28.5.13

Oppożizzjoni soda


 
1.         Għandna d-dmir, bħala membri parlamentari fuq il-bank tal-Oppożizzjoni, li nkunu b’saħħitna.  Li nkunu nafu li aħna parti minn partit li għandu prinċipji, li ngħarfu li rridu nżommu sod magħna nfusna u mal-ħidma li l-pajjiż jippretendi minna.  M’hemmx dubju li, wara snin fil-Gvern, kien hemm xi mument meta l-Partit Nazzjonalista kellu ma jibqax bis-salib tal-poter fuqu.  Dan jista’ jkun iebes għal diversi, però fih ukoll il-vantaġġi tiegħu.  Bħala bnedmin li nħarsu li nkunu rilevanti u għodda għall-bidla t-tajba, allura ngħarfu li rridu nkunu preparati li naħdmu u nistinkaw minn fejn inkunu qegħdin.  Għandna issa l-ħin li ngħarfu sewwa dak li wettaqna, dak li aħna u nibdew it-triq lejn fejn irridu mmorru.

 

2.         Għalkemm ix-xenarju politiku, għal min jgħarfu, huwa diġà kkargat iżżejjed b’wisq politika, b’arroganza ġdida fuq naħa u b’fissazzjonijiet ta’ partiġjaniżmu fuq l-oħra, xorta ma nistgħux niġru.  Huwa minnu li, maġġoranza bħal din, ebda partit politiku ma kellu.  Huwa naturali li min għandu din warajh iħoss li ħadd ma jista’, u la jmerih u wisq anqas li jgħelbu.  U, sa ċertu punt, għandu raġun.  Ikun żball li naħsbu li f’daqqa waħda, min ivvota mod wara li ħasibha sew, issa ser idawwar it-triq ħabta u sabta.  Min diġà qiegħed joħlom, ikun aħjar għalih jekk iżomm saqajh mal-art għax jekk dan il-Gvern diġà biddel lil kull persuna f’xi post ta’ rilevanza proprju biex ikunu “tiegħu” u kemm jista’ jkun viċin il-partit, nistgħu nimmaġinaw x’inhuwa ġej għalina fix-xhur li ġejjin.

 

3.         Għalhekk, l-ewwel u qabel kollox, irridu nkunu Oppożizzjoni qawwija, soda u waħda li tifhem dak li hu għaddej.  Tifhem u, fl-istess ħin, tidħol iktar f’qoxritha tirrifletti fuq dak li mar mar, mhux proprju f’postu, fl-amministrazzjoni tagħha.  Għalija, l-formazzjoni politika tagħna għandha tingħata prijorità.  Għarfien tal-fatt li aħna partit demokristjan fiċ-ċentru tal-politika.  Kien ċar li, fl-aħħar leġislatura, kien hemm min telaq u mar wisq fuq il-lemin.  Il-valuri tagħna ma ġewx imħaddma u, anzi, xi wħud abbandunawhom.  Uħud daħħlu lilhom infushom fil-ħsieb li hemm xi debbulizza li tkun nisrani fil-politika u ppruvaw ikunu bil-kontra, bla kejl veru tal-qalb tal-bniedem u ta’dak li l-politika hija verament.  Għodda għas-servizz tal-pajjiż u mhux għall-vanaglorja jew għar-rinkarnazzjoni ta’ xi mexxej suppost “glorjuż”.

 

4.         M’għandniex minn x’hiex nistħu.  Għandna dokument tal-Fehmiet Bażiċi li jagħmlilna ħafna ġiet u li huwa kalamita għal ħafna fl-elettorat nazzjonali.  Irridu nidħlu iktar fil-fond biex nanalizzaw il-pożizzjoni li sarrfet f’suċċess elettorali, wieħed wara l-ieħor.  Irbaħna wkoll diversi appuntamenti elettorali għax konna l-partit fejn l-ekonomija kienet għas-servizz tal-bniedem.  Konna dawk li naraw direttament x’inhuma s-sinjali taż-żminijiet u naħdmu ‘l quddiem.  Biddilna ħafna, u forsi anke aħna stess ma fhimniex sewwasew x’kien qiegħed ikun l-effett ta’ dan it-tibdil fis-soċjetà.  Għamilna sew li biddilna, li rriformajna u li stinkajna.  Uħud minna ssagrifikaw ħajjithom, il-familja u l-karriera tagħhom u dan iġib miegħu progress li mhux neċessarjament jintgħaraf, anke minn min ikun qiegħed iwettqu.

 

5.         Għalhekk huwa tajjeb li, issa li qegħdin fl-Oppożizzjoni, naraw u nifhmu kemm jista’ jkun sewwa direttament u billi niddiskutu aħna barra u ġewwa biex nirreġistraw l-effetti ta’ ħidmietna.  Mhux biss dan, imma dan il-Gvern daqt ser jibda jimxi u hawn irridu naraw x’effett id-deċiżjonijiet li ser jieħu ser ikollhom fuq is-soċjetà u dak li għamilna.  Hemm bżonn li nibdew nieħdu kejl sabiex ikollna l-passi neċessarji lejn programm ta’ ħidma tal-partit.  Inkunu fejn inkunu, għandna nkunu ċari f’dak li rridu u ninsistu għalih, anke jekk qegħdin fl-Oppożizzjoni.  Ir-rispett li l-poplu jirriserva lejna jiġi proprju minn kemm aħna kapaċi nsarrfu dan b’attenzjoni.

 

6.         F’din l-Elezzjoni Ġenerali l-poplu għażel li jafda partit, avolja ma kienx jaf x’sewwasew sejjer iwettaq.  Ngħdin li din l-okkażjoni ma terġax tirrepeti ruħha.  Il-pajjiż irid ikun jaf, bil-preċiż, iktar u iktar meta minn dak li qe dnaraw ser ikollna l-possibiltà ta’ ekonomija li ma tibqax proprju fil-pożizzjonijiet li għandha.  Irridu nifhmu li, għalkemm għal uħud kienet mossa politika tajba li ma tgħidx x’ser twettaq, fir-realtà kienet debbulizza.  Il-poplu ried ikun u jibqa’ jrid ikun ċert f’dak li sejjer jidħol għalih.  Ngħid iktar u iktar wara li jibda jduq lil dan il-Gvern.  Għal dan, il-partit diġà qabad toroq ta’ analiżi tajba.  Il-Kumitat Parlamentari li jħares lejn il-parti ta’ isfel tal-pajjiż naħseb li huwa wieħed minnhom.  Għandu jservi ta’ forum ta’ diskussjoni, preparazzjoni aqwa u direzzjoni.

 

7.         Aħna stess nidħlu fix-xenarju politiku attwali mhux bħala partit bla programm.  Għandna diġà wieħed u anzi għandna snin ta’ esperjenza li m’għandhiex tintilef.  Ma nippruvawx nivvintaw ir-rota, imma nissudaw dak li għandna.  Il-politiċi li kellna, il-persuni li servew b’sagrifiċċji kbar għalihom u għall-familji tagħhom huma minjiera tad-deheb għalina li qegħdin fil-politika llum.  Hemm bżonn nagħtu ġieħ u nirrispettaw l-intelliġenza tagħhom.  M’aħniex partit li qed jitlaq b’kap ġdid wara ħames snin fl-Oppożizzjoni, imma mill-ewwel.  Irridu nduru għar-riżorsi li għandna u nħaddmuhom.  Irridu nsostnu r-reputazzjoni t-tajba tagħna mal-poplu billi naħdmu għas-sewwa bl-istrument tal-valuri demokratiċi nsara tagħna.  M’hemmx bżonn ġiri bla sens, imma riflessjoni tajba.  Għax għandna dmir nassiguraw ħidma tajba – waħda li fiha nkunu Oppożizzjoni soda.

 

 

 

No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...