21.8.17

Rikordju ta’ Albert Borg Olivier de Puget-Ugo Mifsud Bonnici.



Albert Borg Olivier de Puget kien mogħni b’intelliġenza naturali kbira, b’kapaċità ta’ analiżi, u ma’ dawn żied ukoll kultura politika wiegħa. Huwa, bħali, kien ġie elett l-ewwel darba fl-elezzjoni tal-1966, meta zijuh, il-Prim Ministru Ġorġ Borġ Olivier, irċieva mandat ġdid wara s-suċċess kbir tal-Indipendenza sentejn qabel.

Telgħu wkoll, għall-ewwel darba, Ċensu Tabone, li kien is-Segretarju Ġenerali tal-Partit, Guido de Marco, Anton Tabone, Josie Muscat u Lawrence Gatt.  Ċensu Tabone nħatar Ministru, iżda billi kien beda t-trattativi mal-Unjoni Ewropea tal-Partiti Demokristjani, ma rriżenjax minn Segretarju Ġenerali. L-ewwel okkażjoni li ġiet biex nieħdu sehem f’Kungress tal-UEDC, dak li kien sar Venezja fl-1967, Ċensu Tabone ppropona li d-delegazzjoni tal-Partit tkun tikkonsisti f’Eddie Fenech Adami, li kien Viċi Segretarju Ġenerali, għalkemm ma kienx għadu fil-Parlament, Albert Borg Olivier de Puget, Guido de Marco u jien.

F’dak il-Kungress, Albert iddistingwa ruħu meta tkellem, kemm għas-sustanza ta’ dak li qal, kif ukoll għall-għażla tal-kliem u l-frażijiet. Aħna t-tlieta l-oħra forsi tkellimna b’iktar passjoni, iżda Albert spikka kemm fid-diskors waqt il-Kungress, kif ukoll fil-konverżazzjoni ma’ kongressisti oħra.

Meta kien jitkellem fil-Kamra tad-Deputati kien konvinċenti u l-kontribut tiegħu kien prezzjuż. Kellu vuċi tal-bellus, bħalma kellhom membri oħra tal-familja Borg Olivier, u kulħadd kien jisimgħu b’attenzjoni. Fil-pajjiż kien mistenni ħafna mingħandu. Meta tkellem fuq it-televiżjoni f’wahda mill-aħħar xandiriet tal-kampanja elettorali tal-1971, kien impressjona bħala statista ta’ klassi.

Meta morna fl-Opposizzjoni wara t-telfa f’dik l-elezzjoni, flimkien mal-mod raffinat u maħsub, fid-diskorsi tiegħu fil-Parlament żied ukoll doża qawwija ta’ kuraġġ fil-kritika lill-Gvern Laburista. Niftakar sigħat twal ta’ diskuzzjoni miegħu u ma’ Guido, taħt l-arkati tal-bitħa tal-Palazz, wara s-seduti, meta konna niflu sewwa dak li għamilna u dak li missu jsir. Meta l-Grupp Parlamentari ftiehem, wara t-tieni telfa fl-elezzjoni tal-1976, li nipproponu li jinħatar Kap Suċċessur għal Dr Ġorġ Borg Olivier, u dan were ruħu kuntrarju għaliex tonqoslu l-awtorità, Albert ċempilli, biex jinfurmani li għalkemm kien dejjem leali lejn il-Kap, huwa kien jaqbel mal-mozzjoni li jien kont ġejt inkarigat li nwassal lill-Kap. Niftakru jgħidli li l-preparazzjoni ta’ Kap Suċċessur kienet ta’ ġid kbir għall-pajjiż u għall-Partit.

Mhux kulħadd apprezza l-mod tiegħu fin u kważi aristokratiku, u f’xi mument, fil-qilla tal-battalja politika tas-snin ta’ wara, deher jinqata’ mill-maġġoranza fil-Partit. Il-Gvern Laburista fehem li kien bniedem ta’ integrtità u kapaċità li jista’ jaqdi ‘l-pajjiż bħala magistrat, u meta kien f’dik il-kariga kien ġust, ekwilibrat u preċiż fil-qadi ta’ dmirijietu.

Meta mbagħad irġajna konna fil-poter, fl-1987 huwa ma kienx għadu politikament attiv, billi kien fil-Maġistratura.  Eddie Fenech Adami bħala Prim Ministru, u l-ewwel Ċensu Tabone, u mbagħad Guido de Marco bħala Ministri tal-Affarijiet Barranin, ħassew li jistgħu jagħmlu użu mit-talenti kbar tiegħu bħala Ambaxxatur, l-ewwel fi Franza u fl-UNESCO, u mbagħad fl-Istati Uniti. Meta mort Pariġi bħala Ministru tal-Edukazzjoni u Kultura, għall-Assemblea Annwali tal-UNESCO, stajt ninduna kemm kellu prestiġju mal-Awtoritajiet Franċiżi, kif ukoll fl-UNESCO. Fil-Maġistratura u fid-Diplomazija għamlilna unur.

Albert kellu x-charme u l-ġentlomerija tal-Borg Olivierijiet. Kellu wkoll, b’mod speċjali, sinċerità, simpatija u ħbiberija. Kien iżejjen Parlament u Partit bil-mod kif affronta l-politika. Ħasra li l-pajjiż u l-Partit li fih immilita, ma kellhomx l-okkażjoni li jgawdu iktar mit-talenti speċifiċi tiegħu.

Ġejt infurmat li miet, waqt li nzertajt kont Franza, u għalhekk b’dispjaċir ma stajtx nattendi għall-funeral tieghu. Stajt nitlob għall-mistrieħ ta’ ruħu u ngħidlu: Au Revoir!

No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...