Il-Partit Nazzjonalista jingħaqad ma’ diversi pajjiżi oħra sabiex ifakkar l-vittmi innoċenti li 16-il-sena, proprju fil-11 ta’ Settembru 2001 fl-Istati Uniti tal-Amerika tilfu ħajjithom. F’dak il-jum, id-dinja waqfet tħares, waqt li erba’ ajruplani ntużaw bħala armi mill-grupp terroristiku tal-Al Qaeda sabiex jolqtu fil-qalb mhux biss dak il-poplu, imma s-sistema demokratika tagħna kollha.
Kien il-mument meta rajna lilna nfusna iktar vulnerabbli milli konna naħsbu, f’dinja moderna li fiha konna naħsbu li hemm is-sigurtà. Kien il-jum li se jibqa’ jimmarka ġenerazzjonijiet sħaħ fil-banalità ta’ atti li wlied il-ħażen għandhom. Għax il-ħażen huwa kontra l-ordni naturali, jwassal għall-instabbiltà u telf tal-paċi pubblika u ma jġib ebda forma ta’ ġid.
Għall-Partit Nazzjonalista, din hija ferita ħajja għall-umanità, għall-popli ċivilizzati u li jħaddnu l-libertà u l-ġustizzja. Għalhekk il-mewt ta’ 3,000 persuna m’għandux u ma jistax jintnesa. Għalhekk aħna ningħaqdu b’solidarjetà ma’ dak il-poplu kbir li għadda d-demokrazija lill-oħrajn. Għax it-triq tagħna hija proprju dik fil-ġlieda għas-sewwa.
Carmelo Mifsud Bonnici
Kelliem għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ
David Stellini
Kelliem għall-Affarijiet Ewropej
11.09.17
No comments:
Post a Comment