10.5.13

Diskors Fl-Abbozz ta Ligi numru 4 Emendi ghall-Kodici Kriminali.



Sur President, is-suġġett tal-lum fuq dan l-Abbozz ta’ Liġi li huwa wieħed interessanti u kien topiku ħafna u jkun topiku ħafna matul il-kampanji elettorali.  Naħseb li indipendnetement minn din il-liġi, huwa tajjeb li wieħed joqgħod ftit lura u jagħmel ftit riflessjonijiet fuq l-illegalità, fuq l-aġir ta’ korruzzjoni, fuq kif wieħed jista’ bħala leġiżlatur jiffaċċja dan il-fenomenu fis-soċjetà, huwa fenomenu li jibqa’ fis-soċjetà però huwa fenomenu li wieħed irid dejjem jaħseb biex joħloq miżuri li permezz tagħhom jikkumbatti verament din l-illegalità, jikkumbattiha f’kull parti tagħha.  Ħafna drabi l-korruzzjoni hija dejjem meħuda f’xenarju wieħed, xi ħadd li jagħti xi ħaġa lil ħadieħor, is-soltu l-immaġini popolari hija xi envelope li tingħata lill-ħaddieħor biex xi ħadd jagħmel xi ħaġa li hija illegali.  Fir-realtà, il-parti l-kbira ta’ reati kriminali fil-kodiċi jiġbdu ferm iktar minn dan. 

Mizuri li Jharsu fit-tul u fis-sod.

Għandek dejjem bżonn li meta inti leġiżlatur tħares biex tattakka miżuri li jassiguraw mhux biss dak li huwa perċepit tradizzjonalment f’ras in-nies, imma anke li jibni qafas tajjeb sabiex jattakka l-ekonomija s-sewda, jattakka l-ekonomija li hija bbażata u maħduma fuq id-droga, fuq il-prostituzzjoni, fuq il-ħasil ta’ flus li jiġu minn transazzjonijiet li huma maħmuġa, li huma immorali jew li m’għandhomx ikunu. 

Hemm diga numru ta ghodda biex tikkumbatti l-korruzzjoni.

Għalhekk, min irid iwettaq passi effettivi u għaqlin, jaf li qed jidħol f’xenarju legali fejn diġà hemm numru kbir ta’ strumenti u mekkaniżmi sabiex jikkumbattu l-korruzzjoni u l-illegalità.  Illum, il-liġijiet tagħna huma miżgħuda b’mekkaniżmi, b’sitwazzjonijiet magħmula apposta sabiex jikkumbattu l-illegalità u l-korruzzjoni.  L-ewwel ħaġa li wieħed irid joqgħod attent huwa li ma jagħmilx liġijiet li minflok jissodaw s-settur, jixħet lura s-settur.  Jidħol b’intenzjonijiet tajbin però fl-aħħar tal-ġurnata jsib li, fit-tħaddim ta’ kuljum, dawk il-mekkaniżmi li daħħal mhumiex qegħdin jipproduċu r-riżultati li jrid, anzi minflok qegħdin jiftħu bieb għal ħaddieħor biex ikompli jagħmel aġir ta’ illegalità għax jaf li nħoloq paraventu, inħolqot toqba legali li permezz tagħha jista’ jiskappa, jaħrab minn dak li kkommetta bħala illegali. 

Saru Diga Diversi Emendi.

Illum, għalkemm din il-liġi tresqet hawnhekk ħelu ħelu b’ftit artikli qisha nieżla mis-sema, is-sitwazzjoni legali tagħna hija verament mimlija b’affarijiet li jikkumbattu l-korruzzjoni.  Jekk wieħed iħares lejn il-Kodiċi Kriminali, isib li tul dawn is-snin saru diversi emendi sabiex morna mill-aġir ta’ atti ta’ korruzzjoni pubblika għall-aġir ta’ atti ta’ korruzzjoni fis-settur privat.  Għamilna l-Kummissjoni Permanenti kontra l-Korruzzjoni.  Din il-Kummissjoni Permanenti kontra l-Korruzzjoni, sfortunatament, ġiet imċekna, ġiet attakkata, ġiet imqiegħda f’sitwazzjoni kerha meta din il-liġi għandha diversi mekkaniżmi li huma tajbin, fosthom, l-artiklu 19 li ħafna drabi niskanta ma’ diversi nies jinsewh kompletament.  Artiklu 19 huwa artiklu li jippermetti l-Avukat Ġenerali waħdu, di sua sponte, jew inkella meta l-Kummissjoni Permanenti kontra l-Korruzzjoi tagħmilu talba, joħroġ dak li nsejħu il-King’s pardon.  Dak huwa mekkaniżmu legali tajjeb li daħħalna fis-sistema ġuridika tagħna  li permezz tagħha tippermetti lil min qed jinvestiga, lil min qed jara l-affarijiet li juża l-mekkaniżmi legali biex ikun jista’ jottjeni xhieda ta’ persuni involuti f’aġir ta’ illegalità, ta’ korruzzjoni biex isiru xhieda tal-istat u allura jinqabad dak li jissejjaħ komunement l-ħuta l-kbira. 

Whistle Blower Act Mizinterpretata.

Sfortunatament, fil-logħob politiku ta’ bejnietna ġejna li daħħalna xi forma ta’ mentalità li fil-Whistle Blower Act għandu jidħol xi forma ta’ mekkaniżmu li permezz tiegħu xi ħadd li huwa involut f’xi att ta’ korruzzjoni, jekk jitlaq jiġri u jkun iktar veloċi mill-ieħor lejn l-għassa tal-pulizija biex jirrapporta lill-ieħor, allrua hu jiġi eżonerat.  Mela, tajjeb, l-ewwel inħajrek biex indaħlek għal-att ta’ korruzzjoni, imbagħad għax nitlaq niġri l-għassa u nikxef lill-ieħor allura jiena sirt il-whistle blower u f’daqqa waħda sirt il-persuna protetta u allura l-liġi ma tista’ tagħmilli xejn.  Fl-opinjoni tiegħi, id-diskussjoni politika li kellna tul dawn l-aħħar sentejn, għamlet ħafna ħsara u ħawdet ħafna mħuħ.  Nara diversi nies jitkellmu fil-pubbliku fuq il-Whistle Blower Act mingħajr ma jafu x’inhi sewwa sew il-Whistle Blower Act.  Jekk xi ħadd jieħu l-briga li jaqra l-liġi, jifhem x’inhu dak il-kunċett, imbagħad jaqra l-Att dwar il-Kummissjoni Permanenti kontra l-Korruzzjoni.  Hawnhekk hawn punt importanti li jrid isir.  Huwa iktar importanti li tissoda lil min jinvestiga, li tissoda u tagħti għodda amministrattivi, għodda legali li permezz tagħhom jista’ jippermettilu li jasal biex jidentifika atti ta’ korruzzjoni malajr minn kwalunkwe ħaġa oħra. 

Għamilna wkoll l-Uffiċċju għal Awditur Ġenerali li kontinwament jagħmel rapporti fuq diversi setturi.  L-Uffiċċju tal-Ombudsman.  Għamilna mekkaniżmi interni anke fil-Parlament.  Hawnhekk għandna l-kumitat ta’ skrutinju pubbliku għad-diversi setturi li għandna.  Hemm mekkaniżmi amministrattivi.  Illum, għandek uffiċċju apposta fi ħdan l-Uffiċċju tal-Permanent Secretary li permezz tiegħu jara dak kollu li mhuwiex jaħdem tajjeb jew atti li ma jaħdmux.  Illum, qegħdin naħdmu u qed tidħol din il-liġi f’xenarju li, f’ċertu sens, diġà huwa kristalizzat u sod.  L-importanti għal leġislatur huwa li jassigura li dak li se jagħmel ma jkissirx dak li hemm imma jagħti għodda ġdida ma’ dak li kien hemm qabel. 

Rapporti Favorevoli ghall-pajjizna.

Smajt il-kollega tan-naħa l-oħra jitkellem fuq il-perċezzjoni u hija minnha li hawn din il-perċezzjoni però kont nistenna li s-Segretarju Parlamentari jsemmi wkoll rapport li deher, fortunatament, għax isiru ħafna rapporti favur pajjiżna li ma jiġux għad-dawl fil-gazzetti, li sar fl-Unjoni Ewropea fejn ingħad li pajjiżna tqiegħed tajjeb fis-settur tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni.  Fil-fatt, il-ġurnal “The Malta Independent” fil-ħarġa tal-14 ta’ April bdiet artiklu li jgħid hekk:“Despite the popular perception to the contrary, in Malta, an academic paper drawn up for discussion at the European Parliament this week has found that Malta is one of a group of EU member states that are at the lowest risk of curruption where control of corruption has been largely achieved and where occasional corrupt acts can be dealt with successfully.”
Dan ir-rapport ikompli jgħid hekk:  “Moreover, according to the study, Malta is the only new EU member state that has managed to move into the group of the 12 least corrupt EU countries.  The finding jars significantely with the on the ground perception in Malta.  In fact, a recent survey by the Eurobarometer ound that 71% of Maltese felt that corruption was a major problem in the country.”  Altru x’inhi l-verità u altru x’inhi l-perċzzjoni.  Jekk aħna qed nagħmlu din il-liġi sempliċement biex nikkumbattu l-perċezzjoni, wieħed jista’ jifhem, pero’, ir-responsabilità tagħna bħala leġiżlaturi tmur oltre minn hekk.  Irridu nħarsu dejjem lejn il-verità, lejn x’inhi verament dak li qed iseħħ fil-ġurnata ta’ kuljum, fir-realtajiet ta’ kuljum.  Nemmen li għandna nagħmlu miżuri – u għalhekk nappella lill-gvern li għandu joqgħod attent b’dan l-Abbozz ta’ liġi – li jissodaw dan is-setur. 

Ma ghandniex nitmaqdru.

Jekk hemm dan ir-riżultat daqshekk tajjeb u dan ir-riżultat huwa studjat – u kelli l-opportunità li narah li huwa studjat – li juri b’mod ċar li għal kuntrarju ta’ dak li jidher hemm barra, hawn Malta hawn il-miżuri kollha neċessarji biex tikkumbatti l-korruzzjoni u li l-korruzzjoni tiġi kumbattuta.  Nerġa’ nirrepeti, pajjiżna tela’ fil-grupp ta’ 12-il pajjiż li hu l-inqas li huwa espost għal dan it-tip ta’ aġir.  Ladarba dak stabbilit, ladarba stabbilit il-mekkaniżmi legali, stabbilit ir-riżultat ta’ veru għax fil-politika mhux jidher fid-diversi ġurnali u xi tkun l-aġenda politika dik hija ħaġa oħra.  Hawnhekk għandna responsabilità li dak li nagħmlu nagħmluh biex verament nikkumbattu l-korruzzjoni u verament nikkumbattu l-illegalità. 

Aktar attenzjoni .

Għalhekk, kont nistenna ftit iktar attenzjoni f’dan l-Abbozz ta’ Liġi li, bir-rispett kollu lejn il-kollega u ma rridx innaqqas minn ebda mertu, naħseb li għandu jaqbel miegħi li dan l-Abbozz ta’ Liġi qed isir malajr u qed isir mingħajr l-attenzjoni neċessarja għal settur daqshekk delikat.  Min għamilha mal-forzi tal-ordni u min jaf u jidħol fid-diversi affarijiet involuti, jifhem li dan huwa settur mill-iktar delikat u dan l-Abbozz ta’ Liġi għandu x-xamma li qed isir biex inwieġbu malajr għal din il-perċezzjoni jew nidħlu għal mekkaniżmu li permezz tiegħu qed inwieġbu b’aġir ta’ bluff għal dak li verament hemm fir-realtà.  Dan qed ngħidu għax, jekk il-miżuri u l-mekkaniżmi legali ma jsirux sewwa, ma jsirux korretti, minflok taqbad il-korruzzjoni tkun qed toħloq toroq biex ma jinqabdux, tkun int stess bl-intenzjonijeit tajba tiegħekqed tagħti lok biex persuni li uma verament korrotti jiġu jew liberati f’kawżi l-Qorti, jew l-Qorti tinħoloq sitwazzjoni fejn il-kawżi tagħhom jibdew ma jispiċċawx, inkella l-agħar li jispiċċaw li dan il-Parlament jagħmilhom forom ta’ vittmi legali għax id-drittijeit fundamentali tagħhom ġew miċħuda.  Naħseb li ż-żewġ naħat tal-Kamra għandna nirrealizzaw, għandna nkunu għaqlin li ħaġa bħal din ma nagħmluhiex.  Nemmen li hemm volontà tajba, nemmen li l-politiċi fil-maġġoranza assoluta tagħhom huma nies b’intenzjonijiet tajba pero’, rridu nirejalizzaw li f’dan il-pajjiż hemm aġenda ta’ nies li jridu joskurawna u rridu nirrealizzaw li hemm min għandu aġenda li jgħid il-politiċi aħjar nies teknokratiċi, ghax dawn, il-politici ma jifhmux. F’ċertu settur ma jifhmux fl-ekonomija, ħalli f’idejna, mela f’idejn il-
politiċi, il-politiċi warrabhom minn nofs għax huma kollha korrotti. 

Nikkumbattu min jrid jcekken l-politici.

Din il-perċezzjoni li hija l-iktar waħda importanti li nikkumbattuha, imma rridu nikkumbattuha mhux billi nixħtu ġebla fuq saqajna stess billi aħna stess qisna qed niddikjaraw li se nagħmlu xi ħaġa ta’ malajr biex tidher fil-gazzetti front page, għamilniha din, din lesta u kulħadd imur id-dar jaħseb li b’din il-miżura solvejna l-problema.  Ir-realtà mhijiex hekk.  Ir-realtà hija kompletament differenti.  Issa jekk hemm min irid jilludi ruħu, jilludi ruħu, pero’ hawn differenza.  Intom qegħdin fil-Gvern, aħna qegħdin fl-oppożizzjoni, meta jiġru l-ħmerijiet inthom tiġu responsabbli għalihom mhux aħna u tridu toqogħdu attenti li tagħmlu l-affarijiet tajjeb.  Din in-naħa tal-Kamra hija u tibqa’ kontra l-korruzzjoni.  Għalhekk, ħa jiġi dikjarat minn issa li miżuri effikaċi, miżuri ta’ vera, ser isibuna magħkom; se nkunu warajkom u se nassistukom fuqhom, imma mhux li nagħmlu miżuri tal-bluff u tal-għaġla bla sens. 

Sinjali Evidenti ta Ghaggla.

Bir-rispett kollu, nappella, jien nifhem, jien kont segretarju parlamentari bħall-Onor. Owen Bonnici, imbagħad kont ministru bħall-Onor. Manuel Mallia.  Naf il-pressures li jsiru fuq il-Ministeru tal-Gustizzja biex jieħu ħsieb jibda jtella’ l-liġijiet.  Għax fuq il-ministeru tiegħek tiddependi l-aġenda parlamentari.  Fl-aħħar tal-ġurnata, fi sħabek, se ssib li inti għandek il-piż prinċipali għad-diversi liġijiet li jridu jsiru.  Allura hawn ngħid, u aħfirli, l-qattusa għaġġelija friegħ għomja ħa tagħmel.  Hawn, f’dan l-Abbozz ta’ Liġi qed nara jien sinjali evidenti ta’ għaġla u nuqqas ta’ ħsieb veru, biex tolqot verament il-korruzzjoni.  Jien iġġielidt il-korruzzjoni waqt li jien kont Ministru għall-Gustizzja u l-Intern; fid-diversi affarijiet u f’diversi pożizzjonijiet.  Ma nistħix ngħid li tajt sapport lill-forzi tal-ordni fid-diversi ġliediet li huma kienu qed jagħmlu u f’kull livell involut.  Ara ma jmurx xi ħadd jaħseb li l-korruzzjoni hija sempliċement uffiċjal pubbliku!  Hemm ħafna affarijiet li wieħed irid jikkumbatti li aħna kien jirnexxilna nagħmulha b’diversi riżorsi u affarijiet. 

L-Parir tal-Imhallef Emeritu Giovanni Bonello.

Però, jien ninkweta ruħi, u nibda, onestament, li nstaqsi: min kiteb din l-emenda?  Jew lil min il-Gvern seta’ ħa l-parir tiegħu biex jagħmel din l-emenda?  Qed inqajjem dan għax persuna li l-Gvern wera fiduċja fih, u sewwa għamlet, l-Imħallef Emeritu Giovanni Bonello, kiteb artiklu fil-gazzetta li fih ġibed ħafna punti li jikkonċernawna; mhumiex punti li qed isiru għall-pjeċir tal-Imħallef Emeritu Giovanni Bonello biex jikteb u jimla l-ispazju tal-gazzetta The Times.  Nemmen li għandu ferm iktar affarijiet x’jagħmel!  Però, huma affarijiet li jirrikjedu attenzjoni, għax fl-aħħar tal-ġurnata se jkun ingropp.  Jekk diġà ċertu affarijiet qed jiddentifikom mad-daqqa ta ghajn diġà.  Aħna m’għandnix nagħtu kashom hawn ġew?  Jekk verament irridu nikkumbattu l-korruzzjoni; għax jekk ma rridux nikkumbattu l-korruzzjoni, nistgħu nibqgħu għaddejjin u ma nagħmlu xejn!  Però, jekk l-Imħallef Giovanni Bonello u jekk il-Gvern diġà ħa parir jew qed jieħu parir mingħand l-Imħallef Giovanni Bonello fuq affarijiet oħrajn, u sewwa jagħmel, allura fuq din wieħed ma jieħux ukoll il-parir tal-Imħallef Giovanni Bonello?  Jien ninkweta ruħi nara li d-direzzjoni li qed tingħata hija li qisu; iva smajtu, imma ma naqbilx miegħu!  Jien napprezza.  Jien ukoll, bħalek, sibt lili nnifsi f’diffikultajiet kbar.  Meta ġejt biex nillegisla fuq l-ittra uffiċjali eżekuttiva l-irwejjaħ kollha qamu kontra tiegħi, u meta ssudajt iċ-Centru tal-Arbitraġġ, u l-Qorti tal-Familja?  X’ma ffruntajtx!  Kemm kelli nikkumbatti hawn ġew biex jidħlu u bdew jaħdmu dawn il-mekkaniżmi!  Napprezza l-pożizzjoni tiegħek!  Però, oqgħod attent, u ma rridx nidher paternalistiku bl-ebda mod, però, la darba l-Imħallef Giovanni Bonello qiegħed diġà jindika ċertu punti li jimmeritaw attenzjoni, u l-fatt li aħna nitilqu niġru u ma nagħtux kashom, fl-opinjoni tiegħi, hija żballjata!  Għalhekk jien ngħid li m’għandux jitwarrab fil-ġemb!  Dan l-Imħallef fl-artiklu tiegħi jgħid, jagħti sentenza vera ħelwa fuq dan l-abbozz.“For a citizen this may be great news.  For a human rights addict a perplexing one.”

Trapass taz-Zmien.

Ir-realtà hija li fil-każijiet ta’ korruzzjoni mhux se mmorru għall-qorti tal-poplu, se mmorru għall-qorti tan-nies li studjaw il-liġi!  Dawn huma n-nies li se jaraw l-affarijiet.  Naħseb li l-punt li qajjem hu rigward it-trapass taż-zmien, u jagħmilha b’mod ċar.  Bir-rispett kollu, titkellem ma’ kull avukat li b’xi mod qara l-Abbozz ta’ Liġi, l-ewwel reazzjoni tiegħu hija f’din id-direzzjoni u jgħid li:Trying a person for an offence allegedly committed many, many years before, may place a difficult burden on the prosecution and an impossible one on the defence.  With the long passage of time, witnesses die or become untraceable, memory fades, documents are lost. A criminal trial should not be a game played with old counters, some broken, others missing. It is meant to be a battle for truth, fought with state-of-the-art weapons on either side.  Anything else and it’s unsafe for the prosecutor, injurious to the defendant. One of the most fundamental of all human rights is that of a fair trial within a reasonable time.  How fair can a trial be if held scores of years after the commission of the facts?
Jien irrid nagħmel dan il-punt: jien ċert li s-Segtretarju Parlamentari u l-Ministru huma deċiżi fil-ġlieda tagħhom kontra l-korruzzjoni!  Però, noqgħodu attenti li aħna ma niġux b’mod li nagħtu opportunità lil xi ħadd li jiftaħ kawża l-qorti, iqajjem punt kostituzzjonali u jwaħħalilhek hemmhekk!  Jekk saħansittra ma jieħux raġun! 
Retroattivita :Tapplika biss ghall-futur.
L-istess meta jitkellem dwar ir-regola tar-retroattività, li nafu lkoll li fil-kriminal dan ifisser li dak qed tagħmel huwa minn issa ‘l quddiem.  Hija regola fundamentali tagħna li tgħid li l-liġijiet m’għandhomx effett għall-passat.  Inti, dak li qed tintroduċi llum, mhux se jolqot dak li kien hemm qabel; se jolqot bil-quddiem!  Sakemm xi ħadd ma jippruvax idaħħalha, imbagħad ħaddieħor ikollu d-dritt legali cries out to heaven li jgħid li din taħt retroattività.  Hemm xi qorti, hemm xi parir li ingħata li l-preskrizzjoni hija ta’ mekkaniżmu ta’ proċedura u mhux mekkaniżmu ta’ sustanza?  Għax jekk hemm hekk, allura nbaxxi rasi, ngħid li għandu tort l-Imħallef Giovanni Bonello.  Però, dawn huma punti li bħala avukati għandna narawhom, għandna naqblu fuqhom!  Dejjem jekk inthom tridu tiġġieldu l-korruzzjoni!  Jien dejjem iġġielidt l-korruzzjoni, fil-ħajja tiegħi kollha, kkumbattejt kontra tagħha u kelli l-unur nikkumbatti għall-pajjiżi meta jien kont segretarju parlamentari u ministru.    M’għandix minn xiex nistħi!  Għamiltu u għamiltu b’dinjità!  Allura, jien nieħu pjeċir meta jkun hemm ħaddieħor, li mhux qiegħed jiċċaqlaq, jivvibra, imma qiegħed iżomm sod, u jrid iżomm sod biex jikkumbatti tagħha din il-ħaġa.
Diskriminazzjoni.
Għandek ukoll il-punt tad-diskriminazzjoni.  Il-punt tad-diskriminazzjoni huwa iktar iktar sottili, għax inti qiegħed taqbad numru ta’ nies, politiċi, nies eletti, kunsilliera, eċċ, u tgħid li ghal dawn biss il-preskrizzjoni tiddekorix.  Għandek issa l-kwestjoni tad-diskriminazzjoni kif żviluppat fil-Qorti Ewropea, li qabel kienet riedet tiġi marbuta taħt  artikolu iehor  illum le.  Mhux biss, għandek il-mod ta’ kif miktub l-Att 4 tal-1987, jitkellem fit-text Malti fuq kwalunkwe forma ta’ diskriminazzjoni; jiftaħ beraħ il-bieb biex ikun ċert, għax dak kien il-ħsieb li kien sar l-1987, u għalhekk jien għidt fil-bidu biex ma nipprovawx narmu d-diversi liġijiet li saru bis-serjetà minn Gvern Nazzjonalista tul dawn l-aħħar 25 sena u minflok naghtu x’jifhem li n-Nazzjonalisti kienu kollha korrotti u ma għamlu xejn biex jikkumbattu l-korruzzjoni!    Jien, bir-rispett kollu, jekk kellna każ reċentissimu – jien niddejjaq insemmi lil dawn, ħa nitkellem biss – chairman ta’ korporazzjoni, ghalfejn allura qed teskluduh!  Għadu kif kellna każ issa, preżenti  ...  Iva, sub judice, u ma rridx nidħol fiha, mhux qed nidħol fil-każ!  Però, Onor. Ministru, jekk kemm-il darba inti diġà kellek każ, allura teskludihom?  Jekk inti vera trid tagħmel mekkaniżmu tajjeb għall-futur u li vera ħa jolqot il-korruzzjoni.  Għalhekk jien appellajtlek: altru l-bluff u altru l-verità!  Għall-bluff tista’ tidher u tidher li qed tikkumbatti, mhux il-korruzzjoni, u tidher li inti tycoon, però, imbagħad fl-aħħar tal-ġurnata, meta tiġi għas-si u għan-no, għandek kwestjonijiet oħra!  Hemm, mhux biss l-immaġini tagħkom bħala Partit Laburista jien inħares, jien inħares lejn l-immaġini tal-pajjiż kollu! 
Il-Ligi Diga hija Tajba.

Jien, irrid niġbidlek l-attenzjoni lejn iktar punti Onor. Ministru.  X’inhija s-sitwazzjoni illum, qabel ma jidħlu dawn l-emendi?  Inti għandek diġà artikolu fil-Kodiċi Kriminali li huwa l-Artiklu 692 jgħid:
“Iż-żmien tal-preskrizzjoni għad-delitti ma jibdiex jimxi meta l-ħati ma jkunx magħruf.”
Jiġifieri, hawn artiklu, li diga huwa miktub fil-ligi taghna illum.  Jiġifieri jekk xi ħadd ikkommetta delitt ta’ korruzzjoni fl-1990 – għall-argument – u l-pulizija saru jafu bih illum, iż-żmien ta’ preskrizzjoni ħa jibda jiddekorri llum!  Il-liġi hija diga cara illum.
Mela jekk il-pulizija jkunu jafu li xi ħadd wettaq delitt u ma jipproċedux hemm jibda jiddekorri l-preskrizzjoni.  Jiġifieri inti kont taf, inti kont taf li xyz għamel id-delitt però ma ħadx passi kontra tiegħu.  Hemm iva  ...  Kif inhija s-sistema illum!  Il-liġi illum, il-liġi tagħna hekk hi!  Issa aħna għandna diġà artiklu tal-liġi, li imbagħad skont l-emenda li ġiet preżentata hija emenda li fiha qed tgħid li l-affarijiet kollha tal-preskrizzjoni ma jgħoddux, inkluż xi ħaġa li pajjiżna għamel pass importanti li jgħid li s-sentenzi fil-Qorti Kriminali ma jistghux jiġu preskritti, mentri b’din l-emenda li qed taqilgħu barra kompletament it-titolu tal-preskrizzjoni, qed terġgħu ddaħħluha lura!  Mela jien jekk bdejt biex għidt li ġrejt  (Interruzzjonijiet)  ħa ngħidlek Onor. Ministru  (Interruzzjoni)  hux m’għandux x’jaqsam, qiegħed hemm fil-Kodiċi Kriminali!  Issa jekk trid araha, jekk trid tagħtix kasha!  Jien nagħmel il-parti tiegħi, nagħmilha b’onestà, kif jien inħoss li hija ħaġa tajba, imbagħad araw intom.

Hidmietna mal-GRECO.

Semma wkoll il-kwestjoni tal-GRECO l-ħabib tiegħi l-Onor. Bonnici.  Ta l-impressjoni li qisu l-GRECO, ir-rakkmandazzjonijiet konna ninjorawhom.  Xejn ma kien minnu!  Ħa ngħidlek, l-artikoli li inti ġibt hawn f’dan l-Abbozz ta’ Liġi huwa l-istess artikli li hemm fl-Abbozz ta’ Liġi 97 li jien kont preżentajt fil-leġislatura l-oħra.  Anzi, f’dak l-Abbozz ta’ Liġi, jekk taqbadha, kważi kelma b’kelma, l-istess emendi li jien għamilt fl-Abbozz ta’ Liġi 97 qegħdin hemmhekk elenkati waħda wara l-oħra!  Anzi, għandek artikolu partikari li nappellalek biex fi stadju ta’ kumitat terġa’ ddaħħlu lura, li huwa emenda għall-Artiklu 120 tal-Kodiċi fejn jissoda iktar fuq il-rakkmandazzjonijiet tal-GRECO, is-sitwazzjoni tal-arbitri kif ukoll is-sitwazzjoni tal-ġurati.  Dan l-Artiklu ma nafx għala tħalla barra!  Forsi, fir-replika l-Onor. Segretarju Parlamentari jkun jista’ jwieġibna.  Però, il-GRECO u diversi liġijiet oħrajn li għamilna qabel hawnhekk, għax jien kont intrabat bħala Ministru li kull sena nippreżenta Abbozz ta’ Liġi li jattakka l-kriminalità u f’dawk l-abbozz ta’ liġijiet għandek issib li ma kienetx l-ewwel darba li saru diversi emendi li permezz tagħhom konna qegħdin jieħdu r-rakkmandazzjonijiet tal-GRECO.  Allura, dak li daħħal hawnhekk, fl-emendi, jiġifieri għall-artikoli li huma marbuta mal-korruzzjoni fil-privat, jiġifieri l-117 u l-qbija, huma kollha artikoli li aħna konna diġà daħħalna bl-istess żieda fil-pieni.

Danni Civili.

Issa, ttellet emenda interessanti ħafna, l-emenda tal-Kodiċi Ċivili, l-emenda 1051A.  Issa, ġo dan l-Artiklu diġà hemm fis-subartiklu 6 diġà hemm mekkaniżmu interessanti li kien imdaħħal mill-preċedessur tiegħi, Tonio Borg, li kienet u għada tgħid hekk: “Kull azzjoni għall-irkupru ta’ danni taħt dan l-artiklu għandha tinġib qabel ma jiskadu tlett snin mid-data minn qabel ikun qed jitlob id-danni, jkun sar jaf jew imissu raġjonevolment ikun sar jaf li tkun ġrat il-ħsara jew li jkun sar att ta’ korruzzjoni u min tkun il-persuna responsabbli għaldaqstant jew qabel ma jiskadu għaxar snin mid-data tal-att tal-korruzzjoni, skont liema jiġi l-ewwel u ma tistax tinġieb ebda azzjoni wara li tiskadi dak iż-żmien.”
Hawn diġà dispożizzjoni tal-liġi li titkellem fuqha.  Naħseb li hija dispożizzjoni tal-liġi li tagħmel sens.  Però, fis-subartiklu li inthom qed iddaħħlu qegħdin tillimitawha biss għal dawk li huma:
“Prescription may not be setup against the Government or against a local council or against a body corporate established buy law in an action to recover damages under this article based on an act of corruption committed by the defendant through the abuse of his office whilst holding the office of ministry of parlament.”

Preskrizzjoni Akwizittiva.

Hawn punt ieħor li qed inqajjmu issa għax nittama li fi stadju ta’ kumitat nidħlu għalih, li huwa ma’ artiklu 2154 tal-Kodiċi.  L-ewwel ħaġa dan jgħid xi ħaġa li aħna nafu biha, li meta inti għandek azzjoni li minnha għandek azzjoni ċivili u azzjoni kriminali, allura ż-żmien tal-preskrizzjoni huwa itwal għax huwa dak tal-Kodiċi Kiriminali.  Però imbagħad hemm subartikolu li jitkellem, u dan abbażi ta’ dak l-insenjament tad-dritt Ruman, li kull min jisraq ħaġa jew isir possessur tagħha bil-mezz ta’ reat ta’ frodi jew xjentement jirċievi dik il-ħaġa meta jaf li kienet misruqa jew akkwistata bi frodi, ma jista’ jippreskriviha qatt, jgħaddi kemm jgħaddi żmien.  Issa, hawn għandek sitwazzjonijiet varji, għax inti tista’ bl-għaġir ta’ korruzzjoni tikkawża dannu, imma tista’ ma tikkaġunax id-dannu.  Inti hawnhekk qed tillimita d-dannu mhux bħala titolu inġenerali lis-soċjetà shiha

Jista’ jkollok sitwazzjoni ta’ nies li ħadu oġġetti jew ġew fil-pussess tagħhom oġġetti bl-atti ta’ korruzzjoni li fuqhom iddekorra ż-żmien tal-preskrizzjoni.  Naħseb li hija ħaġa tajba li wara li tiġi studjata mill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, wara li tarawha issa, li hawnhekk indaħħlu wkoll li min jakkwista oġġetti li ġejjin minn aġir ta’ korruzzjoni allura dak ma jistax jinvoka l-preskrizzjoni akkwiżittiva; għax inti għandek il-preskrizzjoni estintiva u għandek il-preskrizzjoni akkwiżittiva.  Jiġifieri jew preskrizzjoni li żżomm l-Istat milli jagħmilli kawża kriminali jew kawża ċivili, jew inkella l-preskrizzjoni li permezz tagħha aħna nkunu nistgħu nieħdu oġġett. 

Trid iktar hsieb.

Jien għalhekk tkellimt Ministru, forsi f’ċertu mumenti kont passjonali; jiddispjaċini, li din il-liġi, jekk vera rridu nagħmluha liġi li hija tajba u effettiva, trid iktar ħsieb u trid iktar xogħol fiha.  Jien pereżempju, kont qed naħseb li inthom, meta tiġu biha, ġġibu l-emendi għall-Kummissjoni Permanenti Kontra l-Korruzzjoni.  Ħadt pjaċir nisma’ lis-Segretarju Parlamentari, lbieraħ, jgħid li qiegħed jaħdmu fuqhom.  Hemm hekk konna għamilna diġà numru ta’ emendi u kellna wkoll  qbil fuq numru ta’ punti li permezz tagħhom stajna nimxu ‘l quddiem.  Ngħid dan, Segretarju Parlamentari u Ministru għax dik hija l-iktar ħaġa importanti f’din kollha. 

Zieda fl-Ghodda ta Investigazzjoni.

Il-ġlieda kontra l-korruzzjoni hija importanti billi tkompli żżid l-mekkaniżmi ta’ investigazzjoni, mekkaniżmi li permezz tagħhom inti tista’ tidħol mhux biss f’delitti tas-settur pubbliku imma anke f’dawk tal-privat.  Id-delitti li aħna ngħidulhom delitti li ġejjin fil-kumpaniji privati hemm bżonn li l-Kummissjoni Permanenti Kontra l-Korruzzjoni tidħol.  Bir-rispett kollu, ħa niddefendi ftit lill-Kummissjoni Permanenti Kontra l-Korruzzjoni.  Sarilha l-attakk hawnhekk diversi drabi smajtha, li ma sabet ‘l ħadd.  Bir-rispett kollu, l-ewwel ħaġa meta jkun hemm każijiet flagranti ta’ korruzzjoni, n-nies, l-ewwel ħaġa li jagħmlu jmorru għand il-pulizija, imorru direttament għand il-pulizija u l-pulizija mill-ewwel jinvestigaw u jagħmlu x-xogħol tagħhom tajjeb.  Meta ikun hemm każijiet elaborati, iktar diffiċli, imorru għand il-Kummissjoni Permanenti Kontra l-Korruzzjoni, li imbagħad stranament serviet biex nies li kienu qed jiġu attakkati li huma korrotti, setgħu huma di loro sponte imorru huma direttament l-Kummissjoni Permanenti Kontra l-Korruzzjoni biex jinvestigawhom, jgħidulha biex tara huwiex ħati, ara jekk għamiltx għaġir ta’ korruzzjoni. 

Jien nista’ nsemmi diversi każijiet ta’ nies li hawnhekk garajnilhom it-tadam u li kellhom imorru u jgħaddu mid-diffikultà tal-Kummissjoni Permanenti Kontra l-Korruzzjoni, quddiem il-Kummissjoni Permanenti Kontra l-Korruzzjoni jgħaddu l-proċess biex jiġu ngħidu hekk illiberati li huma m’humiex korrotti.  Sfortunatament rajt jien proċessi ta’ nies li l-ewwel jirċievi minn hawn hekk it-tiraturi, imbagħad in-nies li jagħtu t-tiraturi meta jmorru hemmhekk, jgħidu li semgħu barra, x’qalulhom, m’għandhom xejn ċert!  Dawn huma affarijiet li fl-opinjoni tiegħi ma jagħmlu ebda forma ta’ ġid.  Diġà hemm żewġ abbozzi ta’ liġijiet għad-dispożizzjoni tiegħek!  Għandek il-Kummissjoni Permanenti Kontra l-Korruzzjoni u għandek il-Whistleblower Act.  Tellagħhom hawnhekk għad-dibattitu.  Jien, dak huwa l-parir tiegħi. 

Nibdlu iz-zmien tal-Preskrizzjoni ghal delitti ohra.

Jien, ngħid li jekk vera rridu ndaħħlu dan il-kunċett u rridu nagħtu widen anke għal dan, li qed ngħidu li l-unika każ li aħna għandna fis-sistema tagħna hija s-sistema tal-ġenoġidju jew ta’ aġir, ta’ delitti li ġew taħt konvenzjonijiet varji, eċċ, imma imbagħad, hemm barra, hemm min jiġi jgħidlek: isma’, każijiet ta’ omiċidju, każijiet ta’ stupru, każijiet ta’ traffikar ta’ droga, dawn se tħalli t-terminu tal-preskrizzjoni l-istess?  Nistqarr miegħek, li jiena kont bdejt proċess biex nara d-diversi artikoli tal-preskrizzjoni u ngħid li l-artikli tal-preskrizzjoni nistgħu kollha kemm huma nżieduhom.  Però, titlob ħafna xogħol ta’ attenzjoni!  Hemm każijiet fejn it-terminu tal-preskrizzjoni jimmerita li jitlaq.  Mhux se jkun qiegħed fid-dibattitu tagħna hawnhekk, se jkun hemm xi żewġ min nies hemm barra li batew minn din is-sitwazzjoni, xi żewġ vittmi ta’ reat li batew u dawk huma li jintlaqtu.  Imma hemm każijiet fejn il-preskrizzjoni timmerita li titla’ ‘l fuq, però, tinvolvi biċċa xogħol ta’ attenzjoni u delikata.  Jien, il-liġijiet, fejn tiġri, ħa taqa’, fejn tiġri ħa tieħu gambetta, speċjalment fil-kamp penali, fejn għandek kwantità kbira ta’ avukati l-qorti, jagħmlu l-affarijiet tagħhom, jsitudjaw l-affarijiet tagħhom tajjeb, jaraw affarijiet li inti ma tarax.  Hemmhekk wieħed irid joqgħod attent.  Però, mhux biex inżidlek il-homework, però dak huwa l-veru xogħol li hemm bżonn li jsir b’attenzjoni u delikatezza. 

L-Emenda ghandha tapplika ghal Kulhadd.

Għalhekk aħna ngħidu li din l-emenda, jekk hija emenda daqshekk importanti, għaliex ma ndaħħluhiex biex tkun applikabbli għal kulħadd?  Nieħdu l-linja tagħkom u  tenut kont ta’ dak kollu li għidt fil-kwestjoni tar-retrovattività u kwestjonijiet oħrajn, jekk vera aħna rridu ndaħħluha, almenu ndaħħluha għal kulħadd; ma ndaħħluhiex biss għal dawk li huma involuti til-politika, imma ndaħħluha anke għal min huwa verament involut f’affarijiet ta’ korruzzjoni!  Jien, l-esperjenza politika tiegħi hija esperjenza li fiha nies fil-politika tant hemm mekkaniżmi u tant joqgħodu attenti, tant hawn skrutinju pubbliku fl-affarijiet, li n-nies fil-politika ma jitħammġux!  In-nies fil-politika mhux se jarmu l-karriera tagħhom fuq il-hmerijiet!  Bir-rispett kollu, li aħna nidentifikaw u nwaqqgħu ġebla fuqna nfusna bħal li kieku fil-pajjiż, kif inti ddaħħal dan l-artiklu ħa ssolvi l-problema tal-korruzzjoni, għax hawnhekk hawn Malta l-Ministri huma korrotti  ...  Anzi jkollok u din trid tiffaċċjawha inthom, nies li ħa jiġġieldu magħkom, li ħa titilfu s-saħħa elettorali tagħkom għax inthom ma tistawx tagħmlu ċertu affarijiet, u jkollkom nies li jitolbukom ċertu affarijiet li inthom fid-dmir li tgħidulhom le; speċjalment fis-settur tal-Intern u tal-Gustizzja, li huwa settur delikat ħafna.

Ma ahniex ser nkunu kontra.

Il-pożizzjoni hija li aħna m’aħniex se nkunu kontra, però, almenu, in-nies li huma involuti wkoll, allura t’għamilx diskriminazzjoni bla sens li tagħti lok lil xi ħadd li b’xi mod jipprova joħroġlok minnha!  

Jekk inti verament għandek din u inti konvint, jien miniex konvint, anzi kulma qed nagħmlu hija li nagħtu inċens u ebda sustanza, imma almenu ħu ħsieb li tagħmel aġir li permezz tiegħu tolqot lil kulħadd.  Jekk hu possibbli u tajjeb li wieħed jieħu l-parir tajjeb, nagħmlu miżuri li jattakkaw kull forma ta’ korruzzjoni passata, preżenti u futura.  Ara ma jmurx xi ħadd jaħseb li kif tela’ gvern differenti allura f’daqqa waħda l-pajjiż kollu sar kollu anġli u dawk kollha li kienu jmorru għall-illegalità u kriminalità dawk kollha sparixxew u m’għahdomx jiġru mas-saqajn.  Inkunu qegħdin nilludu lilna nfusna. 

Glieda kontra l-Korruzzjoni .

Aħna intenzjonati li nkomplu naħdmu għal ġlieda kontra l-korruzzjoni pero’, ippermettili ftit, inżid ħaġa oħra.  Fl-esperjenza tiegħi hija li l-ministru jrid ikollu dejjem nies li għandhom esperjenza, nies li għandhom ix-xamma tal-affarijiet, nies li jafu għax interrogaw lil ħaddieħor fl-affarijiet, nies li ffaċċjaw nies differenti fis-soċjetà u kienu kapaċi jrendu għal ġid tas-soċjetà.  Meta nara li ċerti nies twarrbu ninkwieta ruħi għax ma rridx b’ebda mod nixħet dell fuq kulħadd u m’għandi xejn kontra ħadd, pero’, għandi favur kulħadd biex aħna naqbdu vermaent il-korruzzjoni. 

Naħseb li, Ministru, hemmhekk ġrejtu ħafna meta l-Kummissarju tal-Pulizija li kellna qabel ġie mneħħi.  Kellkom ir-raġunijiet tagħkom, mhux se nidħol fihom, pero’, il-Kummissarju tal-Pulizija li kellna qabel irridu nagħtuh il-krettu li kien front line fil-ġlieda kontra l-illegalità kollha, b’mod partikolari kontra aġir ta’ korruzzjoni.  Kulħadd jaf li, kemm dam hu, id-diversi każijiet ta’ korruzzjoni li ġew fuq ħoġru ġew investigati sew u meta rriżultaw ittieħdu l-passi l-qorti.  Il-Korp tal-Pulizija huwa għodda essenzjali u importanti bħalma hu l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, il-Kummissjoni Permanenti  kontra l-Korruzzjoni wkoll, l-uffiċjali l-oħrajn li semmejt kollha kemm huma jridu jkunu above board, pero’, din l-amminsitrazzjoni rmiet kwantità ta’ esperjenza on the ground, esperjenza ta’ abilità li, għaliha, il-poplu Malti fl-aħħar tal-ġurnata jbati.  M’għandi xejn kontra l-persuna diżinjata biex issir il-Kummissarju tal-Pulizija, imma li taqbad u tarmi dik l-esperjenza kollha on the field of battle, there is a field of battle, forsi ħadd ma jirrealizza imma hemm ġlieda għas-sewwa hemm barra.  Il-ġlieda għas-sewwa hija fuq ħoġrok, Ministru għall-Intern u Sigurtà Nazzjonali, bħalma kienet fuq ħoġri u mhux faċli u jrid ikollok nies of metal, irid ikollok nies li ma jivvaċilawlekx u nies li huma kapaċi jibqgħu jżommu l-pożizzjonijiet tagħhom u jagħmlu l-affarijiet tajjeb skont x’tgħid il-liġi u hemmhekk kellkom riżorsa importanti ħafna u dik ir-riżorsa tajba, fl-opinjoni tiegħi, naħseb li għaġġiltu li qbadtu u ċaqilqtuha, sewwa għamiltu li żammejtuha bħala konsulent, sewwa għamilt li żammejtha bħala direttur tal-protezzjoni ċivili, m’għandi xejn kontra tagħha din il-ħaġa, imma tliftu mill-postazzjoni importanti u kien hu l-bniedem li investiga nies li qabel kienu f’settur xejn faċli, jiġifieri, kellek żewġ imħallfin, kellek każijiet oħrajn u kien hu l-bniedem, il-Kummissarju tal-Pulizija, on the ground, sod, u jagħmilhielek din il-ħaġa.  Dan mhux biss joħroġ ta’ raġel lill-Ministru imma lil-poplu kollu u hemmhekk il-vacuum inevitabilment seħħ. 


Qabel sar diversi xogħol u nassigurak li x-xogħol li sar, sar b’ħafna attenzjoni u b’ħafna diskussjoni.  Ma taqtagħhomx mill-ewwel kollha tajbin l-affarijiet, anzi l-esperjenza turik li jekk inti ma tistudjahomx tajjeb l-affarijiet, l-affarijiet joħorġulek barra mit-trajettorja tagħha. 

Nibqghu determinant niggieldu l-Korruzzjoni.

Filwaqt li, nerġa’ niddikjara, li ahna nibqgħu impennjati biex niġġieldu kontra l-korruzzjoni b’kull forma u b’kull mod, direttament isfel, imma ma nagħmlux l-iżbal li nixħtu ġebla fuqna nfusna għax kif jgħidu l-Ingliżi, the road to hell is paved with good intentions u meta tagħmel affarijiet li permezz tagħhom tkun qed tiftaħ il-bieb għal ċertu aġir li jippermetti lil dawn in-nies li joħorġulek minnhom, naħseb li hemmhekk ħadd minna minn din in-naħa ma jridha.  Aħna qegħdin għas-servizz tal-poplu, aħna qegħdin għas-servizz tas-sewwa u u allura għandna dmir fuqna li nagħmlu l-affarijiet tagħna kemm jista’ jkun l-aħjar speċjalment meta diġà hawn min qed jiftħilna għajnejna fuqhom.  Dak l-artiklu jibqa’ hemmhekk, iperper fil-gazzetta u fuq l-internet u naħseb li nagħmlu tajjeb, id-diversi affarijiet li qajjem l-Imħallef Giovanni Bonello huma punti li kienu diġà evidenti għalija from the word go, pero’, b’ebda mod aħna m’aħna b’xi mod se nostakolaw il-ġlieda kontra l-korruzzjoni.  Se nibqgħu determinati li nikkumbattu l-ġlieda kontra l-korruzzjoni li għandha tiġi miġġielda fl-għeruq u xniexel tagħha imma altru li tgħidh au altru li tagħmilha. 

No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...