28.8.17

Kemm Qed Jindaħlulna.




1. Seta’ xi ħadd jistenna li elezzjoni għall-kap ta’ partit kbir bħal tagħna ma jkollux ukoll il-mumenti iebsa u qarsa? Jista’ xi ħadd jaħseb li aħna kollha nħloqna taħt l-istess forma u għalhekk ser naqblu fuq kollox? Xejn minn dan u anzi nafu li f’kull darba li kien hemm tali sitwazzjoni atrit, konflitti, diskors żejjed iseħħu. Nixtiequ l-kontra. Biss inkunu qed nidqu bina nfusna meta nafu li terħa hemm rabja interna wara l-aħħar riżultat elettorali fejn flok avvanzajna bqajna fejn konna, li dan ma jseħħx. Il-kunsilliera, it-tesserati, il-votanti tagħna kollha għandhom il-veduti tagħhom, nafuh aħna li bqajna jum wara jum nagħmluha man-nies.

Partit tal-massa.

2. M’aħniex id-dar fuq xi siġġu nħarsu minn fuq imma inmissu man-nies. Niddedikaw anzi rwieħna għalihom fil-komplikazzjonijiet ta’ ħajjithom. Għax dan huwa partit tal-massa m’huwiex dak tal-puliti jew ta’ dawk li jippretendu li huma l-elite ta’ pajjiżna. Partit li kiber min-nies, kif l-istorja turi. Il-qafas, l-art li minnhom twilidna u bqajna nsostnu ruħna ġejja minn dawk li huma nsara fil-ħajja politika flimkien ma’ oħrajn ta’ rieda tajba. Fl-kotba passati tagħna ftit kienu l-mumenti meta kull membru parlamentari u votant tagħna kellu l-istess opinjoni fuq l-istess suġġett. U din m’hix xi esperjenza unika għalina f’pajjiżna għax kull partit li huwa haj u li jħares lejn il-preżent u l-futur jgħaddi fortunatament minn din l-esperjenza.

Il-moral jibqa b’saħħtu

3. Ngħid anzi li din hija pożittiva. Meta fuq n-naħa l-oħra ikun hemm is-silenzju dan ifisser biss li diversi qiegħedin iżommu lura milli jitkellmu mhux li lkoll neċessarjament jaqblu. Meta l-bnedmin ma jaqblux u jibqgħu fil-partit kif ukoll juru l-opinjoni tagħhom bil-mod tagħhom allura hemm l-bażi ta’ futur aqwa. M’aħniex f’dan l-proċess għalhekk neqsin mill-kuraġġ, mid-determinazzjoni u l-moral biex inkunu taħt tmexxija kompletament ġdida biex inkunu lura flimkien nikkumbattu għall-bidliet neċessarji f’dawn l-gżejjer. Proprju għalhekk li kull min qiegħed barra u jrid jikteb dwarna jrid jifhem li aħna li aħna u jaċċettana. Min ipprova u għadu jaħseb li jista’ jbiddel idejoloġikament il-partit għax skont hu għandna nkunu dak li jogħġob lilu, l-fatti elettorali illum juru li dik linja żbaljata.

L-iswed jibqa iswed

4. Fil-ħajja, l-iswed tista tgħidlu abjad jew griż imma jibqa l-kulur li għandu. Il-kritiċi tal-gazzetti u tal-medja soċjali, jista’ jkun li għandhom ftit ħbieb li jgħidulhom ħaġa biex jiddeċiedu li l-ftit tagħhom huma l-opinjoni ġenerali. Dawn jistgħu jaħsbu li jistgħu jimmanipolaw l-opinjoni, biss min imiss mal-elettorat jaf li qed iseħħ il-kontra. Dawk bħalna li nservu dan il-poplu u partit fil-parlament billi nikkontestaw elezzjoni ġenerali nistgħu ngħidu kemm ir-realtà hija l-kontra ta’ dak li ċerti għorrief jiktbulna dwarna. Anzi nżid iktar li saret kemm saret propaganda mill-mezzi kollha, l-votant tagħna baqa jippretendi mingħandna ċerta imġieba u t-tmexxija ta’ ideat partikolari.

Realtà u demokrazija

5. Dik hija r-realtà u d-demokrazija. L-vuċi tal-poplu hemm hija u l-Partit Nazzjonalista jekk irid jsir lura dak maġġoritarju irid iwieġeb għal din is-sejħa. Kif allura nistgħu nippretendu li partit li ġie elett fil-passat  għax huwa demokratiku Kristjan ikun hemm min iridu jsir pseudo-liberali jew rinkarnazzjoni ta’ partit li ilu li spiċċa? Jien ma nafx. Għalhekk bir-rispett kollu, min jaħseb li d-deputati tal-partit huma persuni li ma humiex il-‘professuri’ li jridu, jew li ma humiex perfetti daqskemm jriduhom jew li ma għandhomx il-polz tal-poplu, huwa żbaljat. L-elettorat tal-Partit Nazzjonalista huwa magħmul minn bnedmin li għexu il-ħajja mal-oħrajn u mhux maqtugħa.

Iż-żmien jagħtina parir

6. Proprju għalhekk li nħossni parti sħiħa minn dawk li kull elezzjoni vvutawli. Proprju għalhekk li bħal oħrajn anki jekk nistgħu ma naqblux fuq l-għażla tal-bniedem li għandu jmexxi dan l-partit qiegħed nagħti sehmi biex nimxu l-quddiem. Nimxu billi nimbidlu. Niftakar elezzjonijiet ta’ mexxejja passati. Niftakar meta ġie elett l-President Emeritu Eddie Fenech Adami u dak li l-partit għadda minnu. Minn partit lemin u ċentru lemin ġie iktar ċentru u ċentru xellug. Niftakar min kien żbaljament jmaqdru fil-gazzetti u fix-xandir. Min kien jgħid li ma kienx brillanti, li ma huhiex oratur, li huwa biss l-avukat tar-raħal. Iż-żmien ta’ parir lil dawk li sostnewh.

Bidla ta’ vera, mhux apparenti

7. Proprju għax kien il-mexxej li kien jirrapreżenta lill-poplu, dawk maħmuġin u dawk inqas, u mhux lil xi parti elitist li fehem ma’ oħrajn dak li hemm bżonn. Fehem fejn irridu inmorru u mexxiena fl-iktar mumenti diffiċili biex l-pajjiż huwa ferm u ferm aqwa milli kien. Ma kien hemm ħadd li affronta dak li għadda minnu huwa.  Dak kien eżerċizzju elettorali demokratiku li ġab bidla ta’ vera u mhux apparenti. L-esperjenza mal-bnedmin, fl-irhula u fl-ibliet iwasslu għal  dan. Nammetti, nixtieq li għadu hemm. Kien jisma jara, ma jiġġudikax malajr u attent għad-dettalji. Kellu kontra tiegħu imma il-valuri nsara tiegħu, ta’ missier ta’ familja  b’ħamest ulied kien jaf x’direzzjoni għandu jieħu.

Ir-realtà hija li rridu nbiddlu

8. L-istess jgħodd għall-aħħar żewġ mexxejja li kellna, li ħadmu f’ċirkostanzi differenti. Ngħid li Lawrence Gonzi kien jimmerita aħjar milli ngħata. Kellu diversi li ma kienux leali lejn l-partit, kellu wkoll min wasal biex jittradih, kellu ukoll min tah pariri politiċi ħżiena. Anki Simon Busuttil sab ħafna min imexxieh ħażin, li terġgħa għalquh għal ħaddiehor u pprovaw jiddominawh. Ħdimt għat-tnejn li huma b’lealta, ġenerozita , mingħajr egoiżmu u ppreferejt narhom Prim Ministri. Nistqar għalhekk li xtaqt riżultat elettorali differenti f’din is-sena imma r-realtà li rrid bil-fors niffaċċja hija li illum ma narax alternattivi ħlief li irridu biss inħarsu ‘l quddiem mhux b’nostalgija imma b’linja ġdida.

Fil-libertà ngħażlu sewwa

9. Għax il-politika ssir minn dawk li huma fil-politika attiva. Ma ssirx minn min huwa maqtugħ mir-realtà, jew wara xi kwinti . Wisq inqas minn dawk li jkollhom opinjonijiet żbaljati fuq il-kwalitajiet tal-oħrajn. L-arti tal-ġudizzju ftit għandhom u dawk li jitkellmu ħafna jikxfu ruħhom fin-nuqqas tagħha. Proprju għalhekk li l-kunsillier u t-tesserat tagħna li ġejjin mit-triq, li anzi wara kkumbattew b’kuraġġ magħna d-deputati li sabu ruħhom jridu jniżżlu r-raba telfa elettorali konsekuttiva, li għandhom id-dritt li jitħallew jagħmlu l-għażla waħedhom. Dik hija d-demokrazzija interna li trid tigi mħaddma. Jekk irridu direzzjoni ġdida u differenti milli kellna, minkejja l-fatt li għandna ħafna li qed jindaħlulna għandna d-dmir li naraw li fil-libertà ngħażlu sewwa.    

No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...