Bħal diversi pajjiżi fid-dinja, tagħna ħa
ħsieb li jiftaħ il-bieb sabiex ċittadini ta’ dawn il-gżejjer li fil-passat
tagħhom, għar-raġunijiet tagħhom, emigraw ikunu jistgħu japplikaw u jingħataw
iċ-ċittadinanza. Kien proċess ċar u
determinanti li nbeda biċċa biċċa taħt amministrazzjonijiet Nazzjonalisti. Dak iż-żmien, il-Ministru Tonio Borg kien
fetaħ il-bieb sabiex Maltin u Għawdxin tat-tieni u tat-tielet ġenerazzjoni
setgħu japplikaw u jieħdu bi dritt lura dak li għandhom. Il-liġijiet tagħna jimxu fuq il-prinċipju tal-jus sanguinis, fejn iċ-ċittadinanza tingħata
skont id-demm u mhux fl-art fejn wieħed twieled.
Protezzjoni tal-kultura
2. Niftakar fl-ewwel ħatra tiegħi bħala Membru Parlamentari, u wara bħala Segretarju Parlamentari,
fl-2007 insegwi l-emendi li kienu saru proprju sabiex dan ikompli jsir u
jinfirex. Il-Maltin ta’ barra ngħataw
drittijiet li ma kellhomx u ċ-ċittadinanza doppja saret bi dritt, u mhux
b’eċċezzjoni. Kif ilkoll nafu, dik
kienet deċiżjoni li kienet ġiet apprezzata ħafna mill-ewwel, għax kull persuna
ngħatat il-libertà li qabel ma kellhiex.
Iktar u iktar meta biċ-ċittadinanza Maltija, wieħed isir ukoll ċittadin
tal-Unjoni Ewropea. Proprju b’dak
il-pass politiku, li kien fortunatament ittieħed, li l-pajjiż beda jħares iktar
b’saħħa lejn il-protezzjoni tal-kultura u l-lingwa tagħna fil-pajjiżi fejn
diversi emigraw, bħal pereżempju l-Awstralja, il-Kanada u l-Istati Uniti
tal-Amerika.
Pajjiż eċċellenti
3. Dan
kien ġie apprezzat sew, kif qal sewwa r-rappreżentant tal-Kummissjoni Għolja
Awstraljana tul Konvenzjoni li kienet saret fl-1 ta’ Frar 2000: “The new
citizenship law is an excellent step in the right direction, especially in so
far as it makes it easier for the children of migrants born abroad, to retain
dual citizenship”. Fil-fatt dan sar
proprju għax kienet saret emenda fil-liġi Maltija li fiha ngħad li ċittadin
Malti ma jitlifx tali ċittadinanza meta jkun akkwista dik ta’ pajjiż
ieħor. Dan fisser li dik ir-rabta li
kien hemm qabel ġiet użata fil-liġi u dan wassal, iktar ‘il quddiem,
għat-twaqqif tal-Kunsill għall-Maltin li Jgħixu barra minn Malta, permezz
tal-Kapitolu 515 tal-liġijiet tagħna.
Artikolu interessanti
4. Dan
sallul kien u jibqa’ pożittiv, però hemm numru ta’ eventi li ġraw fl-Awstralja
li jimmeritaw l-attenzjoni serja tagħna.
Diġà deher artikolu interessanti ta’ Lawrence Dimech, pijunier f’dan
is-suġġett, fil-ġurnal l-Orizzont. Taħt
it-titolu “Kif fiċ-Ċittadinanza Doppja Tista’ Tħawwadna” tqajmu numru ta’ punti
marbuta ma’ dak li qiegħed jiġri f’dak il-pajjiż, fejn numru ta’ deputati
kellhom iċedu s-siġġu minħabba ċittadinanza doppja. Kif spjega tajjeb: “L-Awstralja titlob li
biex tkun membru tal-Parlament Federali, l-alleanza tiegħek trid tkun biss lejn
l-Awstralja, jiġifieri ma jistax ikollok ċittadinanza doppja”.
Artikolu 44
5. B’dan,
il-pożizzjoni aggravat tul dan ix-xahar, meta d-Deputat Prim Ministru
Awstraljan, Barnaby Joyce, ingħad li huwa ineliġibbli li jibqa’ fil-Parlament
għax jista’ jkun li huwa ċittadin ta’ New Zealand, fejn twieled. Skont l-artikolu 44 tal-Kostituzzjoni
Awstraljana dan m’huwiex permess. Dan
il-membru stqarr hekk: “I was born in Australia in 1967 to an Australian mother
and I think I’m fifth generation. My
father was born in New Zealand, came to Australia in 1947 as a British
subject. In fact, we were all British
subjects at that time”. Pożizzjoni li
taf tapplika għad-diversi Maltin li hemm f’dak il-pajjiż.
Double happiness
6. Din
il-kwistjoni legali qajmet ukoll l-interess tal-medja barranija. The Economist, fil-ħarġa tiegħu tad-19 ta’
Awissu, ddedika parti mill-editorjal tiegħu bit-titolu “Double Happiness”. Hemm ingħad tajjeb ħafna li: “Trying to make
sure that lawmakers do not owe allegiance to a foreign power is fair
enough. But the accident of birth and
possession of particular citizenship papers are poor measures of loyalty, all
the more so in a tie of global travel, migration and mixed marriages. People of more than one nationality should
not be treated with suspicion”. Verament
m’għandux ikun, l-ewwel li wieħed iħares b’suspett jew jaħseb ħażin, jew
jakkużahom bi tradiment lil dawn li għandhom, jew huma intitolati
għaċ-ċittadinanza doppja. It-tieni, għax
il-poplu għandu jkollu d-dritt li jivvota għal min jagħżel, għax
il-kwalitajiet, il-karattru u l-imġieba ta’ kull kandidat huma differenti.
Livell diplomatiku
7. Dan
is-suġġett ma tantx ingħata attenzjoni f’pajjiżna; u nifhem, għax fih
diffikultajiet u kumplikazzjonijiet.
Dawk ta’ natura legali u relazzjonijiet bejn l-istati. Dimech jgħid: “Huwa ta’ importanza li jkun
hemm spjegazzjonijiet ċari biex ħadd ma jiġi mqarraq”. Biss, hemm iktar minn tagħrif. Dan huwa punt legali u kostituzzjonali li
qiegħed jaffettwa ħażin. Għalhekk,
wieħed m’għandux jaħrab mill-bżonn li l-kwistjoni tiġi konfrontata fuq livelli
diplomatiċi għolja. Hemm dawk marbuta
mal-pożizzjoni nazzjonali. Ir-rabta
speċjali tagħna mal-Awstralja, b’tant eluf ta’ Maltin hemm, titlob linaraw kif
dak li sar bi qbil maż-żewġ naħat ma jeffettwax negattivament deputati b’demm
Malti. It-tieni, hemm ukoll lok
għall-Unjoni Ewropea li tinterjeni hija.
Għax b’dan l-artikolu kostituzzjonali jistgħu jiġi effettwati diversi
ċittadini Ewropej oħra.
Konfront intelliġenti
8. Wieħed
għandu jikkonfronta din il-pożizzjoni b’intelliġenza u b’rispett lejn
id-diversi persuni li huma intitolati għaċ-ċittadinanza Maltija. L-ewwel, b’diskussjoni miftuħa bejn l-istati
u l-Unjoni Ewropea. It-tieni, dejjem
jekk il-Qorti Kostituzzjonali Awstraljana ma tiddeċidix mod ieħor, li wieħed
jistenna li jsiru emendi legali sija fil-Kostituzzjoni Awstraljana kif ukoll,
dejjem jekk ikun hemm lok, f’dik ta’ pajjiżna.
M’hemmx dubju li dan huwa suġġett li jimmerita attenzjoni. Wieħed li hemm bżonn li jiġi diskuss sabiex
iċ-ċittadinanza doppja ma teffettwax ħażin.
No comments:
Post a Comment