12.9.17

L-Użu Tajjeb Tal-Ittri


 
1.      Hemm linji varji li wieħed jista’ jieħu meta l-bnedmin jiktbu lil xulxin.  Jew aħjar, li kienu jiktbu iktar fiż-żmien meta l-mobile u l-mezzi elettroniċi ma kienux jeżistu.  Hemm f’dawk passati linja personali li diffiċli li wieħed ikun jista’ jibniha f’mezzi oħra.  Fid-diversi emails li wieħed jirċievi ftit huma dawk li jirnexxilhom ikunu mill-qalb u li fihom wieħed jikxef lilu nnifsu.

2.      Illum huwa magħruf li l-internet huwa aċċessibbli u ma hemmx ħafna ostakli biex wieħed isib dak li kiteb jew inkitiblu f’idejn terzi.  Hemm fl-ittri, però, messaġġi varji li jitilqu minn dawk personali, kif qed ngħidu, għal dawk iktar uffiċjali.  Il-Biblioteka Nazzjonali tagħna fiha ġabra ta’ korrispondenza bejn il-Gran Mastru u –renjanti Ewropej.  Huma mimlija b’informazzjoni u fl-istess ħin indikattivi tal-perjodi partikolari li fihom inkitbu.

3.      Fl-ittri passati, dawk li jistqarru jew isostnu jew ifittxu l-imħabba ġibdu ħafna attenzjoni tal-letteratura u tar-retroxeni tal-eventi.  Għandhom niċċa għalihom li jitolbu attenzjoni partikolari.  Hemm ukoll dawk li nbnew fis-sekli fi ħdan il-Knisja Kattolika.  Ibda minn San Pawl, San Pietru, San Ġakbu u San Ġwann, li l-ittri tagħhom insibuhom fit-Testment il-Ġdid.  Ittri mimlija huma wkoll b’messaġġi ta’ imħabba fejn il-ġeneralità tal-udjenza titħallat mal-partikolarità.  Fejn l-ittra tiġi prinċipalment indirizzata lil xi ħadd direttament u personalment, li għandha l-effett fuq il-komunità kollha.

4.      L-ittri ta’ dawn l-appostli ħallew warajhom tradizzjoni li diversi qaddisin oħra mxew fuqhom.  Bħal San Franġisk de Sales, jew San Anselmo, jew San Ġwann tas-Salib li f’ittri separati lil min kienu qed jgħaddu u jagħtu gwida spiritwali kitbu l-pariri tagħhom bil-miktub.  Hemm fihom għalhekk taħlita minn naħa l-waħda dak personali bejn bnedmin li għexu fl-istess żmien, u fuq l-oħra dak inqas, però mhux impersonali fejn dawk li jaqrawhom iktar tard fis-snin isibu ruħhom imqanqla u involuti.

5.      Ftit ilu missejt ma’ dan fi ktejjeb ta’ Henri J.M. Nouwen bit-titlu Letters to Marc About Jesus.  Nouwen, li ċertament huwa magħruf fost il-qarrejja ta’ din il-gazzetta, kien saċerdot kattoliku Olandiż, professur, kittieb u teologu, illum imsejjaħ għal għand il-Ħallieq (21.09.1996).  Kien abbanduna kollox biex jgħix u jieħu ħsieb persuni b’diżabilità severa/  Kittieb prolifiku li kull biċċa li taqra bilfors tieqaf taħseb u tirrifletti fuq dak li huwa teoloġiku, imma iktar personali.

6.      L-ittri lil Marku huma indirizzati lin-neputi tiegħu, Marc van Campen, li dak iż-żmien kellu 19-il sena.  F’seba’ ittri miktuba bejn il-11 ta’ Frar 1986 sat-18 ta’ Settembru hemm messaġġi mill-isbaħ.  Diretti biex jagħtu l-essenzjal min-naħa, u fl-istess ħin biex jagħtu għodda sempliċi u faċli biex persuna taqbad it-triq.  Hemm fihom l-aspett personali.  Nouwen jispjega fejn huwa, x’inhuwa jagħmel, ma’ min qiegħed u fl-istess ħin insibu partijiet li jmissu lil dan il-ġuvnott f’dak li kien għaddej.

7.      Biss l-awtur, għalkemm qiegħed, biex ngħidu hekk, jisserva b’dan il-ġuvnott, qiegħed fil-fatt ukoll fl-istess ħin jikteb b’mod li min isib dan il-ktejjeb f’idu jaf jagħraf li huwa wkoll indirizzat lilu.  Mhux biss personali jew ġenerali, imma trasferiment tal-persuna li għalhekk jippermettu ferm iktar għarfien milli wieħed jaħseb.  Proprju għalhekk li għalkemm huwa faċli biex jinqara’, però daqshekk ieħor huwa mimli b’sens, sustanza u direzzjoni.

8.      Hemm spjegazzjonijiet varji u mill-isbaħ.  It-titoli tal-ittri jitkellmu waħedhom: Jesus. The Heart of our Existence, Jesus God who set us Free, Jesus: the Descending God jew The Loving God.  Li lkoll jeħduk mill-eventi tad-dinja tallum għall-preżent li ngħixu.  Mhux ser nirrepeti estratti twal dwar dak li hemm miktub fihom.  Inħajjarkom biss li taqrawh.

9.      Ser però nillimita ruħi għall-aħħar ittra tiegħu Listening to Jesus, fejn lin-neputi maħbub tiegħu jgħidlu: “You and I both are called to be disciples of Jesus.  The difference between us in age, circumstances, upbringing, and experience are small matters compared with the calling we have in common.  What counts is being attentive at all times to the voice of God’s love”.  U jistaqsi: “How can we keep listening to his voice in a world which does its best to distract us and get own attention for seemingly more urgent matters?”.  U hawn jagħti tlett pariri siewja li ser inħallikom bihom: l-ewwel: Listen to the Church; it-tieni: Listen to the Book; u t-tielet: Listen to your Heart.

10.    Għal min irid jieqaf jaqra malajr ktejejb (paġni 83) mimli ħsieb u li jmexxik biex tirrifletti, dan huwa hu.  Nirrakkomandah.



     

No comments:

UNJONI EWROPEA U L-KUNSILL TAL-EWROPA - LAQGĦAT

22088. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI   staqsa lill- Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ: Jista...