
2.
Hemm sejħa kbira minn fost il-membri
tal-partit sabiex nimxu ‘l quddiem b’għaqal u mhux b’għaġġla. Li nħarsu ‘l quddiem biex nibnu sewwa fuq
il-valuri demokratiċi nsara tagħna.
Diversi ħassew li, hu min hu li sejjer jiġi nkurunat kap, irid iżomm
lilu nnifsu ankrat mal-fatt li aħna partit demokristjan. M’aħniex bnedmin li għandna għamad fuqna li
ma nifhmux u ma nirraġunawx, imma li għażilna fil-libertà assoluta tagħna li
nimmilitaw f’partit għax għandu prinċipju.
Ħafna telqu ħajja differenti biex jiddedikaw l-enerġija u l-isforzi
tagħhom biex iwettqu s-sewwa permezz tal-partit politiku. Hemm għażla ċara.
3.
Jekk ma nkunux kapaċi nidentifikaw
lilna nfusna, ħaddieħor sejjer iċekkinna.
Jekk aħna m’aħniex kapaċi ngħarfu li, mingħajr dak li aħna, sejrin
naqbdu triq fid-deżert. Waħda li ż-żmien
jgħidilna meta noħorġu minnu.
L-elettorat tagħna jfittex is-sustanza, ifittex il-verità u min jidħaq
bih darba ma jkunx lest li jerġa’ jafdah.
Hemm ħafna studji fuq il-perċezzjoni, fuq l-illużjoni li tista’ tuża
biex tidħak bil-poplu. Biss dawn,
fl-aħħar tal-ġurnata, jsarrfu f’reazzjonijiet varji u kontro-indikattivi. Il-pajjiż irid dejjem iktar verità u inqas
purċinellati, pożi jew daħk fil-wiċċ.
Jekk aħna m’aħniex kapaċi nkunu dak li aħna, allura għandna problema
aħna stess u l-elettorat tagħna.
4.
Ngħid iktar dan għax għalkemm
għaddew kważi xahrejn mill-elezzjoni ġenerali, il-Partit Laburista diġà qiegħed
jitlef mill-kunsens li ħadem għalih.
L-għażliet li qed isiru f’bordijiet varji m’humiex jinżlu tajjeb ma’
diversi. Anzi, saru s-suġġett taz-zekzik
u l-għidut ta’ kuljum. Għax ma’ kull
ġurnata nibdewha b’min issa laħaq hemm u min laħaq hawn u iktar ta’ min irid
jilħaq ‘l hemm u ‘l hawn. Tisma’ stejjer
varji ta’ min ried ħaġa u ħa oħra, u min baqa’ b’xiber imnieħer. Hemm ġirja interessanti li minnha l-pajjiż
qed jifforma l-opinjoni li semgħu diska fl-elezzjoni ġenerali li ma qalitx
il-verità.
5.
Il-Partit Nazzjonalista tilef
l-elezzjoni ġenerali u għalkemm hemm min qiegħed jara ħafna dlam, fir-realtà
dan m’huwiex minnu. Diversi imma
għandhom il-ħeġġa u d-determinazzjoni biex nimxu ‘l quddiem. Mhux l-ewwel darba li konna fl-Oppożizzjoni,
anzi għandna l-konfort li l-aħħar darba li konna hemm domna biss ftit
xhur. Ħafna persuni lesti jagħtu
l-impenn tagħhom magħna sabiex nerġgħu nibnu programm ta’ ħidma biex, l-ewwel,
nissudaw l-oppożizzjoni parlamentari; u t-tieni, nsarrfu lilna nfusna fi
strumenti ta’ bidla għall-aħjar fil-ħajja soċjo-ekonomika ta’ pajjiżna. Jilħaq min jilħaq kap tal-partit, m’għandix
dubju li ser jagħraf dan. Ser jagħraf li
l-politika li rebħet kienet dik li bbażat ruħha fuq il-verità u mhux fuq
l-illużjoni. Fuq dik li twettaq il-ġid
lill-bniedem u mhux li ċċekknu.
No comments:
Post a Comment