18.8.17

Il-ġimgħa ta’ Santa Marija.




1.     Ma nistgħux ma niqfux bħala poplu u tul dawn il-jiem inħarsu lejn dak li dawn il-gżejjer għaddew minnu fil-passat.  Fl-istess ħin għandna wkoll inħarsu lejn dak li ġej mix-xenarju internazzjonali.  Pajjiżna, tul l-aħħar gwerra dinjija kien fiċ-ċentru tal-konflitt.  Il-pożizzjoni strateġika tagħna f’nofs il-Mediterran żammitna, għal numru ta’ snin, taħt l-aktar attakki qawwija u mdemmija.  F’mumenti partikolari konna fost dawk il-ftit postijiet liberi mill-ħakma faxxista u nażista.  Pajjiżna kien u baqa’ hekk flimkien ma’ Londra fuq naħa, u Stalingrad fuq l-oħra.  Missirijietna irreżistew, ma ċedawx u għalhekk aħna bqajna ngħixu fil-libertà.



Wirt storiku



2.     Niċċelebraw fil-15 ta’ Awissu jum mimli b’wirt storiku.  Din is-sena, anzi, niċċelebraw il-ħamsa u sebgħin anniversarju tiegħu.  Inħarsu lura u niftakru li mertu tal-Konvoj ta’ vapuri, taħt l-operazzjoni navali u militari magħrufa bħala ‘Operation Pedestal’, wasal is-sokkors għalina.  Dik hija paġna tal-ħajja tagħna mimlija b’atti ta’ kuraġġ, determinazzjoni u perseveranza.  Fejn bnedmin taw ħajjithom għal bnedmin oħra.  Fejn l-irġiel iddistingwew ruħhom minn dawk li ma kinux.  Mhux biss, imma huwa dak il-mument meta l-id tal-Provvidenza intervjeniet għalina sabiex ma ninħakmux mill-ħażen ta’ dak li l-materjaliżmu tal-lemin estrem ġieb miegħu.  Jgħaddu kemm jgħaddu snin dak li seħħ ma nistgħux, u m’għandniex, ninsewh.



Mumenti ta’ prova



3.     Dan il-poplu, mat-trapass tas-snin żamm ruħu viċin ta’ dak li emmnu fih missirijietna.  Il-fidi Nisranija tagħna hija waħda bażata fuq il-fatti u l-provi.  Mhix waħda maħluqa, anqas immaġinata.  Diversi fost dawk li għexu hawn jafu li hemm dan l-intervent li żammna mixjin ‘il quddiem.  Ikunu xi jkunu d-diffikultajiet, aħna narawhom bħala mument ta’ prova.  Eżamijiet li fihom irridu nuru l-abbiltà tagħna li nissuperawhom mingħajr ma niżbaljaw.  Hemm għamlu ta’ qabilna.  Ħallewlna wirt li nistgħu narawh u li, jekk irridu, nkomplu nsegwuh.  Tawna dak li l-bnedmin ta’ rieda tajba kapaċi jagħtu.  Tawna wirt anki fil-feriti li dik it-Tieni Gwerra Dinjija ħallitilna.



Tajna eżempji kbar



4.       Għax hemm ġlieda li pajjiżna għamel favur is-sewwa kontra dak li huwa ħażin.  Għandna direzzjoni ċara li segwejna tul is-sekli: dik li naħdmu għat-tajjeb u nirreżistu u nikkumbattu dak li mhuwiex.  Nistgħu nkomplu nogħlew ‘il fuq kemm nibqgħu kapaċi nimxu f’din it-triq u nsemmgħu leħinna, kif għandna.  Il-prinċipji tagħna jibqgħu dawl għalina u għall-oħrajn.  Tajna eżempji kbar darbtejn fl-istorja taċ-ċiviltà Ewropea u Mediterranja.  Għax sija fl-Assedju l-Kbir, kif ukoll f’dan l-aħħar kunflitt mondjali, bis-sagrifiċċji tagħna ppreservajna l-libertà u l-ġustizzja tal-oħrajn ukoll.  Wara dawn is-snin m’għandniex nintelqu, imma rridu nifhmu li l-valur tagħna bħala poplu, fost l-oħrajn jiddependi minn fuq kemm nibqgħu dak li aħna: bnedmin li jiġġieldu għas-sewwa.











Peniżola Koreana



5.       Dan kollu huwa iktar u iktar rilevanti llum tul din il-ġimgħa, meta x-xenarju internazzjonali jitlob attenzjoni partikolari.  Għax dak li għaddej bħalissa fil-peniżola Koreana huwa ta’ nkwiet għalina wkoll.  Il-fatt li fil-parti ta’ fuq hemm reġim dittatorjali mill-iktar gravi fejn hemm mexxej, Kim Jong Un, li daħħal f’rasu li jrid juri s-saħħa ta’ pajjiżu billi jarmah b’armi nukleari.  Iż-żewġ provi li saru fl-4 u fit-28 ta’ Lulju ma’ żewġ missili magħrufa bħala ‘Intercontinental ballistic missiles’ ma niżlu tajjeb ma’ ħadd.  Anqas it-theddida li saret ftit jiem ilu li sejjer isir attakk fuq il-gżira ta’ Guam, territorju tal-Istati Uniti tal-Amerika, ma kienet mossa tajba.



Nazzjonijiet Uniti



6.       Dak li huwa għaddej mhuwa faċli xejn sabiex jiġi solvut.  Kunflitt militari huwa, kif dejjem, minnu nnifsu imprevedibbli.  Dak li jinbeda ma’ poplu li l-kredu tiegħu huwa biss dak tal-armi ma jafx id-direzzjoni finali tiegħu.  Hemm ħafna fin-nofs.  Popli varji, bħal dawk tal-Korea ta’ Isfel, il-Ġappun u ċ-Ċina, jinsabu proprju fiċ-ċentru tal-kwistjoni.  Proprju għalhekk li tul din il-ġimgħa kien hemm apprezzament ġenerali, anki tagħna fil-Partit Nazzjonalista, għar-riżoluzzjoni li għaddiet fl-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti li approvat, fil-Kunsill tas-Sigurtà tagħha, riżoluzzjoni aktar iebsa fil-konfront tal-Korea ta’ Fuq.



Mejda tan-negozjati



7.       Permezz ta’ dan il-pass ser jiġi maqtugħ madwar biljun dollaru lil dak il-pajjiż.  Pass li huwa fih innifsu tajjeb, fiċ-ċirkostanzi partikolari tal-lum.  Biss, l-għan finali, kif sewwa ntqal mid-diplomazjoni Ċiniża, għandu jkun li ġġib il-partijiet madwar mejda sabiex dak li qed jinbena jieqaf: “Our purpose is to bring all parties involved in the nuclear issue back to the negotiating table”.  Dan huwa ferm importanti għalina.  L-użu tal-armi potenti bħal dawn, apparti li jħajru oħrajn biex jużawhom, iġibu t-tmiem mhux biss tal-popli, imma ta’ reġjuni sħaħ li jeffettwaw lid-dinja kollha.  L-arma nukleari, anke jekk tista’ tidher bħala deterrent, għandha l-effetti negattivi tagħha.



Dmir morali u legali



8.       Dak iktar u iktar fix-xenarju preżenti, fejn il-Presidenza tal-Istati Uniti mhix l-ogħla livell ta’ diplomazija.  Gwerra oħra f’dan il-mument partikolari taf iddgħajjef, mhux tissoda, lid-dinja demokratika.  Proprju għalhekk li tul din il-ġimgħa għandna minn naħa ma ninsewx dak li aħna u dak li nirrapprezentaw.  Fuq l-oħra għandna ningħaqdu mal-bqija tad-dinja fejn tirrenja r-raġuni u jsir użu tal-istrumenti tad-diplomazija sabiex dak li qiegħed jidher inevitabbli jinżamm milli jseħħ.  Għandna dmir morali u legali li, għax ġarrabna aħna stess inkunu parti minn dawk li jitkellmu favur l-użu tad-diplomazija, sabiex il-paċi u l-istabilità jkomplu jirrenjaw.






No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...