6.5.13

Diskors fil-Parlament “Budgetary Measures Implementaion Bill no 1”.



Sur President, irridu ngħidu li dan huwa Abbozz ta’ Liġi li permezz tiegħu qegħdin nimplimentaw dak li qbilna fuqu fil-budget.  Dak li jiġi dikjarat mill-Ministru tal-Finanzi, wara jrid jiġi tradott, mhux fil-partijiet kollha imma f’numru ta’ partijiet, f’liġi.  Din hi li aħna qegħdin niddiskutu hawnhekk is-Sinjurija Tiegħek. 

Ekonomija Soda, f’Demokrazija Soda.

Wieħed jirrealizza, minn dak li hawn u minn dak li sema’, li fir-realtà, dan il-gvern huwa werriet ta’ żewġ affarijiet importanti.  L-ewwel nett, huwa werriet ta’ ekonomija soda, ekonomija b’saħħitha, ekonomija li miexja ‘l quddiem u ekonomija li, jekk kemm-il darba jkollha direzzjoni tajba u jkollha dawk il-miżuri tajbin biex ikomplu jqabdu n-nar, tkompli tiżviluppa u timxi ‘l quddiem.  Dak hu li nawguraw.  Fl-istess ħin, dan il-gvern il-ġdid wiret ukoll demokrazija soda u għax aħna bnejna d-demokrazija soda, f’dan il-pajjiż għandna ekonomija soda. 

Ma jistax ikollok sitwazzjoni fejn m’għandekx demokrazija tajba u għandek ekonomija soda.  L-ekonomija soda qiegħda hemm għax għandek demokrazija li hija soda.  F’dan il-pajjiż għandna l-vantaġġ li nistgħu ngħidu b’mod ċar li għandna istituzzjonijiet demokratiċi li jagħmlu l-partijiet tagħhom, jaħdmu tajjeb, jiffunzjonaw tajjeb, u għalhekk minħabba l-garanziji li bnejna tul dawn iż-żmennijiet, pajjiżna huwa fuq quddiem f’diversi affarijiet ma’ pajjiżi oħrajn fl-Unjoni Ewropea kif ukoll fid-dinja.  Ir-rating ta’ pajjiżna għar-rigward il-livell ta’ demokrazija huwa wieħed għoli u min-naħa l-oħra r-rating tagħna għar-rigward l-ekonomija huwa għoli.  Wieħed irid jgħid li, għal kuntrarju ta’ dak li wieħed jista’ jimmaġina, is-sitwazzjoni evolviet f’dan il-pajjiż pożittivament, evolviet tajjeb, li permezz tagħha għandna budget, miżuri ta’ budget li qegħdin jissodaw l-ekonomija għax għandna demokrazija b’saħħitha. 

Hidma Tajba tal-Kollega Tonio Fenech.

Dawn il-miżuri tal-budget huma miżuri li l-Ministru tal-Finanzi li nawgurawlu għamel sewwa li kompla jimxi fuq l-istess linji tal-Ministru tal-Finanzi ta’ qabel.  Irrid ngħid li l-Ministru tal-Finanzi ta’ qabel, l-Onor. Tonio Fenech, ħa ħsieb li jżomm numru ta’ prijoritajiet ċari ta’ kif u għandu jsir l-infiq f’pajjiżna.  Ovvjament, kull ministeru, kull dipartiment, jixtieq li jkollu ferm iktar flus milli attwalment jkun ġie allokat lilu mill-ministru tal-finanzi.  Ċert mhux forsi, li l-Ministru għall-Finanzi, l-Onor. Scicluna, diġà beda jirċievi numru ta’ tabliet, minn dipartiment varji u mingħand ministeri varji fejn kulħadd jagħmel it-talbiet partikolari tiegħu.  Ċert li l-Ministru mhux se jitlaq jiġri jew inkella jimpressjona mill-ewwel ruħu fuq dawn it-talbiet, u jindaga u jara l-isfont ta’ kull talba kif issir.  Però hija proċedura interna fiċ-ċivil li ssir, ssir b’mod tajjeb, issir b’mod burokratiku, għax il-burokrazija fiha l-aspett negattiv u l-aspett pożittiv; anzi, l-burokrazija għandna sehem peġġorattiv u sens miljorattiv.  Però, l-burokrazija hija neċċessarja għax għandek struttura li biha taħdem

Zammejna Prijoritajiet Sodi.

Tul il-leġislatura li għaddiet żammejna b’mod ċar il-prijoritajiet tal-infiq fejn irid isir, kif irid isir, u fuq liema dipartimenti jrid isir.  Il-ħames snin li għaddew kienu ħames snin fejn il-prijorità nazzjonali tagħna kienet l-ekonomija.  Lill-ekonomija rnexxilna nżommuha taħdem il-quddiem, żammejna r-rata ta’ tkabbir f’postu, żammejna rata tal-ħolqien tax-xogħol tajjeb u żammejna wkoll ir-rata tad-defeċit ta’ pajjiżna b’mod kemm jista’ jkun sostnut u kontrollat.  Però, dan, biex seta’ jsir, sar għax il-Ministru tal-Finanzi kien ċar fid-direzzjoni u fl-istess ħin kien iebes mad-diversi dipartimenti u mad-diversi ministeri, biex iżomm x’jista’ jintnefaq u x’ma jistax jintnefaq.  L-infieq li sar fil-ħames snin li għaddew kien kontrollat, kemm fir-rikorrent kif ukoll fil-kapital.  Però, minkejja dan il-kontroll u minkejja dak kollu li ġejna kritikati fuqu, illum il-ġurnata qegħdin ngħaddu żgur il-pajjiżna bħala wieħed sod għal dan il-Gvern ġdid, biex jaħdem u jimxi ‘l-quddiem.  Ngħid li m’għandux skużi dan il-Gvern fuq l-istat tal-affarijiet kif ġew imħollija lilu.  Ġew imħollija tajjeb, ġew imħollija mod li jista’ jaħdem ‘l quddiem, għandu l-libertà, għandu ċertu spazju ekonomiku li jaħdem ‘l quddiem.  Allura aħna nħarsu b’mod ta’ attenzjoni għalfejn huwa sejjer, dan il-Gvern, x’prijoritajiet se jagħżel u kif se jieħu ħsieb li jkollu verament nies li huma kapaċi fid-dipartimenti kollha biex imexxi l-affarijiet b’mod tajjeb. 

Ezekuzzjoni tal-Ordnijiet Ministerjali.

Ilkoll nafu li kellna esperjenza ministerjali li altru l-volontà tal-ministru, altru l-ordnijiet tal-ministru, imbagħad altru l-persuni li jridu jesegwuhom.  Hemmhekk huwa determinanti li mhux biss il-Ministru għall-Finanzi, imma l-ministri kollha, jieħdu ħsieb li ma jagħmlux bħala prijorità li jappuntaw nies li huma sempliċement jaħsbu li huma alleati magħhom jew jaħsbu li huma ta’ simpatiji tal-partit tagħhom, imma jieħdu ħsieb dejjem li l-persuni li huma jagħmlu jkunu nies li għandhom konexxenza taċ-ċivil, għandhom l-esperjenza fis-settur u kapaċi jieħdu ħsieb imexxu ‘l-quddiem id-dipartimenti li llum il-ġurnata m’għadx għandhom jiffaċċjaw il-problemi ta’ 30 sena ilu, ta’ 25 sena ilu.  Minn mindu pajjiżna daħal-fl-Unjoni Ewropea, l-problemi li diversi kapijiet ta’ dipartimenti jridu jiffaċċjaw huma verament differenti u ta’ komplikazzjonijiet – biex ngħidulhom hekk – li qatt qabel ma saru.  Irrid ngħid li tul dawn is-sitt ġimgħat – jien mhux se nitlaq niġri u nagħmel ġudizzji affrattati – rajt diversi persuni ta’ esperjenza li jitneħħew f’ġurnata, jiġu trasferiti minn post għall-post ieħor, nies li għandhom konoxxenza tas-suġġett, li għamlu diversi affarijiet tajba, li kienu front line f’diversi ġlidied kontra l-kriminalità, li f’daqqa waħda, għal raġuni jew oħra, dawn sabu lilhom infushom imwarrbin mid-dipartiment u mqegħdin f’dipartimenti oħrajn.

Telf ta Memorja Istituzzjonali.

Kulħadd irid joqgħod attent, għax id-deċiżjonijiet li jittieħdu f’dan il-kamp għandhom ukoll, mhux biss rifless – biex ngħidu hekk – politiku, però iktar minn dan għandhom rifless lejn it-trasparenza u l-kontabilità ta’ kif ittieħdu ċertu deċiżjonijiet; id-deċiżjonijiet li permezz tagħhom ċerti nies twarrbu minn post għall-ieħor, naħseb li ma ġewx neħuda tajjeb, ġew meħuda malajr u wisq nibża’ li fl-aħħar tal-ġurnata huwa l-poplu Malti li se jbagħti tad-deċiżjonijiet affrettati li ttieħdu.  Il-memorja istutuzzjonali, l-esperjenza li tinġabar, ix-xogħol kollu li wieħed jkun għamel, dawn, f’ħakka t’għajn, f’diversi dipartimenti, speċjalment fis-settur tal-intern ġew mitlufa f’ħakka t’għajn.  Naħseb li dawn huwa żball u wieħed irid joqgħod attent ħafna għax fin-nofs hemm il-ħajjiet tan-nies.  Naħseb li wieħed irid żgur jgħaqqad żewġ affarijiet importanti: l-ewwel, li d-demokrazija titlob li jkun hemm verament akkontabilità ta’ għala tneħħew ċertu nies, għal-liema raġuni, u t-tieni; li jkun hemm imbagħad attenzjoni mogħtija għal dak li għada pitgħada se jkollhom jiffaċċjaw nies li huma kompletament ġodda f’setturi li huma setturi delikati ħafna.

Akkademja ghall-Korp tal-Pulizija.

Jien ħadt pjeċir li dan il-Ministru għall-Finanzi ħa ħsieb li jibqa’ jżomm l-istess baġit, bejn wieħed u ieħor, rigward tas-settur tal-pulizija kif ukoll għas-settur tal-ġustizzja.  Is-settur tal-intern u s-settur tal-ġustizzja żammew bejn wieħed u ieħor l-istess flow ta’ flus.  B’dan il-flow ta’ flus, tul l-aħħar ħames snin, aħna rnexxilna nagħmlu diversi affarijiet tajbin.  Jien ħa nitkellem fuq affarijiet żgħar.  Pereżempju, l-akkademja tal-pulizija.  Ħadt pjeċir nisma’ il-Ministru jgħid li daqt ħa jinfetaħ.  Irrid infakkar li fis-sena 2011 ħareġ il-permess tiegħu u f’Lulju jew Ġunju 2011 beda x-xogħol li permess tiegħu l-akkademja tal-pulizija bdiet tinbena.  Fortunatament, b’mertu tal-Kummissarju tal-Pulizija ta’ qabel, din l-akkademja tal-pulizija llum qiegħda f’pożizzjoni li tinfetaħ.  Il-vantaġġ kbir tal-akkademja tal-pulizija huwa kbir.  Jiena, waħda mill-prijoritajiet li jien kelli bħala ministru tal-intern kienet li tissoda l-akkademja tal-pulizija, tissoda t-taħriġ tal-membri tal-korp tal-pulizija, tissoda t-tagħlim għar-rekluti l-ġodda, u konna ħadna ħsieb li qabel dħalna għall-proġett bħal dan li naraw akkademji tal-pulizija barra minn Malta xi jsarfu u x’ma jsarfux.  Nieħu pjeċir nara li mhux biss inżamm il-baġit li kien għad-dispożizzjoni tal-korp tal-pulizija, imma li attwalment ġie delivered u l-akkademja tal-pulizija, jekk kollox imur tajjeb, se tkun operattiva u se tkun operattiva f’Ta’ Kandja.  Naħseb li dan huwa tajjeb li jsir. 

Registrar tal-Interrogazzjonijiet Progett Taghna.

L-istess ħadt pjeċir li l-proġett li kellna sabiex l-interrogazzjonijiet li jsirut fid-depot tal-puliżija jidbew jiġu reġistrati b’video.  B’appartat modern illum ahna konna dħalna f’proġett, li dak il-proġett sostnejnih u qed nieħdu pjeċir li diġà huma installati dawn il-videos, jiġifieri l-interrogazzjoni li ssir tiġi reġistrata; li huwa pass importanti li aħna dħalna għalih.  Irrid ngħid li nieħu pjaċir nara li kien għad hemm u baqa’ jinżamm f’dan il-baġit numru ta’ flus sabiex il-korp tal-pulizija jkompli jagħmel it-tibdil li żgur minn-natura tiegħu huwa neċċessarju.  Nappella b’mod partikolari lill-Ministru għall-Finanzi biex fis-snin li ġejjin iżomm dejjem f’moħħu li l-korp tal-pulizija m’għandux jiġi relegat u l-kapital tiegħu ma jibqax jinżamm fil-livelli li aħna bil-mod il-mod tellajnih.

Progetti Futuri ghandhom pediment sod.

Però, dak huwa għall-futur.  L-istess irrid ngħid għar-rigward tall-ġustizzja.  Il-qrati tagħna, irid ngħid li għamilna ħafna xogħol, sar ħafna xogħol ġol-qorti li ppermetta żewġ affarijiet importanti; ippermetti li nkabbru l-infrastruttura tal-qorti u fl-istess ħin li nieħdu ħsieb li ndaħħlu iktar mekkaniżmi li permezz tagħhom aħna nkunu nistgħu nnaqqsu fid-dewmin tal-kawżi ġol-qorti.  Infakkar li fis-snin li għaddew daħħalna numru ta’ miżuri li ppermettew li diversi każijiet jonqsilhom iż-żmien li qabel kienu jieħdu biex jiġu deċiżi.  L-ittri uffiċjali eżekuttiva hija a case in point.  L-issudar taċ-ċentru tal-arbitraġġ is a case in point.  L-istess, l-introduzzjoni taċ-ċentri ta’ medjazzjoni.  Kif ukoll dak ta’ kif jiġu eżegwiti s-sentenzi tal-qorti; dak li aħna nsejjħu l-mandati.

Qorti Diga Teknologikament Avvanzata.

Hawn irrid ngħid li pajjiżna, anke fuq l-aspett ta’ teknoloġija huwa avvanzat ħafna.  Nappella biex dak li sar tajjeb li baqa’ jżomm l-istess flus għad-diżpozzjoni tal-qorti sabiex l-infrastruttura tal-IT li hemm hemmhekk tkompli tiġi ssudata.  Irrid infakkar li ġol-qorti llum hemm infrastruttura li hija verament avvanzati u llum hemm ukoll apparat kompletament ġdid li kien irnexxilna nġibu l-fondi għalih, li permezz tiegħu, ġol-qorti għandek backup systems li huma ferm iktar qawwija u faċilitajiet li huma ferm aqwa minn ta’ pajjiżi oħrajn.  L-istess għandu jingħad għar-rigward l-użu tat-teknoloġija u l-informatika; li wieħed jinforma b’mod realistiku dak kollu li l-qorti qiegħda tagħmel xahar wara xahar.  Irrid infakkar li aħna fost il-ftit pajjiżi, jekk mhux l-uniku pajjiż fl-Ewropa li kull xahar ninfurmaw kemm daħlu kawżi ġodda, f’kull qorti, ngħidu kemm-il kawża ġiet deċiża, kemm-il kawża ġiet ċeduta.  Mhux biss, għandna wkoll sistema li darba kull sitt xuhur noħorġu l-istatistika ta’ kemm kawżi ilhom pendenti u quddiem min ilhom pendenti.  Allura, l-informatika li għandna hija verament avvanzata u ferm iktar ‘l quddiem minn ta’ stati u ta’ pajjiżi oħra. 

Rapport Zbaljat mill-Kummissjoni Ewropeja.

F’dan is-sens, jekk tippermettili Onor. Ministru, xtaqt nagħmel parentiżi żgħira u ngħid li rajt li l-Kummissjoni Ewropea reċentament ippubblikat dak li sejjħet The EU Justice Score Board – A Tool to Promote Effective Justice and Growth.  Irrid nuri d-diżapprovazzjoni tiegħi għall-mod ta’ kif il-Kummissjoni wasslet biex toħroġ dan ir-rapport.  Fl-opinjoni tiegħi dan huwa rapport li ma humiex ta’ livell li wieħed kien jippretendi.  Ċert li kieku kont jien ministru kont nagħti żewġ kelmiet lill-Kummissjoni fuq il-mod ta’ kif waslet għall-figuri tagħha.  L-istess jgħid rapport jgħid li huma sabu diversi diffikultajiet għall-mod wasslu biex jieħdu d-data:“The comparability of data is a challenge as the national justice system and procedures vary significantly and some Member States do not use standard definitions for monitoring data.” Jien rajt fuq fuq dak li hawn f’dan ir-rapport.  Bir-rispett kollu naħseb li dan ir-rapport ma jagħmilx ġieħ lill-Kummissjoni għax m’huwiex verament jirrispetta l-figuri.  Jitkellem pereżempju, dan ir-rapport fuq time needed to resolve administrative cases.  Dan qegħdin nitkellmu fuq każijiet tas-sena 2010.  Hawnhekk, il-Kummissjoni waslet – ma nistax nifhem b’liema mod – għall-konklużijiet li l-każijiet quddiem it-tribunal amministrattiv jieħu 2,500 ġurnata biex jiġu deċiżi.  Dan meta t-tribunal amministrattiv daħal fis-seħħ fl-2009!  Allura dan ifisser li t-tribunal kien iku attiv fl-2010, għal sena waħda!  L-iktar li setgħet iddum kawża fit-tribunal ta’ reviżjoni amminstrattiva kien ta’ 365 ġurnata u mhux 2,500 ġurnata! 

Audit mill-Kunsill tal-Ewropa.

Dan apparti mill-fatt li dan ir-rapport kull ma qiegħed jagħmel huwa li jikkopja ħafna mill-informazzjoni fis-CEPEJ li hija l-organizzazzjoni li hemm fil-Kunsill tal-Ewropa, li jien ħallejt lill-Ministru ta’ waraja, l-Onor. Manuel Mallia, li qed nieħu pjeċir narah hawnhekk, minkejja li m’għandekx l-isem ta’ ministru tal-ġustizzja, però xorta waħda.  Però, niġbed l-attenzjoni tal-Ministru li aħna konna bdejna rapport mas-CEPEJ, li ebda pajjiż membru fil-Kunsill tal-Ewropa ma kien għamel.  Aħna konna tlabna li jsir audit tal-qrati ta’ pajjiżna u kien diġà sar l-ewwel rapprot preliminari.  Konna tlabnih fl-2009 u hemm numru ta’ rakkmandazzjonijiet li kienu ħarġu fir-rapport preliminari, imbagħad wara kien hemm rapport ieħor li permezz tiegħi suppost ġie rapport fis-sena 2012.  L-informazzjoni li għandi hija li hemm dan ir-rapport li wkoll ġie preżentat.  Però dan ir-rapport qed jerġa’ jieħu informazzjoni minn dak li qalet is-CEPEJ, li hija stess taċċetta li għandha diversi pajjiżi li ma jagħtux l-informazzjoni tajba, ma jagħtux l-informazzjoni preċiża u m’hemmx linearità fir-rapporti.  Fl-opinjoni tiegħi dan huwa rapport li ma jagħmilx ġieħ lill-Kummissjoni u wieħed għandu jieħu ħsieb li b’xi mod jew ieħor jgħaddi dan il-messaġġ lill-Kummissarju Vivian Reding, għax m’għandux ikun li jkun hemm dawn it-tipi ta’ rapporti.

Bini gdid ghall-Qorti tal-Familja.

Xtaqt ukoll ngħid li hija ħaġa tajba li jibqa’ jsir l-investiment fl-infrastruttura wkoll ġewwa l-qorti.  L-infrastruttura ġewwa l-qorti hija importanti minħabba l-fat li fil-budgetary measures tal-2012 kien hemm ċar li tidħol fis-seħħ il-qorti li tieħu ħsieb u tispeċjalizza l-każijiet ta’ droga.  Dak il-proġett kien, kif kont ħallejtu jien, li l-qorti li llum hija tal-familja, tiċċaqlaq minn hemm, titla’ iktar ‘l fuq, niftakar fejn kien hemm il-Berġa tas-Sanità, u tidħol hemmhekk il-Qorti tal-Familja l-ġdida.  Ir-realtà kienet mill-ewwel li l-Qorti tal-Familja tant ġibdet xogħol lejha, kif ġiet varata li hija stess sabet lilha nnifisha f’pożizzjoni inadegwata.  Hemm spazju biżżejjed, hemm diġà numru ta’ pjanti li saru, humiex tajbin jew le issa dak jarah il-Ministru, jien kont rajthom li fuqhom wieħed jista’ jibda jibni, però, dak huwa pass verament importanti.  L-istess, nimmaġina li x-xogħol ġol-bini ta’ wara l-qorti baqa’ jsir u permezz tiegħu se jkollok ukoll numru ta’ spazji ġol-qorti li jiġu liberati u numru ta’ mħallfin, maġistrati jew staff li jkunu jistgħu jiċċaqilqu l-parti ta’ wara tal-qorti u fl-istess ħin ikun hemm post iktar deċenti u preżentabbli, kemm fejn jaħdmu, kif ukoll fejn jiltaqgħu ma’ diversi persuni distinti minn barra minn Malta.  Jien, tul iż-żmien li domt Ministru kelli l-opportunità li jkolli numru ta’ ministri tal-ġustizzja li ġew hawn Malta u ltaqgħu wkoll mal-Prim Imħallef, kif ukoll numru ta’ Prim Imħallfin minn pajjiżi oħrajn.  Ovvjament, iktar ma jkun hemm minn dawn il-passi ‘l quddiem, tant aħjar.

Intern u Gustizzja Pedestalli tad-Demokrazija.

Allura, għidt konnu u għidt dan kollu fuq il-ġustizzja u fuq l-intern għax dawn huma żewġ pedestalli tad-demokrazija.  Mingħajrhom pajjiżna jitlef ħafna mit-tessut demokiratiku tiegħu.  L-indipendenza tal-qrati tagħna hija għolja ħafna, hija b’saħħitha ħafna.  Hekk għandha tkun u hekk għandha tibqa’.  Allaħares xiħadd imur lura milli b’xi mod jagħmel xi interferenza fix-xogħol tal-ġudikatura.  Jien, bħala ministru kont ħadt ħsieb li nnaqqas kwalunkwe ħaġa li kienet reżidwu minn żmien l-antik li fih il-ministru tal-ġustizzja seta’ b’xi mod jkollu kontroll fil-ħidma tal-indipendenza tal-ġudikatura.  Allura, li huwa żgur huwa li l-pajjiż qiegħed ‘l quddiem, qiegħed sod.  Nittamaw li jibqa’ sod.  Nittamaw li jibqa’ jiġi ssudat b’deċiżjonijiet politiċi li huma tajbin u li jibqgħu jissudaw lill-ekonomija u jibqgħu jissudaw id-demokrazija. 


5.5.13

Verità u illużjoni.




1.             L-għażliet fil-ħajja politika huma, ħafna drabi, diffiċli.  Diversi kunsilliera, tul dawn il-ġimgħat, kienu bejn ħalltejn lil min, mill-erba’ kandidati li b’ġenerożità resqu ‘l quddiem, sejrin jivvutaw.  Jum wara jum smajt argumenti varji.  Rajt nies deċiżi b’mod, li wara, bidlu fehemthom.  Ħafna ħassewhom f’diffikultà kbira għax hemm imħabba kbira għal dan il-partit li aħna lkoll parti minnu.  Smajt min ried li ma ddeċidejniex daqshekk malajr.  Dawk li riedu li jkollhom aktar ħin biex jaħsbu u jgħarblu sewwa.  Nafu lkoll li l-kunsilliera huma bnedmin li ma jitmexxewx fejn ma jridux.  Iridu jkunu ċerti minn dak li sejrin jagħmlu.  Iridu kap li jmexxi tajjeb u jikseb, l-ewwel,  il-fiduċja sħiħa tagħhom u wara jibda t-triq lejn is-servizz li l-elettorat jagħżel minnu.

2.             Hemm sejħa kbira minn fost il-membri tal-partit sabiex nimxu ‘l quddiem b’għaqal u mhux b’għaġġla.  Li nħarsu ‘l quddiem biex nibnu sewwa fuq il-valuri demokratiċi nsara tagħna.  Diversi ħassew li, hu min hu li sejjer jiġi nkurunat kap, irid iżomm lilu nnifsu ankrat mal-fatt li aħna partit demokristjan.  M’aħniex bnedmin li għandna għamad fuqna li ma nifhmux u ma nirraġunawx, imma li għażilna fil-libertà assoluta tagħna li nimmilitaw f’partit għax għandu prinċipju.  Ħafna telqu ħajja differenti biex jiddedikaw l-enerġija u l-isforzi tagħhom biex iwettqu s-sewwa permezz tal-partit politiku.  Hemm għażla ċara.

3.             Jekk ma nkunux kapaċi nidentifikaw lilna nfusna, ħaddieħor sejjer iċekkinna.  Jekk aħna m’aħniex kapaċi ngħarfu li, mingħajr dak li aħna, sejrin naqbdu triq fid-deżert.  Waħda li ż-żmien jgħidilna meta noħorġu minnu.  L-elettorat tagħna jfittex is-sustanza, ifittex il-verità u min jidħaq bih darba ma jkunx lest li jerġa’ jafdah.  Hemm ħafna studji fuq il-perċezzjoni, fuq l-illużjoni li tista’ tuża biex tidħak bil-poplu.  Biss dawn, fl-aħħar tal-ġurnata, jsarrfu f’reazzjonijiet varji u kontro-indikattivi.  Il-pajjiż irid dejjem iktar verità u inqas purċinellati, pożi jew daħk fil-wiċċ.  Jekk aħna m’aħniex kapaċi nkunu dak li aħna, allura għandna problema aħna stess u l-elettorat tagħna.

4.             Ngħid iktar dan għax għalkemm għaddew kważi xahrejn mill-elezzjoni ġenerali, il-Partit Laburista diġà qiegħed jitlef mill-kunsens li ħadem għalih.  L-għażliet li qed isiru f’bordijiet varji m’humiex jinżlu tajjeb ma’ diversi.  Anzi, saru s-suġġett taz-zekzik u l-għidut ta’ kuljum.  Għax ma’ kull ġurnata nibdewha b’min issa laħaq hemm u min laħaq hawn u iktar ta’ min irid jilħaq ‘l hemm u ‘l hawn.  Tisma’ stejjer varji ta’ min ried ħaġa u ħa oħra, u min baqa’ b’xiber imnieħer.  Hemm ġirja interessanti li minnha l-pajjiż qed jifforma l-opinjoni li semgħu diska fl-elezzjoni ġenerali li ma qalitx il-verità.

5.             Il-Partit Nazzjonalista tilef l-elezzjoni ġenerali u għalkemm hemm min qiegħed jara ħafna dlam, fir-realtà dan m’huwiex minnu.  Diversi imma għandhom il-ħeġġa u d-determinazzjoni biex nimxu ‘l quddiem.  Mhux l-ewwel darba li konna fl-Oppożizzjoni, anzi għandna l-konfort li l-aħħar darba li konna hemm domna biss ftit xhur.  Ħafna persuni lesti jagħtu l-impenn tagħhom magħna sabiex nerġgħu nibnu programm ta’ ħidma biex, l-ewwel, nissudaw l-oppożizzjoni parlamentari; u t-tieni, nsarrfu lilna nfusna fi strumenti ta’ bidla għall-aħjar fil-ħajja soċjo-ekonomika ta’ pajjiżna.  Jilħaq min jilħaq kap tal-partit, m’għandix dubju li ser jagħraf dan.  Ser jagħraf li l-politika li rebħet kienet dik li bbażat ruħha fuq il-verità u mhux fuq l-illużjoni.  Fuq dik li twettaq il-ġid lill-bniedem u mhux li ċċekknu.

3.5.13

Lejn l-Ewwel ta’ Mejju.



1.         Tul l-ewwel tlett xhur ta’ din is-sena għamilna sewwa li ġbidna l-attenzjoni tal-pajjiż lejn l-importanza tax-xogħol.  Fl-aħħar leġislatura żammejna l-ħolqien ta’ postijiet ġodda u, fl-istess ħin, l-istabilità ta’ dawk li kellna.  Ngħid li, f’ħafna, irnexxielna.  Kienu x’kienu s-suċċessi tagħna, dawn illum tilfu mill-importanza politika tagħhom u saru parti mill-istorja soċjali u ekonomika tagħna.  Il-mument huwa wieħed ta’ ħsieb, riflessjoni u preparazzjoni.  Anzi issa iktar li sejrin lejn dan il-jum għandna nduru madwarna u fuqna nfusna sabiex neżaminaw ħidmietna.

2.         Ħidma passata titlob li narawha bi spirtu ta’ awto-kritika b’saħħitha u kostruttiva, kif tesiġi dik li għandna nidħlu għaliha fis-snin li ġejjin.  Irridu naraw x’pożizzjonijiet sejrin nieħdu.  Irridu nidħlu iktar fil-fond sabiex nifhmu li s-soċjetà tagħna timxi ‘l quddiem jew lura skont kemm hija taffronta b’serjetà u intelliġenza s-suġġett tax-xogħol u tad-dinjità tal-bniedem.  Il-valuri demokristjani tagħna mexxewna fit-triq it-tajba li nibdnu soċjetà interklassista u popolari li tara x-xogħol bħala l-ġebla tax-xewka tagħha.

3.         Irridu nistaqsu x’tip ta’ xogħol ħloqna, kemm konna kapaċi niftħu l-bibien għal setturi ġodda u jekk kemm-il darba iffukajniex fuq dak kollu li din il-linja titlob.  Tkellimna diversi drabi fil-kampanja fuq iktar postijiet tax-xogħol, biss ma nafx kemm in-nies kienu impressjonati b’dan.  Fil-laqgħat man-nies, il-kordi ma kienux idoqqu fuq din il-melodija.  Anzi, min ma kellux xogħol, kien iħares lejna bħala dawk li tajna lill-oħrajn u min kellu kundizzjonijiet xejn tajba li konna qegħdin ngħalqu għajn u ma nagħtux prijorità.

4.         M’aħniex il-partit fil-Gvern, qegħdin fl-Oppożizzjoni.  Biss, dan ma jfissirx li m’għandniex sehem u responsabbiltà x’nagħtu.  Hemm fis-soċjetà ħaddiema li m’humiex stmati, li tilfu jew ser jitilfu l-post tax-xogħol tagħhom li ser iduru fuqna għal direzzjoni.  Jekk fil-ħames snin li għaddew, il-kwistjoni tax-xogħol kienet f’ċerti termini relattiva, f’dawn li ġejjin ser issir biċċa biċċa ċentrali.  Dan ser jitlob mingħandna li nibnu fi ħdanna l-linja li permezz tagħha nħarsu ‘l quddiem.

5.         Id-dħul tagħna fl-Unjoni Ewropea proprju fl-istess jum iżid id-doża tar-responsabbiltà ta’ din il-linja ta’ ħidma politika.  Iżżid, għax bl-Unjoni nbidlu ħafna kunċetti antiki tad-dinja tax-xogħol, u fl-istess ħin infetħu opportunitajiet li qabel ma kellniex.  Kemm, f’dawn is-snin li aħna membri, irnexxielna nifhmu l-impatt, l-effett ta’ dan kollu rridu niddiskutuh mas-soċjetà ċivili, mal-ħaddiema u ma’ dawk li lesti jgħinuna.  Irridu naraw kemm pajjiżna daħħal tajjeb ir-regoli tal-Unjoni li jgħinu lill-ħaddiem fuq il-post tax-xogħol u, fl-istess ħin, naraw x’ser tkun għada pitgħada il-pożizzjoni tagħna fl-istess Unjoni.

6.         Iktar ta’ sfida għal din is-soċjetà hija l-pożizzjoni tal-mara fid-dinja tax-xogħol.  Il-messaġġi varji li ħarġu tul il-kampanja taż-żewġ partiti ma nafx sewwasew x’effett verament kellna mal-elettorat femminili.  Dak li ser jiġi deċiż f’din il-leġislatura ser ikollu impatt dirett fuq il-familja u fuq kif inħarsu lejha fis-soċjetà.  Ngħid dan kollu għax dan il-jum jibqa’, l-ewwel, għal diversi dak li jorbotna sew max-xogħol u l-bżonn tiegħu għal kull persuna.  Biss, jidher ċar li minn dak li sar f’dawn il-jiem, ma rajniex il-passi neċessarji mill-Gvern sabiex il-proċess ta’ kuntrast għall-qagħad iseħħ.  Dan jitlob mingħandna li nkunu iktar preparati u, fl-istess ħin, proattivi f’ħidmietna.  Il-Partit Nazzjonalista huwa dak li, meta kien fl-Gvern, kien kapaċi joħloq ix-xogħol.  Biss, biex jibqa’ b’dik l-abbiltà, irid jibqa’ preparat u ffurmat tajjeb.  Dak hu li beħsiebna nagħmlu.

Diskors fid-Dibattitu dwar il-Budget.



Sur President, l-ewwel nett, minn qalbi nawgura lill-Ministru l-ġdid tal-Ġustizzja u l-Intern. Kif qal il-kollega tiegħi l-Onor. Beppe Fenech Adami, il-Labour Party għażel li jżomm il-ġustizzja u l-intern taħt l-istess dekasteru u dak, għalina, huwa kumpliment indirett li jikkonferma li meta konna qegħdin immexxu dan il-ministeru f’daqqa, l-affarijiet irnexxew u mxew ‘il quddiem. 
Ministeru Mega.
M’hemmx dubju li dan huwa Ministeru mega, aircraft carrier ta’ affarijiet fejn fih l-Armata, ir-Reġistru Pubbliku, il-Public Broadcasting Services, l-intern kollu, il-ġustizzja u l-immigrazzjoni. Dan huwa Ministeru li jrid ħafna attenzjoni fit-tmexxija tiegħu u jien nawgura li l-Ministru ma jitlaqx jiġri biex jipprova jagħmel l-affarijiet ta’ malajr mingħajr ma jkollu spjegazzjoni tajba u ċara ta’ dak kollu li kien qed isir fis-setturi partikolari tal-istess ministeru.  Wara li jisma’ u jara dak kollu li kien qed jiġi ppreparat u dak kollu li kien għaddej, imbagħad ħalli jidħol għar-riformi ġodda u l-affarijiet li jixtieq hu. 
Gustizzja u Intern Determinanti.
Il-ġustizzja u l-intern huma determinanti għal pajjiż, huma ankra għal pajjiż u, għalkemm fin-nomenklatura tal-Ministeru tneħħiet il-ġustizzja u qisu l-ġustizzja m’għadhiex teżisti, nawgura li iktar ‘il quddiem dan il-Ministeru jinbidillu ismu u jerġa’ jiġi lura bl-isem tal-Ministeru għall-Ġustizzja u l-Intern.  Nittama wkoll li dan il-Ministeru jimxi ‘l quddiem, jaħdem u jibni fuq dak kollu li ħallejna warajna.  Nawgura wkoll li l-miżuri legali li għamilna bħall-ittri uffiċjali eżekuttivi, bħaċ-Ċentru tal-Medjazzjoni, bħat-tisħiħ taċ-Ċentru tal-Arbitraġġ, it-Tribunal Amministrattiv u d-diversi emendi li għamilna għal mandati eżekuttivi u kawtelatorji kif ukoll għax-xogħol li għamilna fil-Qorti tal-Familja ikomplu jiġu ssodati u mmexxija ‘l quddiem. Żgur mhux forsi li f’kull settur tista’ tagħmel ħafna fine tuning, però l-linja prinċipali għandha tkun li wieħed iħares u jiffoka lejn is-setturi varji fil-ġustizzja u jagħmel rimedji speċifiċi għall-problemi partikolari li hemm. Ħadd m’hu se jsib rimedju wieħed li jgħodd għas-setturi kollha fil-ġustizzja, u jkun żbaljat min jaħseb li hemm xi ħadd li għandu bakketta maġika biex il-kawżi kollha jinqatgħu fi żmien partikolari, biex kollox isir malajr u biex ma jkunx hemm dewmien.
Riforma fil-ligi Dwar d-Danni.
Nawgura li l-kumitat li ġie mwaqqaf mill-Ministru Mallia u mis-Segretarju Parlamentari tiegħu l-Onor. Owen Bonnici jiġi b’numru ta’ punti li fuqhom wieħed ikun jista’ jiddiskuti u jimxi ‘l quddiem. Dan huwa fl-istess linja li konna għamilna fl-2003 meta konna fassalna l-White Paper “Lejn Ġustizzja Aħjar u Eħfef” li fiha konna għamilna kwantità kbira ta’ suġġerimenti ta’ riformi li minnhom stajna nieħdu ħafna passi ‘l quddiem.  Nappella biex abbozz ta’ liġi, li sfortunatament baqa’ mdendel fl-aħħar leġiżlatura, dak marbut mar-riforma tal-kawżi ċivili fid-danni, iseħħ u jsir aħjar. Kien hemm nuqqas ta’ qbil fil-Kamra, kultant ngħid li ma kienx ġustifikat biżżejjed, però rrid niġbed l-attenzjoni tal-Ministru li bejn wieħed u ieħor terz tal-kawżi li jidħlu l-qorti huma kawżi marbuta mad-danni ċivili naxxenti minn inċidenti ta’ traffiku jew minn inċidenti industrijali.  Jekk ikun hemm sistema legali aħjar li ddaħħal id-danni morali u tagħmel id-danni iktar preċiżi, il-kawżi jkunu jistgħu jinqatgħu ferm iktar malajr u wkoll tneħħi l-inċertezza li kawża tinqata’ mod u kawża oħra tinqata’ mod ieħor. B’dan il-mod ikollna riduzzjoni tajba tal-kawżi li hemm pendenti. 
Il-Qorti Nbidlet ghall-Ahjar.
Irrid infakkar li l-qorti inbidlet ta’ taħt fuq minn kif kienet meta dħalt jien bħala Segretarju Parlamentari sakemm imbagħad dħalt bħala Ministru u saħansitra sal-lum.  Għalkemm il-volum tax-xoghol baqa’ jidħol kważi l-istess, jekk mhux żied b’mod qawwi permezz tal-ittri uffiċjali eżekuttivi u permezz tal-arbitraġġi, il-backlog tal-kawżi fil-qorti naqas b’iktar minn 60%. Mhux biss, imma naqas ukoll id-dewmien li l-kawżi jieħdu. Fil-fatt, illum, il-maġġoranza tal-kawżi li hemm pendenti fil-qorti huma ta’ inqas minn tliet snin u allura nagħmel appell b’mod partikolari lill-Ministru u lis-Segretarju Parlamentari, li jieħdu ħsieb li jaraw l-affarijiet fid-dettall u ma jitilqux jiġru jagħmlu miżuri li fl-aħħar tal-ġurnata minflok jagħmlu ġid, jagħmlu ħsara. L-esperjenza politika tiegħi wrietni li meta wieħed jiġri fis-settur tal-ġustizzja, minflok l-affarijiet jimxu ‘l quddiem, isib li l-affarijiet jinżammu lura.
R-Riforma tal-Gustizzja Riparatrici.
L-istess appell tiegħi jmur għar-rigward ir-riforma tal-ġustizzja riparatriċi.  Il-ġustizzja riparatriċi hija waħda miż-żwiemel tal-battalja li għamilna fl-aħħar leġiżlatura li sfortunatament ġiet ikkritikata fil-Parlament b’mod miskin u kien hemm ħafna kritika bla sens biex wieħed jipprova jwaqqagħha għaċ-ċajt u jipprova jkissrilha l-kredibilità tagħha. Jiena nittama li l-Ministru responsabbli mill-intern jieħu ħsieb li r-riforma tal-ġustizzja riparatriċi tkompli timxi ‘l quddiem u tagħmel il-passi neċessarji tagħha. Infakkar li għamilna dipartiment ġdid tal-Probation and Parole, għamilna s-sistema legali b’mod li kull persuna li tidħol fil-faċilità, tingħata care plan u timxi fuq dik il-care plan biex tiġi verament riformata. L-importanti fil-ġlieda kontra l-kriminalità hija dejjem determinanti li persuni li jidħlu fil-faċilità ma jerġgħux jidħlu. Dan jista’ jiġi assigurat billi wieħed ikun jista’ joffri toroq ġodda, u dik il-liġi hija mimlija opportunitajiet.
Rapporti dwar il-hidma li saret.
Nistieden lill-Ministru wkoll li qabel jagħmel xi ħaġa fuq dan is-settur, jitlob id-diversi rapporti li saru tul dawn l-aħħar ħames snin li fihom dħalna fid-dettall dwar x’għandna bżonn fl-istituzzjonijiet, x’għandna bżonn fis-settur amministrattiv u x’għandna bżonn nagħmlu fil-liġi sabiex inbiddlu l-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin. Hemmhekk, żgur mhux forsi, huwa challenge għal kull ministru u ebda ministru f’ebda pajjiż li għandu fir-responsabilità tiegħu l-faċilitajiet korrettivi ma jista’ qatt jistrieħ, għax huwa settur li dejjem jaħraq.  Il-ġlieda kbira kontra l-kriminalità hija li lin-nies li hemm hemm ġew tagħtihom l-opportunità biex joħorġu minn hemm bħala persuni riformati u li jistgħu jidħlu lura fis-soċjetà. 
R-Riformi tal-Abbozz 97 ghandhom jidhlu fis-sehh.
Sur President, nixtieq ukoll insemmi diversi punti importanti marbuta mal-intern. Nagħmel appell lill-Ministru biex jara l-Abbozz Nru. 97 li fih kien hemm 140 punt ta’ riforma li sfortunatament, minħabba l-ħmerijeit li saru hawnhekk, bqajna m’għamilnihomx.  Hemmhekk hemm kwantità kbira ta’ affarijiet li hemm bżonn li jiġu mdaħħla sabiex il-pulizija jkollha għodod ġodda sabiex tiġġieled il-kriminalità kif ukoll biex wieħed ikun jista’ jgħin persuni li missew l-ewwel darba mal-liġi. 
Introduzzjoni tad-Drugs Courts.
Sur President, għalkemm għamilt diversi affarijiet li jien ferħan bihom u li għandi s-sodisfazzjon ta’ dak kollu li għamilt – anzi ngħid li meta spiċċajt minn ministru kelli s-sodisfazzjon li mmur il-qorti, niltaqa’ mad-diversi nies u jagħtuni informazzjoni fuq fejn waslu proġetti u x-xogħol u l-ġid li sar minn dik l-aħħar leġiżlatura – nixtieq nirriferi għal proġett li ħdimt fuqu għal erba’ snin imma li sfortunatament ma kellix l-opportunità li nagħmel.  Nitlob lill-Ministru responsabbli mill-intern biex, jekk jogħġbu, ma jabbandunax id-Drugs Court u ma jabbandunax il-mod ta’ kif għamilna l-liġi li tagħti l-fakultà lill-Avukat Ġenerali, fid-diskrezzjoni li diġà għandu llum, li first offenders fuq  drogi minflok jibgħathom il-qorti, jibgħathom quddiem kumitat biex jassistihom ħalli jkunu jistgħu joħorġu mill-vizzju tad-droga. Dan dejjem jekk verament ikunu għadhom kif bdew bil-vizzju tad-droga. U ngħid dan għax jista’ jkun li jkollok tfal li pejpu darba l-ħaxixa jew għamlu xi ħmerija darba u ma jkunux reġgħu għamlu din il-ħaġa. B’hekk taqta’ ċertu backlog ta’ kawżi li għandek il-qorti, tagħti l-opportunità li tikkonċentra aktar fuq it-traffikant tad-droga u jkollok l-uffiċjali li jħarsu b’iktar saħħa lejn it-traffikar tad-droga. Hemmhekk tagħmel differenza fil-piena bejn dak li huwa traffikant tad-droga u dak li huwa first offender fid-droga. 
Agreed Sentences.
F’dak l-Abbozz ta’ Liġi hemm kwantità kbira ta’ affarijiet li llum, iktar minn qatt qabel, hemm bżonn li jsiru.  Pereżempju, hemm l-agreed sentences, jiġifieri l-qorti, anke quddiem il-maġistrati, il-prosekuzzjoni u d-difiża, jistgħu jaqblu fuq sentenzi mogħtija.  Dik tippermettilek li toħroġ sentencing policy, taqta’ numru ta’ kawżi li ilhom pendenti żmien fil-qorti jistennew biex jinqatgħu fuq ħaġa u fuq oħra, u tagħmel riduzzjoni konsiderevoli tal-kawżi li hemm pendenti fil-qorti. 

Hemm ukoll kwestjonijiet marbuta mat-tfal.  Irrid ngħid b’mod partikolari li f’dak l-Abbozz ta’ Liġi konna neħħejna d-duttrina l-antika fuq il-ħażen tat-tfal ta’ ċerta età u għollejniha ‘l fuq biex nagħtu protezzjoni ikbar lit-tfal. Matul l-aħħar leġiżlatura kien ukoll żiemel tal-battalja tagħna li dħalna biex nagħtu protezzjoni ikbar lit-tfal f’diversi setturi, kemm fil-kamp ċivili kif ukoll fil-kamp kriminali. Hemm ukoll il-fruntiera ġdida tal-internet. 
Fruntiera tal-Internet.
Sur President, il-fruntiera l-ġdida tal-internet hija fruntiera li aħna ta’ ċerta ġenerazzjoni u ta’ ġenerazzjonijiet li hawn f’din il-Kamra, qegħdin ninqatgħu minnha.  Illum, tfal ta’ 15, 16 u 17-il sena qegħdin jiltaqgħu ma’ ċerti sitwazzjonijiet fuq l-internet u allura għandhom bżonn iktar attenzjoni u iktar protezzjoni. Infakkar li fl-Abbozz ta’ Liġi li semmejt konna erġajna żidna ċerti pieni marbuta mal-pornografija fuq l-internet u ma’ ċertu solleċitar fuq l-internet. Dik hija ġlieda importanti li nittama li l-Ministru responsabbli mill-intern jidħol għaliha. 
Glieda kontra l-Kriminalita Trid tkompli issir.
Nafu li hemm ħafna ġlidiet li jridu jsiru fl-intern u hemm ħafna affarijiet li jridu jsiru fis-silenzju, imma li xorta waħda jridu jsiru, u jiena nawgura li l-Ministru responsabbli mill-intern jagħmilhom.  Il-pajjiż ma jistax jimxi ‘l quddiem jekk kemm-il darba ma jkunx hemm din id-determinazzjoni u l-perseveranza sabiex wieħed jagħmel il-ġlieda lill-kriminalità fil-fond u fl-għeruq tagħha.  Jekk ma nagħmluhiex, ikollna diffikultajiet kbar iktar ‘il quddiem għax ikollna setturi fejn ma jkunx faċli li wieħed ikun jista’ jipproteġi lit-tfal minuri. 
Jiena dejjem nieħu pjaċir nara lill-Korp tal-Pulizija jibqa’ jiġi armat. Jiena kelli s-sodisfazzjon li armajt kemm flaħt il-Korp tal-Pulizija b’diversi apparat ġdid, karozzi ġodda, b’affarijiet fil-forensika, bid-DNA u bil-profiling. Għamilna ħafna xogħol importanti u dħalna wkoll fuq livell importanti fis-settur tal-Unjoni Ewropea meta konna leaders fil-EU Standing Committee on Internal Security (COSI) u konna leaders ukoll fil-ġlieda għad-droga marbuta mal-kurrenti mill-Afrika u minn pajjiżi oħrajn għar-rigward kif l-Ewropa tista’ żżomm iċ-channels tagħha iktar protetti fir-rigward tad-droga. Dawn huma affarijiet li nawgura li l-Ministru l-ġdid jidħol fil-fond fihom. Nawgura li jaqra u jara l-affarijiet u li jkollu briefing tajjeb. Jiena ċert li n-nies li hemm huma kompetentissimi, tal-affari tagħhom, li jagħtuk  parir tajjeb, tista’ tiddiskuti magħhom, tista’ tmexxihom ‘il quddiem u li jagħmlu diversi affarijiet tajbin. 
Settur difficli tal-Immigrazzjoni.
Settur importanti ħafna li semma wkoll il-kollega tiegħi huwa l-immigrazzjoni. Aħna dejjem semmejna immigrazzjoni irregolari. Għandi l-unur ngħid li, bħala ministru, dejjem irriferejt għall-immigrazzjoni bħala “irregolari” u llum, il-Kummissarju Cecilia Malmström, qed tagħmel kampanja fuq livell Ewropew biex tara li l-kelma “illegali” ma tkomplix tiġi wżata imma l-frażi li trid tiġi użata hija “immigrazzjoni irregolari”.  Hawnhekk għamilna avvanzi kbar ħafna u biddilna ħafna strutturi.  Malta saret leader f’dan is-settur. Infakkar li Malta għandna l-unur ngħidu li għandna aġenzija importanti li hija l-European Asylum Support Office. Għalija, huwa sodisfazzjon ieħor mad-diversi sodisfazzjonijiet tiegħi bħala ministru li rnexxieli nġib dan l-uffiċċju f’Malta jaħdem hawnhekk u qed jagħmel il-ġid. Dan għandu baġit fuq sentejn ta’ €55 miljun b’nies ġejjin u sejrin, u Malta hija meħuda bħala hub u bħala eżempju ta’ kif għandek tagħmel l-iscreening ta’ malajr ta’ immigranti irregolari tal-mod tajjeb ta’ kif għamilna l-affarijiet.  Meta kont għadni ministru, rajt pajjiżi oħrajn li kellhom problemi ikbar minn tagħna jieħdu l-mudell tagħna ta’ kif jagħmlu l-affarijiet. 
Hdimna Tajjeb Hafna fl-Ewropa.
Ovvjament, kulħadd għandu l-interessi varji tiegħu f’din l-issue; l-NGOs għandhom l-interessi varji tagħhom u aħna għandna l-interess preċiż u dirett tagħna.  Aħna nittrattaw is-suġġett bl-attenzjoni tas-sigurtà, però b’umanità kbira u b’attenzjoni kbira għad-diffikultajiet kbar li dawn in-nies jiltaqgħu magħhom ta’ kuljum f’pajjiżna u anke meta jitilqu minn pajjiżna. Aħna għandna l-unur li ħdimna tajjeb ħafna fuq livell tal-Unjoni Ewropea u hawn nixtieq anke nsellem b’mod partikolari lill-Istati Uniti. Ix-xogħol li għamilna sewa biex l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti assistew għar-rilokazzjoni ta’ diversi familji. Fis-settur tal-immigrazzjoni irregolari, persuni li ħaqqhom protezzjoni ta’ refuġjati fuq bażi umanitarja u sussidjarja huma persuni vulnerabbli, però l-iktar li huma vulnerabbli m’humiex is-single males, imma l-familji, u hemmhekk għandna s-sodisfazzjon li matul il-ħames snin li għaddew irrilokajna 2,000 persuna minn pajjiżna f’pajjiżi oħrajn fejn tajnihom futur aħjar, tajnihom post fejn joqogħdu, edukazzjoni, saħħa u xogħol f’pajjiżi oħrajn fejn setgħu jibdew il-ħajja ġdida tagħhom. Kelli l-unur u s-sodisfazzjon li diversi drabi nqum kmieni filgħodu biex nara nies jitilqu minn Malta u jmorru f’pajjiżi oħrajn. Min-naħa waħda kien ikollhom l-uġigħ fil-qalb li se jitilqu u jabbandunaw dan il-pajiż li kien ħanin magħhom – u sew għamel u hekk għandu jkompli jagħmel – u mill-banda l-oħra kienu jħarsu ‘l quddiem lejn il-futur tagħhom f’pajjiż differenti. Jiena ċert li dawn in-nies huma rikonoxxenti lejn pajjiżna li ttrattajna tajjeb magħhom.

Sur President, jien nitlob lill-Ministru sabiex jidħol iktar fil-fond u jkollu briefing tajjeb tax-xogħol li għamilna marbut ma’ dan is-settur partikolari matul il-ħames snin. B’mod partikolari meta ġiet il-gwerra ċivili Libjana u meta kellna diversi affarijiet oħra fuq rasna, xorta tajna attenzjoni partikolari għal persuni li ħarbu l-gwerra ċivili biex ġew hawnhekk u diversi persuni li llum m’għadhomx f’Malta, li telqu minn Malta u li qegħdin f’pajjiżi differenti. 
R-Rapport dwar il-Piroteknika.
Sar ħafna xogħol tajjeb u jien nawgura lill-Ministru sabiex ikollu l-paċenzja li jdur l-affarijiet sewwa qabel ma jitlaq jiġri għax li se nsemmi huwa wieħed mill-iktar setturi perikolużi u diffiċli. Qed nirriferi b’mod partikolari għas-settur tal-piroteknika.  Il-ħabib tiegħi tan-naħa l-oħra jaf x’jiġifieri u nista’ ngħid li ħdimna id f’id fil-piroteknika; sirt nifhem fil-piroteknika, bejn mertu tiegħu u bejn mertu ta’ diversi kmamar tan-nar, u nista’ ngħid li jiena kont il-ministru li l-iktar għamilt riformi f’dan is-settur. Hemm ir-rapport magħmul mill-Prof. Alfred Vella, mill-Prof. Victor Vella, minn Joseph Theuma u minn Servolo Delicata li qiegħed hemm jistenna biex nimxu ‘l quddiem fuqu u hemm bżonn li ma ninjorawhx. Irridu nimxu ‘l quddiem u nagħmlu x-xogħol partikolari għax dak huwa rapport importanti ħafna li permezz tiegħu nistgħu nistradaw diversi affarijiet f’pajjiżna. 

Sur President, għandi ferm iktar affarijiet xi ngħid, però l-20 minuta li kelli allokati għalija llum għaddew.  Jien nawgura minn qalbi li x-xogħol isir tajjeb. Huwa fl-interess nazzjonali li s-settur tal-intern u tal-ġustizzja jitmexxa tajjeb. Jien nappella lill-Prim Ministru biex ma joqgħodx jistħi u jagħmel in-nomenklatura tal-Ministeru kif suppost hi, jiġifieri Ministeru għall-Ġustizzja u l-Intern, u ma jinħebiex taħt il-kelma “Sigurtà”.  Grazzi, Sur President. 



25.4.13

Għal dawk li jridu jisimgħu

 

1.            Il-passi tal-bidu ta’ dan il-Gvern ġdid huma sfortunatament mimlija b’kumplikazzjonijiet u ġudizzji żbaljati.  Diversi fis-soċjetà ttamaw li l-perjodu twil li l-Partit Laburista kien fl-Oppożizzjoni serva sabiex meta jiġu fdati bil-poter ikunu attenti biex ma jidħlux fit-toroq li uħud diġà qabdu.  It-tieni, ma’ dan hemm il-konsegwenzi li twieldu mill-interpretazzjoni skorretta tar-riżultat elettorali.  Il-poplu ma sarx, fil-maġġoranza tiegħu, laburist.  Għażel lil dak il-partit, però ma ntrabatx kif uħud ilhom hekk marbuta.  Żamm u anzi ħass li qiegħed jeżerċita l-libertà tiegħu li jibdel il-Gvern mingħajr ma jintrabat ma’ naħa jew oħra.  Minflok, xi wħud fil-Partit Laburista tkaxkru jaħsbu li għandhom issa l-maġġoranza li hija marbuta mal-modi l-antiki ta’ kif kienu jwettqu l-politika.

 

2.            Dan ħareġ ferm iktar ċar f’żewġ deċiżjonijiet partikolari, fost oħrajn, li mhux qegħdin jinżlu tajjeb mal-opinjoni pubblika u li għalihom il-Gvern qiegħed diġà jwebbes rasu.  Id-diskors tal-President tar-Repubblika kien stunat wisq, mimli b’osservazzjonijiet u diskors partiġġjan li setgħu faċilment jiġu evitati.  Min kitbu, u ħadd għadu ma qal min effettivament hu, ma rax li għandu joqgħod lura u ma jimbarazzax lill-President tar-Repubblika nnifsu kif ukoll lill-istess gvern tal-ġurnata.  Il-verità hija li kien kliem żejjed u ma rnexxielu jasal imkien, salv li jġib stmerrija u kumplikazzjonijiet żejda lill-Uffiċċju tal-President.  Passi żbaljati li juru nuqqas ta’ maturità politika.

 

3.            Ma kienx hemm bżonn ta’ dan kollu.  Anqas, fl-opinjoni tiegħi, ma kien hemm lok ta’ xi tibdiliet legali.  Hemm sempliċement neċessità tal-użu tas-sens komun.  Min jikteb id-diskors għandu jkun tajjeb u jassigura li ma jġibx lill-istituzzjonijiet f’sitwazzjoni bħal din.  Ma nemminx li huwa daqshekk diffiċli biex dan isir, dejjem jekk inti tkun tal-affari tiegħek u tagħraf il-portata ta’ ħidmietek.  Fl-ewwel siegħat ta’ din il-leġislatura, diġà kien evidenti li kien hemm noti li jistonaw u li jindikaw b’mod dirett li l-attenzjoni lejn ir-rispett tad-demokrazija kien qiegħed jiġi injorat.  Dan huwa żball politiku li l-konsegwenzi u l-effetti tiegħu ser narawhom jiżdiedu.

 

4.            Anqas ma qed tagħmel wisq ġid u ġieħ lill-Gvern li jippermetti Ministri u Segretarji Parlamentari jaħdmu fil-professjoni tagħhom, minkejja l-ħatra tagħhom.  Huwa diġà żbaljat minnu nnifsu li jiġi permess dan.  Min daħal għal kariga fl-Eżekuttiv f’din l-età ma jistax ikollu sieq naħa u sieq in-naħa l-oħra.  Irid, dejjem jekk irid ikun ta’ servizz u jwettaq ħidmietu b’serjetà, ikun dedikat għal ħaġa waħda.  Nitkellem mill-esperjenza personali.  Tant hemm xogħol u punti li jridu l-attenzjoni u l-konċentrazzjoni tiegħek li ma tistax tinqasam.  Il-Kodiċi tal-Etika jniżżel b’mod ċar dak li huwa loġiku u għandu fin-normalità jiġi segwit bil-vantaġġ li ħadd m’għandu skużi għax huwa mniżżel abjad fuq l-iswed u ma jistax jiġi injorat.

 

5.            Il-Kodiċi tant isegwi s-sewwa li anqas jitkellem fuq eżenzjonijiet.  Il-Prim Ministru qiegħed jiżbalja hawn fuq żewġ punti.  L-ewwel, li jippermetti li jkollu membri tal-Eżekuttiv li m’humiex konċentrati fuq ħidmiethom.  It-tieni, li jiskuża aġir bħal dan billi jgħid li qed jeżenta dak li ma jistax, fil-fatt, jeżenta.  Min irid jisma’ jisma’.  Min le, ikompli jwebbes rasu.  Fil-ġimgħat li ġejjin, dejjem jekk il-Gvern ma jibdiex jaħrab, nittama li jkollna l-opportunità li niddiskutu fit-tul, sija d-diskors tal-President, kif ukoll dan l-aġir żbaljat.  Ħidmietna fl-Oppożizzjoni qegħda ssir diġà u sewwa.  Ċert li fir-ras iebsa tal-Gvern, il-poplu qiegħed attent.

22.4.13

Nagħrfu d-direzzjoni tagħna



1.         Tul din il-ġimgħa bdejna l-ewwel dibattiti parlamentari.  Għalkemm huwa minnu li għandna inqas membri eletti, però xorta waħda bħala Oppożizzjoni għandna dritt għall-istess ħin sabiex nitkellmu daqs in-naħa tal-Gvern.  Kienu tlett ijiem fejn ġie approvat l-ewwel parti tal-proċess parlamentari tal-budget.  Issa rridu, fil-ġimgħa li ġejja, nidħlu fl-abbozz ta’ liġi li jġib fis-seħħ il-miżuri li kienu ġew stabbiliti mill-aħħar leġislatura.  Mill-aħħar parti ta’ wirt ta’ tajjeb li ħalla Gvern Nazzjonalista warajh.  Mid-diversi passi u miżuri li għamlu l-ġid u għadhom qed jagħmlu hekk.  Għal ħafna huwa ċar li s-sitwazzjoni preżenti għadha qegħda għaddejja proprju minħabba r-rankatura li tajna.  Il-problemi jibdew appena dan il-proċess naturali jispiċċa u hemm allura l-poplu jinduna li hemm differenza f’min qiegħed imexxi.

 

2.         F’dawn il-ġimgħat inizjali ta’ dan il-Gvern Laburista, qegħdin fil-fatt naraw diversi passi li l-konsegwenzi tagħhom sejrin immissuhom iktar ‘il quddiem.  Huwa diġà evidenti li hemm abbundanza ta’ deċiżjonijiet mgħaġġla għax hemm min jaħseb li azzjoni ħażina, iktar ma twettaqha malajr fil-leġislatura, iktar hemm probabbiltà li tintesa.  Biss, l-esperjenza politika qegħda turi li dan m’huwiex il-każ.  F’din l-aħħar elezzjoni ġenerai hemm lezzjonijiet li kull naħa tal-Kamra trid toqgħod attenta għalihom.  L-elettorat tagħna huwa illum iktar iffukat fuq dak li ngħad matul il-kampanja u dak li qiegħed isir.  Ma hemmx poplu li lest li jħalli lil min jidħak bih u jagħlaq għajn, imma qiegħed jeżamina fid-dettall kull pass.  L-aġir żbaljat hemm jibqa’ u wieħed irid iħallas għalih, iktar u iktar f’soċjetà bħal tagħna fejn hemm diversi jiġu minn xulxin.

 

3.         Barra fit-toroq hemm l-impressjoni li l-aġenda prinċipali li qegħda tokkupa moħħ il-Prim Ministru hija dik li jipprova jikkuntenta kemm jista’ membri parlamentari u pseudo protagonisti politiċi.  F’dan l-istadju l-linja ma’ kull ġurnata tiżviluppa f’rigali differenti lil dawk li, fl-għażla tajba jew ħażina tiegħu, tħallew barra mill-Kabinett.  Fl-opinjoni ta’ diversi, hemm persuni li kellhom jitħallew barra u oħrajn li jidħlu ġewwa, biss dik it-taħlita hija fuq dahru u l-effetti tagħha jiġu ma’ wiċċu iktar ‘il quddiem meta jibda jberraq daqqa fuq ħaġa u daqqa fuq oħra.  Dan apparti ċerti żbilanċi ta’ poter intern bejn dawk li għandhom wisq u jista’ jkun li ma jifilħux għalih u dawk li għandhom inqas u jifilħu għal iktar.  Hu x’inhu, qisu qabel ma jitlaq, l-importanti għalih huwa li jikkuntenta lil kulħadd.

 

4.         Anzi, iktar u iktar qed tingħata l-impressjoni li x-xogħol prinċipali għandu jkun mhux li jimxu ‘l quddiem id-dipartimenti u l-ħaddiema, imma li f’kull post iċaqilqu lil dak u lill-ieħor.  F’moħħhom għandhom l-importanza u l-fissazzjoni li jkollhom kollox assolutament f’idejhom.  Dan bħala linja ta’ prinċipju huwa minnu nnifsu żbaljat politikament għax il-pajjiż irid jitmexxa u jingħata servizz minn kull persuna, hija x’inhija l-opinjoni politika tagħha.  Mhux biss, imma meta tneħħi b’dan il-mod u mingħajr loġika, salv dik partiġġjana, tkun qed titlef esperjenza u memorja istituzzjonali.  Hemm ħafna li jersqu ‘l quddiem sabiex jieħdu ħaġa jew oħra, imma l-pajjiż jinteressah iktar li l-affarijiet isiru sewwa.  Persuni ta’ esperjenza qegħdin jintilfu fi trasferiment naħa jew oħra, bis-soliti metodi li diversi fakkruhom f’dak li kien iseħħ taħt amministrazzjonijiet Laburisti oħra.

 

5.         Il-Partit Laburista għandu f’rasu numru ta’ ideat żbaljati bħal dik li fl-1998 tilef l-elezzjoni ġenerali għax ħalla xi kapijiet f’numru ta’ dipartimenti li ma kienux identifikati bħala laburisti.  Din hija opinjoni żbaljata.  Dik l-elezzjoni ntilfet fuq raġunijiet kompletament differenti.  Intilfet minħabba diversi nuqqasijiet oħra li wasslu lill-poplu jbiddel il-Gvern.  L-eżerċizzju ta’ dan it-tip ta’ tibdil li qiegħed isir huwa wieħed li jibgħat messaġġ ċar li l-amministrazzjoni preżenti ma tridx taħdem ma’ kulħadd u li, anzi, għandha l-biża’.  Fl-opinjoni ta’ diversi, Gvern irid juri u jġib fil-prattika ħidma li tinvolvi lil kull persuna.  U dan apparti l-fatt indiskuss li huwa għaqli lijkun hemm għajnejn u widnejn differenti sabiex inaqqsu mit-tentazzjonijiet għall-irresponsabbiltajiet u l-abbużi li, inevitabilment, iseħħu meta ma hemm kontroll.  Biss, huwa ċar li meta hemm il-biża’ minn dak jew l-ieħor, turi li hemm nuqqas ta’ fiduċja fl-abbiltajiet personali ta’ min qiegħed imexxi.

 

6.         Jekk hemm min jaħseb li dawn l-affarijiet qed jaqbżulna, nassiguraw li le.  Huwa minnu li hemm bżonn nagħtu attenzjoni partikolari sabiex nidħlu l-organi nterni tal-partit, biss dan ma jfissirx li m’aħniex ser inkunu wkoll iffukati fuq ħidmietna bħala Oppożizzjoni parlamentari.  Id-direzzjoni tagħna hija ċara: inkunu ma’ kull ġurnata Oppożizzjoni tajba u aqwa minn ta’ qabilna.  S’issa, il-Partit Nazzjonalista huwa magħruf li f’kull pożizzjoni li l-elettorat għażel li jqegħdu, servih.  Hekk ser nagħmlu f’dawn il-jiem, bil-viġilanza u l-għodda li l-liġi u s-sistema parlamentari tagħtina.  L-istituzzjonijiet f’soċjetà moderna jimxu ‘l quddiem jekk ikun hemm verament rispett lejn l-oħrajn, anke jekk dawn m’għandhomx l-istess opinjonijiet tagħhom.  Id-direzzjoni tagħna hija ċara u nagħrfuha sabiex id-demokrazija b’saħħitha li ħallejna ma tiġi qatt imnaqqra u tmur lura.

 

 

7.4.13

Il-poplu Huwa Sovran.




1.Il-bieraħ kienet l-ewwel seduta parlamentari ta’ din il-leġislatura.  Bdejna t-triq tagħna naħdmu fil-Kamra bħala partit li jrid jaqdi dmiru mill-Oppożizzjoni.  Kienet il-volontà tal-poplu kif espressa fl-aħħar Elezzjoni Ġenerali li ddeċidiet x’sehem għandna nagħtu.  Nagħrfu li ebda partit ma għandu xi dritt jippretendi: l-ewwel, li jiġi neċessarjament elett f’din l-istituzzjoni, u t-tieni li jkun dejjem fil-Gvern bir-responsabbiltà tat-tmexxija tal-pajjiż.  Għalhekk huwa privileġġ li partit ikollu membri eletti sabiex jirrappreżentaw lill-elettorat.

2. Fejn, kif u f’liema pożizzjoni, dak jiġi deċiż fil-kaxxa tal-vot.  Il-poplu sovran iddeċieda li aħna nservu fl-Oppożizzjoni.  Għalhekk għandna dmir inkunu Oppożizzjoni ċara u mingħajr logħob.  Diretta fl-iskrutinju u fis-sehem li aħna għandna nagħtu biex nassiguraw li ma jkunx hemm abbużi, nuqqasijiet, esaġerazzjonijiet u arroganzi.  Nassiguraw li l-Gvern jobdi l-liġi u jifhem li għandu jirrispettana f’din il-linja.  Ebda demokrazija ma hija sħiħa jekk kemm-il darba ma jkunx hemm Oppożizzjoni.  Irridu nifhmu dmirna llum u nagħmlu ħilitna biex inservu f’din it-triq u direzzjoni.

3.   Kienu x’kienu r-raġunijiet li wasslu biex il-Partit Laburista jingħata dan il-mandat b’din il-maġġoranza, hemm qiegħed.  Jista’ jkun li kien hemm min ried sempliċement jipprova l-ġdid.  Hemm oħrajn li kellhom ir-raġunijiet varji tagħhom.  Bħal ma jista’ jkun hemm ukoll min ried espressament li mmorru lura fl-Oppożizzjoni biex nerġgħu norganizzaw ruħna mill-ġdid.  Diffiċli tagħmel l-analiżi bil-preċiż u tgħid dawn kienu votanti ġodda, jew mal-Partit Nazzjonalista jew dawk li ma jħaddnux partit.  L-effett huwa dak li aħna għandna dmir li nibnu ġabra ġdida ta’ persuni li jħarsu biex jaħdmu minn din l-Oppożizzjoni.

4.  L-aġenda tagħna trid tkun dik li nobdu l-elettorat tagħna.  Dak li riedna li nkunu Oppożizzjoni.  Il-Gvern għandu r-responsabbiltajiet tiegħu u aħna għandna tagħna.  Ma jistgħux jitħalltu għax inkella toħroġ ħidma żbaljata.  Il-koperazzjoni fil-ħsieb, fl-ideat, fil-proposti ġodda u differenti mhux sejrin jonqsu min-naħa tagħna.  Biss, altru membru maħtur biex ikun ma’ partit fil-Gvern u altru fl-Oppożizzjoni.  Diġà għandna taħwid kreattiv ħafna bejn il-membri tal-Gvern, uħud Ministri u oħrajn Segretarji Parlamentari u diversi oħra konsulenti appuntati jew semi-appuntati jew awto-appuntati.  Ma hemmx bżonn ta’ iktar.  Forsi jista’ jkun aħjar jekk il-Prim Ministru jikkonċentra biex iġib ordni intern aktar milli jkompli jidher li qed iqassam.

5.  Is-sehem tagħna, il-poplu jista’ jserraħ moħħu li sejrin nagħtuh.  Id-domandi parlamentari ser isiru u l-iskrutinju ta’ ħidmet il-Gvern diġà beda jsir.  Anke jekk qegħdin f’fażi ta’ tranżizzjoni fejn qegħdin nagħżlu min ser ikun il-Kap il-ġdid, dan ma jfissirx li sejrin nieqfu nistennew, imma ser naħdmu b’attenzjoni u b’għaqal.  Il-pożizzjonijiet tagħna huma mmexxija mill-prudenza u mid-determinazzjoni.  Il-pajjiż m’għandux jiġi f’sitwazzjoni fejn m’għandux Oppożizzjoni tal-affari tagħna u f’postha.  Il-poplu kien, għadu u jibqa’ sovran.  Deċiżi li nħalluh hekk u nirrispettaw fis-sħiħ id-deċiżjonijiet tiegħu.

KWISTJONI TA' DINJITA

1. Bħalissa l-aġenda tad-dinja hija mimlija b’tip, metodu ta’ politika barranija li m’aħniex imdorrijin biha. Konfrontattiva flok ibba...