24.8.17

Nisrani fil-Politika.


 
1.      Nisimgħu ħafna, u ħafna wkoll, ħwejjeġ bla sens dwar is-separazzjoni bejn il-Knisja u l-Istat.  Fuq dan, ftit jiem ilu ġiet quddiemi din il-kitba ta’ Harold J. Berman: “I am convinced that we have heard too much about the separation of law and religion and not enough about their fundamental unity”.[1]  Huwa jkompli, interessament, hekk: “When prevailing concepts of law and of religion become too narrow, and hence the links between the dimensions are broken, a society becomes demoralized.  The existing institutional structures and processes lose their sanctity, and conversely, the sacred values upon which our society is founded are viewed as mere hypocrisy”.  Dawn huma ideat, konklużjonijiet li wasal għalihom dan il-professur tal-liġi, li għalija jiftħu l-bieb għal iktar riflessjonijiet tul din il-ġimgħa li għandha importanza partikolari oħra.

2.      Għax tul din il-ġimgħa nfakkru t-tlieta u sittin anniversarju mill-mewt tal-mibki Alcide de Gasperi, li miet fid-19 ta’ Awissu 1954.  Bniedem li anke jekk ma tħaddanx l-ideali politiċi tiegħu, dawk demokratiċi-Kristjani, trid tirrikonoxxi li kellu ħajja mimlija.  Ma kinetx waħda faċli, imma waħda li sarrfet f’diversi diffikultajiet, frott il-fatt li bħala Nisrani qiegħed lilu nnifsu għas-servizz tal-proxxmu.  Imwieled fl-1881 taħt dak li kien għadu l-Imperu Awstro-Ungariku; ġej minn familja umili li frott is-sagrifiċċji li għamlu studja l-Università u ggradwa fil-Letteratura u l-Filosofija.  Fl-1911 sab ruħu membru parlamentari f’dak Awstrijaku taħt l-Unione Politica Popolare del Trentino.

3.      Minn hemm, wara l-Ewwel Gwerra Dinjija fl-1919 ingħaqad ma’ Don Luigi Sturzo għat-twaqqif tal-Partit Popolari Taljan.  U fl-ewwel elezzjonijiet sar deputat tal-Parlament Taljan mill-1921 sal-1926.  Taħt il-faxxiżmu bata iktar.  Ġie arrestat f’Marzu tal-1927 għall-attivitajiet u ideat politiċi tiegħu.  Ġie ikkundannat piena ta’ erba’ snin ħabs, li minnhom għamel tmintax-il xahar, wara li saħħtu tant marret lura li l-Vatikan qabeż għalih.  Kif inħeles, għamel żmien tajjeb bla xogħol sakemm iddaħħal impjegat fil-Librerija Vatikana, fejn dam hemm għal erbatax-il sena.  Kif bdiet tiġi liberata l-Italja daħal lura fil-politika attiva.  Ġie elett Prim Ministru bejn l-1945 sal-1953, fejn assigura tibdil kbir.

4.      Taħt ħidmietu l-pajjiż ma baqax monarkiku iżda sar repubblikan.  Ġie ffirmat it-trattat ta’ paċi għal tmiem il-gwerra u daħal parti min-NATO.  Fuq kollox, ħa ħsieb li jinbeda programm ta’ riforma soċjali u ekonomika, li minnha assigura li l-faqar jonqos u l-pajjiż jaqbad programm li bih l-industrija tikber.  Il-leġislazzjoni li huwa mexxa, b’mod speċjali dik soċjali kienet, fil-progress tagħha, pedament essenzjali sabiex il-pajjiż jaqbad it-triq tad-demokrazija u jirkupra minn dak li għadda minnu matul it-Tieni Gwerra Dinjija.  Kien bniedem tal-Istat però kien, fuq kollox provvidenzjali li minkejja d-diffikultajiet u l-kumplikazzjonijiet kollha li sab, mexxa lejn stabilità, progress u ġustizzja soċjali.

5.      Illum għandna diversi diskorsi tiegħu u kitbiet dwaru, li lkoll jagħtu dawl dwar l-abbiltajiet ta’ bniedem li ħares li fil-ħidma politika tiegħu jieħu ispirazzjoni u direzzjoni Kristjana.  Kien ċar ħafna f’moħħu: dan fejn jibda u fejn jispiċċa.  Laqtitni mill-ġdid kitbet Giulio Andreotti, li kien viċin ħafna tiegħu f’numru ta’ mumenti.  Jagħmel osservazzjoni li: “Nei piccoli cerchi di formazione, in casa sua o altrove veniva spiegando a noi, molti completament ignari, che cosa fosse la Democrazia Cristiana”.[2]

6.      Andreotti, minn dawk il-lezzjonijiet ikompli jispjega x’fisser dan għalih.  L-ewwel: “Doveva essere socialmente all’avanguardia e interclassista perché l’integralismo derivato da un monismo materialistico che prescinda dallo spirito surroga la religione e assume le funzioni dottrinali della Chiesa”.  It-tieni: “Doveva essere laica perché il partito è uno strumento organizzativo atto a fungere su di un solo settore della nostra comunità nazionale, quello dello Stato, ed è consapevole che altri organismi sociali agiscono nello stesso tempo e nello stesso spazio su diversi piani”.  It-tielet: “Doveva essere anti-totalitaria e anti-fascista per liquidare, oltre agli organismi, anche le idee, le contraffazioni dottrinarie, i metodi, i costumi del sistema fascista”.  Ir-raba’: “Doveva essere tutela dello Stato Democratico fatto di libera convivenza che rispetti i diritti della persona umana, la libertà della famiglia, del sindacato, della professione, delle associazioni intermeida e dei comuni”.  Ideat ċari li jibqgħu rilevanti.

7.      Impostazzjoni importanti llum li nerġgħu nsibu min jipprova jħawwad l-ideat u jirrelega lill-politiku Nisrani bħala dak li mhuwiex kapaċi jagħmel il-politika t-tajba.  Li suppost li ma jaħsibx għal rasu għax huwa l-id tal-Knisja Kattolika.  Fuq dan diversi huma l-kitbiet li jispjegaw li l-partit demokratiku Nisrani mhuwiex konfessjonali u anqas sempliċement il-partit tal-Kattoliċi biss.  Biss, f’diskors tiegħu huwa, terġa’, jagħti dimensjoni iktar fonda: “La Chiesa vive e si evolve nella sua sostanziale permanenza al di sopra dei partiti e dei regimi politici che passano.  Si muove su un altro piano.  È assurdo immaginare ch’essa dirige un partito o assuma la responsabilità di una politica interna o internazionale.  Questa responsabilità, in democrazia, appartiene al Parlamento coi suoi partiti e col suo governo”.[3]

8.      De Gasperi kien, kif qed naraw ċar ħafna u fl-istess ħin kapaċi jħares sew fit-tul.  Kien dan għax rigoruż u iebes miegħu nnifsu.  Eżempju għall-oħrajn, u kapaċi jipperswadi mhux b’diskors demagoġiku, imma bl-użu tar-raġuni.  Luigi Einaudi, li kien President tar-Repubblika, kien qal dan dwaru: “Quando penso a lui, l’immagine che mi si presenta è solo e semple quella dell’uomo di fede che crede in quello che dice e perciò ha seguito, tiene in pugno i suoi seguaci, si fa rispettare dagli avversari, fa votare le moltitudini”.[4]  Proprju għalhekk li ħalla warajh wirt kbir.  Proprju għalhekk li llum hemm proċess ta’ beatifikazzjoni li nbeda.  Wieħed imwieled minn dak in-Nisrani li, għax motivat u mnebbaħ minn dan, ta lilu nnifsu sabiex jikbru l-oħrajn.  Għax in-Nisrani għandu postu fil-politika u kapaċi jserviha mingħajr ma jitlef ruħu.







[1] The Interaction of Law and Religion, pġ 12
[2] G. Andreotti, De Gasperi e il suo tempo, pġ 13
[3] A. De Gasperi, Discorsi politici, pġ 266
[4] G. Andreotti, De Gasperi e il suo tempo, pġ 18

No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...