11.12.12

Ma jridux lil min imerihom




1.Il-problema li numru ta’ drabi nara ‘l-politika tagħna tiffaċċja hija marbuta mal-mod ta’ kif wieħed jersaq lejha.  Il-metodu, il-formazzjoni kulturali jorbtu u fl-istess ħin jikkundizzjonaw il-linja li wieħed jieħu.  Hawn min jidher jgħix f’dinja fejn dak li jgħid irid jiġġustifikah il-ħin kollu, u hawn min le.  Bnedmin li draw li jgħidu tagħhom u daqshekk.  Ma hemmx udjenza, u anqas iridu waħda li tifhem u tgħarbel.  Vuċijiet, li minnhom infushom huma solitarji u, fl-istess ħin, maqtugħa mir-realtà tal-ħajja ta’ kull ġurnata.  Tista’ tara li qed tgħid is-sewwa u dak li qiegħed tipproponi huwa ta’ sustanza jekk kemm-il darba jkun hemm min jgħidlek tiegħu.  Id-diffikultà ġejja proprju mill-formazzjoni edukattiva.

2.       Il-verità hija li l-fatt li numru ta’ persuni li ġejjin mill-klassi politika qed jitrabbew f’ambjent edukattiv fejn huma maqtugħa mill-bqija tas-soċjetà qiegħed iġib dawn il-konsegwenzi.  Il-ħsieb li l-ulied għandhom jiġu protetti tant li ma jgħarfux li hemm barra hemm dinja differenti, fejn hemm bnedmin li jbatu biex jgħixu, huwa għal kollox żbaljat.  Il-ħsieb li f’ċerti istituzzjonijiet edukattivi hemm vantaġġ kbir għax it-tfal jiġu edukati ‘l bogħod mill-ħajja ta’ kull ġurnata, mir-realtajiet varji li tfal oħra jġibu magħhom, fih l-effetti negattivi tiegħu.  Hemm, jekk wieħed ma joqgħodx attent, jitwieled distakk intern fil-qalb tal-bniedem.  Wieħed li jwassal għall-konsegwenza li min jaġixxi, min jieħu ċerti deċiżjonijiet jew huwa parteċipi f’dan il-proċess ma jindunax, u wisq anqas jirrealizza, x’ser ikunu l-effetti negattivi li ser iġib fuq l-oħrajn.

3.             L-effett ta’ dan, fil-Kamra tad-Deputati, jidher il-ħin kollu.  Hemm uħud li huma parti mill-għeruq tas-soċjetà li mhux biss jitkellmu f’isimha imma huma rappreżentanti tagħha, mentri hemm oħrajn li avolja għandhom jitkellmu f’isimha, minflok jgħidu u jwettqu dak li ma tridx.  Hemm verament distakk bejn il-bilanċ intern li kull persuna għandu jkollha.  Dak li jitwieled bejn il-libertà tal-azzjoni u r-responsabbiltà tagħha.  L-iżvilupp stramb huwa fid-direzzjoni ta’ libertà mingħajr il-konsegwenzi tagħha.  Aġir fil-libertà li huwa l-kontra ta’ dak li jkun, u fir-realtà, kontro-produċenti.  Min jaġixxi tajjeb jikseb il-frott ta’ għemilu.  Min kontra le, anke jekk iż-żewġ azzjonijiet ikunu saru f’isem l-eżerċizzju tal-libertà.

4.                Il-Parlament jagħti lil kull membru opportunità unika: dik li jitkellem u jaġixxi f’post fejn id-demokrazija tagħna trid li jittieħdu d-deċiżjonijiet it-tajba.  Sfortunatament però, wieħed jinnota li qed titwieled dejjem iktar il-linja li min għandu din ir-responsabbiltà jista’ jitkellem ‘il bogħod mill-verità u l-fatti.  Jindirizza lill-poplu, u fl-istess ħin, jieħdu ‘l bogħod minn dak li hija r-realtà billi jgħid dak li ma hemmx jew jipprova jagħti x’jifhem li hemm, meta ma jkunx hemm.  Il-gidba, in-nuqqas ta’ verità, iddawwarha kif iddawwarha hekk tibqa’ u m’għandhiex xi forma ta’ ġustifikazzjoni, aktar u aktar meta qegħda tingħad fil-Parlament Malti.  Hemm politiċi li jridu jgħixu fid-dinja tagħhom, ma jimxux maż-żminijiet u l-agħar hu li jridu jġibu lil ħaddieħor f’dik id-dinja ta’ fantasija.

5.                Ngħid dan kollu, iktar u iktar din il-ġimgħa meta smajt diskors li pprova jmaqdar dak kollu li sar mill-Gvern.  Diġà l-linja, minnha nfisha, hija żbaljata.  Jista’ jogħġob widnejn uħud tal-istess fehma tal-persuna li qed jgħidu, però l-poplu hemm barra li jifhem u jgħarbel, inaqqaslu fil-kredibilità.  Kritika fl-arja maqtugħa hija, minnha nfisha, żbaljata.  Il-pajjiż jaf li sar ħafna xogħol tajjeb.  Jaf ukoll li, fid-dinja ta’ kuljum, mhux kollox jitwieled lest u perfett, imma jrid iż-żmien tiegħu.  Ebda bidla qawwija ma ġġib kollox jaħdem preċiż f’daqqa, imma trid il-ħin tagħha.  Xorta tibqa’ waħda qawwija, li minnha s-soċjetà ser issarraf il-ġid.  Ħadd ma ppretenda li l-leġislazzjoni varja li saret ser ikollha effett immedjat.  Meta daħħalna diversi artikoli ġodda biex nipproteġu aħjar lil uliedna fis-soċjetà kontra l-abbużi tal-lum, fosthom ir-Reġistru għall-Protezzjoni tal-Minuri, ħadd ma seta’ jippretendi li dawn ser ikunu effettivissimi mill-bidu.

6.             Bħalma anqas meta saru l-bidliet radikali tal-Ġustizzja Riparatriċi.  Ħadd ma seta’ jippretendi li f’daqqa waħda ser jibdew jitwettqu l-mirakli.  L-istess għall-bini tal-Akkademja tal-Pulizija kompletament ġdida.  Kull bidla fis-soċjetà trid tieħu l-ħin tagħha.  Meta ssir f’daqqa, l-esperjenza turik li ma tirnexxix.  Meta ssir gradwalment, pass pass, allura jkollha suċċess.  Dan hu dak li l-bnedmin normali jafu.  Dan hu li l-politiċi b’esperjenza jirrikonoxxu.  Biss ħaddieħor, fl-għaġġla tiegħu, jibqa’ jgħid dak li m’għandux u jagħmel dak li minnu ma tistennix.  Kieku jħalli lil min imerih, forsi ma jiżbaljax daqshekk.  Forsi kieku jisma’ l-vuċijiet kollha u mhux biss dawk li jagħtuh pjaċir, allura jkun ferm aħjar għalih, u għalina.  Is-soċjetà tista’ tinbidel f’direzzjonijiet varji.  Dmirna huwa li narawha miexja lejn it-tajjeb u għalhekk ser nibqgħu mmeruhom f’dak li jgħidu.

10.12.12

Ċari fid-direzzjoni futura tagħna




      1.    Jiġri x’jiġri, il-leġislatura tagħna riesqa lejn l-għeluq normali tagħha.  Tgħallimna ħafna f’dawn il-ħames snin.  L-inkwiet, it-taqlib ekonomiku, il-kumplikazzjonijiet varji li wasslu għal xenarji ta’ nkwiet mediterranju li konna ilna żmien ma naraw bħalu servewna sabiex nissudaw iktar lilna nfusna.  Partit jissoda meta l-politiċi fi ħdanu jkunu għaddew minn ibħra mqallba u jibqgħu sodi fuq saqajhom.  Is-sustanza politika tiġi minn formazzjoni u preparazzjoni interna u, fl-istess ħin, minn esperjenza li tiġi għaliex wieħed ikun ġarrab.  Huwa minnu li għaddejna minn ħafna, biss dan m’għandux jitqies kontra tagħna, imma favurina.  Nippreferi, fl-inkwiet finanzjarju li għadna għaddejjin fih, lil min huwa diġà ippruvat u mhux lil min għadu jrid jibda l-vera esperjenza politika tiegħu.

2.   Is-sabiħ ta’ partit li jgħaddi minn dan kollu huwa proprju li jissoda fih ġabra ta’ persuni li kapaċi jirbħu l-għawġ.  M’hemmx dubju li t-tmexxija ta’ Lawrence Gonzi sarrfet f’diversi direzzjonijiet.  Żammitna, l-ewwel, ċari fid-direzzjoni politika neċessarja li kellna nieħdu.  It-tieni, basktet persuni li fehmu l-pajjiż xi kwalitajiet politiċi jitlob mill-politiċi.  Wieħed mhux dejjem jifhem xi jfisser tgħaddi min-nar.  Ħafna, anzi, jiddejqu u jippruvaw jaħarbu minnu.  Il-politika ma ssirx bl-immaġini, b’kemm tidher, jew kemm timpressjona li għandek kwalitajiet li ma jkollokx, imma billi tagħraf timxi xorta waħda ‘l quddiem, anke meta jidher li għandek ħafna vuċijiet kontra tiegħek.  Il-proċess ta’ formazzjoni ta’ dawk li huma rġiel, u mhux tfal, fil-politika jiġi minn dan.  It-tmexxija tal-pajjiż mhix ġugarell f’idejn min irid jilgħab, imma f’idejn min huwa kapaċi jmexxi.

3.            Il-Partit Nazzjonalista ilu jiġi mgħobbi bir-responsabbiltà tal-pajjiż, proprju għax kien ukoll moħħu ċar fid-direzzjoni li għandu jieħu biex il-poplu jimxi ‘l quddiem kif mexa.  Il-kunflitt fil-Libja ma kien faċli xejn.  Illum, aktar ma jgħaddi ż-żmien, iktar nirrealizzaw minn kemm għaddejna, kemm konna viċin li naraw xenarji ferm differenti minn dak li seħħ.  Biss fil-kuraġġ, viżjoni u determinazzjoni li żamm Lawrence Gonzi, għamilna għamilna l-passi t-tajba.  Kull deċiżjoni kellha mnaqqxa fiha futur aqwa għall-poplu Libjan.  Il-libertà, id-demokrazija m’humiex prinċipji ta’ ċerti popli biss, imma ta’ kulħadd.  Ħdima għal dan għax nemmnu li r-relazzjonijiet soċjali u ekonomiċi bejn il-popli jikbru meta jkun hemm id-demokraziji u mhux id-dittaturi.  Iż-żerriegħa li nżergħet is-sena li għaddiet biex tikber sew.

4.                 Għax hija parti mill-politika futura tagħna li naraw li f’dak il-pajjiż, il-bidliet iservu direttament u indirettament għal tkabbir magħna u fir-reġjun.  Minkejja l-jiem, li huma li huma, xorta waħda l-Prim Ministru, flimkien mal-Ministru tal-Finanzi, niżlu fil-Libja.  B’aġenda verament fit-tul.  B’miri li nafu li jieħdu ż-żmien biex jintlaħqu, però li huma determinanti għall-jiem li ġejjin għalina lkoll.  Żvilupp fin-negozju aqwa, b’xogħol u pagamenti garantiti huma passi li permezz tagħhom nistgħu niftħu bibien ġodda.  Mhux ripetizzjoni ta’ dak li kellna, iżda proċess ġdid ta’ fiduċja akbar u għarfien li nirbħu fih iż-żewġ naħat.  Il-mira tagħna hija ċara: nafu x’kellna u nafu x’irridu li jkollna.  Biss, in-negozjanti m’humiex ħfief u jridu lil min huwa abbli u kapaċi jmexxihom għat-tmiem.  Żgur mhux forsi, il-vantaġġ tar-rikonoxxenza li għandna bil-Prim Ministru m’għandniex narmuh.

5.          Il-ġimgħa kompliet tissarraf f’aktar riżultati u ħidma ekonomika tajba.  Il-figura li t-tkabbir tagħna fil-Prodott Gross Domestiku (GDP) huwa ta’ 1.9% u dan ma ġiex b’kumbinazzjoni.  Bil-problemi kollha, bil-limitazzjonijiet tagħna, bil-gambetti kontinwi, xorta waħda nirreġistraw żieda li hija verament impressjonanti.  Il-finanzi tal-pajjiż mhux lura sejrin, anzi ‘l quddiem.  ‘Il quddiem għax għandna bnedmin li jżommu sod u għandhom viżjoni ċara għall-futur.  Ħaddieħor ma jirnexxilux iżomm dak li kellu, u anzi, sejjer lura.  Aħna bil-preċiż il-kontra.  Ma nafx, bir-rispett kollu, min għandu f’dan l-istadju jissogra billi flok iżommna mexjin lejn ibħra kalmi, jafdana fil-maltemp b’min il-politika ekonomika tiegħu hija kompletament il-kontra tagħna.  L-Oppożizzjoni ma taqbilx ma’ kif qed immexxu.  Ma taqbilx ma’ dak li qed jirnexxi.

6.             6. Il-budget jista’ ma jgħaddix, u hemm konsegwenzi ekonomiċi u soċjali għal dan.  Però l-piż tar-responsabbiltà ma jistax jaqa’ fuq il-Gvern.  Għax hu għandu dmir li jressqu u għandu dmir ikbar li jkun tajjeb.  Dan wettqu, u wettqu tajjeb ħafna.  Ħadd ma seta’ jgħid xi ħaġa differenti.  Minflok, l-Oppożizzjoni qegħda terġa’ taħrab milli tivvota għas-sewwa.  Kull persuna, għandu x’isem għandu jew kariga, ma jistax jaħrab mid-dmir li jwettaq is-sewwa.  Iktar u iktar meta kulħadd jaf li vot kuntrarju jġib konsegwenzi li jistgħu faċilment jinħarbu.  Vot kontra ma jwassalx għall-elezzjoni ġenerali qabel iż-żmien għax din, wara ħames snin, ser issir.  Vot kontra, minflok, ser ikompli: l-ewwel, jirreġistra li l-Oppożizzjoni mhix kapaċi toħroġ mill-mekkaniżmi ripetittivi passati ta’ kif twettaq ħidmietha; u t-tieni, li joħroġ iktar il-kuntrast li l-Partit Nazzjonalista baqa’ dak li huwa ċar fid-direzzjoni tiegħu għall-futur sod ta’ dan il-pajjiż.

9.12.12

Bench Press




1.         Ma nafx kif imma fl-aħħar laqgħa li attendejt għaliha ġewwa Stokkolma sibt il-ħin li ndur librerija fit-tul.  Anzi, proprjament kont immarkajt diġà li hemm il-possibilità li naqra ftit letteratura Svediża, tradotta fl-Ingliż u għalhekk ridt nidħol sabiex nagħżel ftit kotba minn fuq l-ixkaffa.  Ħsibt fuq dan iktar minn darba, waqt li kont hemm u mort f’librerija partikolari li kienu ndikawli bħala waħda mill-aħjar, biss sibtha magħluqa.  Għalhekk, l-ewwel librerija li sibt dħalt u sibt ruħi wiċċ imb’wiċċ ma’ kwantità ta’ awturi u kotba quddiemi.  F’daqqa sibtni fid-diffikultà li nagħżel għax nammetti ma kontx qrajt biżżejjed, biss fhimt li jew nidħol għal din l-opportunità inkella ħadd ma jaf meta jerġa’ jkolli l-ħin inġib kotba Svediżi fil-librerija tad-dar tiegħi.

2.         Kelli almenu ċar f’moħħi li rrid ktieb fuq l-istorja Svediża, u minn hemm tlaqt.  Mort fuq il-persuna li deherli li huwa l-proprjetarju, staqsejtu għal dan u f’ħakka t’għajn għaddieli volum li mill-ewwel rajtu tajjeb.  Għadda f’idejja u tlaqt nagħżel il-letteratura.  Idi waqgħet fuq diversi, fosthom wieħed jismu “Bench Press” ta’ Sven Lindqvist però b’dawn il-varji kotba li ġew f’idejja, ma nafx għalfejn erġajt mort fuq dan ir-raġel kwiet u tlabtu gwida.  Neħħieli numru u tani f’ħoġri oħrajn b’kummenti preċiżi.  Biss, dan “Bench Press” ħalliehuli u anzi rrakkomandah ħafna.  Wara fhimt għala.

3.         Fuq l-ajruplani ġej lura, anke jekk mal-lejl ma rnexxilix nagħlaq għajn m’għajn, qbadt naqra dan il-ktejjeb.  Skirt f’daqqa waħda fuq ir-riflessjonijiet li l-awtur, raġel ta’ ‘l fuq minn ħamsin sena, sab lilu innifsu lura ġewwa l-“gyms”, jeżerċita ruħu fiżikament.  Kollox jibda għalih b’diskursata sempliċi ma’ persuna li kienet tiffrekwentahom li jipperswadih jibda u mingħajr ma trid, f’dik l-atmosfera huwa jerġa’ jittrasmettiha lura lil min qiegħed jaqra l-ktieb kif fil-fatt beda ser jiġri lili.

4.         Għax trid ħafna sabiex inti stess terġa’ tinġibed lura lejn dan l-eżerċizzju fiżiku.  Ir-ritmu kostanti tal-ġisem li jintilef itellgħa l-piżijiet varji jsiru parti mill-ħajja, jittrasformaw lill-bnedmin għal persuni aħjar.  Hemm bidu u tmiem f’proġett mibdi u spiċċat b’ritmu li jixbaħ ċiklu tal-ħajja.  L-awtur pero għandu s-sabiħ li jikteb fuq diversi livelli imma huwa interessanti ħafna li jikteb fil-qosor l-istorja, l-iżvilupp, ta’ kif il-bniedem fehem li għandu l-abbiltà li jkabbar il-muskulatura u jissoda aktar lilu nnifsu.  Jibda mit-tabib tal-Imperatur Marcus Aurelius li kien kiteb l-ewwel trattat fuq kif il-bniedem għandu jippriserva ruħu aħjar u fuq dan jibqa’ ġej sal-ġurnata tal-lum, inkluż spjegazzjoni dettaljata ta’ kif l-apparat li llum issib f’dawn il-postijiet ġew maħduma u mibnija.  Għandu numru ta’ ritratti, illustrazzjonijiet ta’ kif dan il-makkinarju beda jinħadem u kif huwa speċjaliżżat tant tajjeb illum.  Meta tmur teżerċita ruħek ma jiġux f’rasek li dawk il-piżijiet u apparati varji nbdew żewġ sekli ilu.  L-awtur mingħajr ma jrid ifehemek u jġib għal loġika proċess fiżiku li l-akkademiċi jistkeru.  Anzi jġib akkademiku dak li ma tistax taċċetta mill-bidu li huwa hekk sakemm ma taqrax il-vjaġġ li jgħaddik minnu.

5.         Il-ktieb fih temi oħra rikorrenti, kontro-kurrenti u għaddejjin f’linji paralleli.  Hemm il-kunċett tad-deżert li jidħol u joħroġ qisu f’kitba ta’ Paolo Coelho jew ta’ Carlo Carletto.  Hemm ukoll il-ħolm li jitlaq fuq linji ta’ analiżi u kontro-analiżi tat-teoriji varji ta’ Sigmund Freud.  Min-naħa l-oħra għandek skrutinju tas-sistema demokratika, tal-ħajja tiegħu u tal-effetti pożittivi u negattivi ta’ min jaqbad it-triq tal-body building.  Fir-realtà, dan il-ktieb huwa żiffa ħelwa għal persuni li hemm bżonn jerġgħu jikkalmaw fin-nervożiżmu li l-ħajja tittrasformahom fih.  F’paragrafu, f’żewġ sentenzi jiħdok fuq linji li ma tkunx qed tistenna bħal fi vjaġġ fuq tapit maġiku.  Tixorbu qisu tazza ilma u tapprezzah aktar minn kittieba oħra svediżi.

6.         Apparti kollox, il-ktieb huwa rakkomandabbli mhux biss għal min jieħu l-eżerċizzju fiżiku bis-serjetà, imma anke għal dawk li qatt ma kkontemplaw l-utilità tiegħu.  F’parti partikolari jingħad li dawn l-eżerċizzji huma l-iktar indikati għall-professjonisti jew għal dawk li għandhom ħajja sedentarja, u għandu raġun.  Ħafna drabi, tant nintilfu fil-ħidma ta’ kuljum li nispiċċaw ninsew saħħitna kompletament.  Ninsew li aħna bnedmin li għandna niddedikaw ħin ukoll għal ftit attività fiżika.  Ninsew li hemm kien għar-riflessjoni fuq il-ħajja, fuq dak li għaddejja d-dinja minnu, fuq il-ġisem, fuq ir-ruħ, fuq il-bidu u t-tmiem tal-eżistenza.  Il-ktieb tajjeb u naħseb li mhuwiex telf ta’ żmien, iżda passaġġ f’triq mimlija idejat.

N.B. Dan l-artikolu kien deher fid-29 ta Awissu 2009.

7.12.12

Il-pajjiż mexa sew ‘il quddiem



1.         L-attenzjoni tal-poplu f’dawn l-aħħar ġimgħat tas-sena hija maqsuma.  Żgur mhux forsi, dawk li jikkunsidraw ruħhom parti minn dawk li jgħixu, normalment jagħarfu li l-pajjiż mexa ferm iktar ‘il quddiem.  Min, fuq in-naħa l-oħra moħħu biss fil-politika, jħares biss lejn jekk il-Gvern huwiex ser jibqa’ għaddej.  Ir-realtà hija li din l-amministrazzjoni mmexxija mill-Partit Nazzjonalista rnexxielha tilħaq pożizzjonijiet li oħrajn tilfu.  Tilfu għax waqt li ħaddieħor waqa’ lura, u anzi kellu jmur għal pożizzjonijiet soċjali u ekonomiċi ta’ snin ilu, aħna bqajna navvanzaw.  Ġejna kkritikati u mmaqdra minn uħud li tkellmu bħallikieku konna fil-bnazzi, biss ċert li meta jieqfu jirriflettu jammettu li, minkejja d-diffikultajiet kollha, bqajna nirreġistraw passi ‘l quddiem.

2.         Dawk li ma tantx iridu l-ġid lil dan il-Gvern għamlu argumenti varji biex jippruvaw iċekknu dak li nkiseb, biss illum il-ġurnata hemm żgur li l-leġislatura li ġie elett għaliha rnexxielu jilħaqha.  Il-ħames snin li l-poplu vvutalu u li tah inkarigu għalihom seħħew.  Anke jekk kien hemm daqqiet varji tal-minkeb u taħt iċ-ċintorin, xorta waħda wasal.  Għamel ħames snin ta’ ħidma li permezz tagħhom irnexxielu jkompli jżomm l-ekonomija għaddejja.  L-istabilità soċjali tagħna ġiet iktar u iktar issudata f’dan il-proċess.  Issudata għax diġà kellha għeruq fondi u li kienu kapaċi jkabbru u jagħtu frott.  Dak il-pedament sod baqa’ jagħti s-servizz tiegħu meta ġie l-maltemp.  L-għaqal tal-passat serva u fl-istess ħin ma konniex boloh imma komplejna għaddejjin inżidu.

3.         Jgħaddi jew ma jgħaddix il-Budget fis-seduti parlamentari li ġejjin huwa f’ħafna punti sekondarju.  Il-missjoni seħħet u l-vapur issa dieħel sew fil-port tiegħu.  Il-miżuri li ġew meħuda f’dawn is-snin kienu tali li stabbilew passi sodi li minnhom ebda Gvern ta’ dan il-partit m’għandu bżonn iġib l-eżerċizzju finanzjarju annwali bħala xi kaxxa maġika.  M’għadux rigal tal-amministrazzjoni għal żmien il-Milied, mument li jiddetermina jew il-kontinwazzjoni tal-eżistenza inkella l-kontra, imma sar parti sħiħa minn żvilupp.  Passi ‘l quddiem li jkomplu jiggarantixxu tkabbir soċjo-ekonomiku mingħajr kumplikazzjonijiet żejda.  Direzzjoni ċara li ħarġet minn persuni li ħadmu bl-għaqal.  Dawk li kienu lesti jissagrifikaw ħafna sabiex il-pajjiż ikompli jikber u jimxi ‘l quddiem.

4.         Qisu xi forma ta’ figura ħierġa mill-mitoloġija Griega jew Latina, il-Gvern ried jibqa’ jissaporti u jġorr il-piż tar-responsabbiltà ‘l quddiem.  Ma hemmx settur ekonomiku wieħed li ma ġiex, b’xi mod, indirizzat.  Prinċiparjament sabiex jibqa’ jiġi maħluq ix-xogħol u nibqgħu naraw iktar u iktar ħaddiema jaħdmu.  Il-prijoritajiet tagħna kienu ċari.  Biex niggarantixxu l-kontinwazzjoni tal-ġid nazzjonali ħarisna li l-edukazzjoni u s-saħħa jibqgħu jingħataw fondi neċessarji biex jaħdmu u jikbru.  Il-poplu jikber fil-paċi u fiċ-ċiviltà tiegħu meta l-Istat ikun kapaċi jieħu ħsieb il-bnedmin fdati lilu.  Kapaċi jagħraf fejn l-aħjar li jinvesti mingħajr ma jitlef mill-valuri u l-bażi tiegħu.

5.         Dan il-ħames Budget jagħlaq kapitolu ta’ din il-leġislatura.  Kull min ilu jikkritika u jgħid diskors dispreġjattiv, illum jirrikonoxxi li l-bastiment dieħel sew fil-port u ma hemm xejn iktar xi jżommu.  Huwa programm tajjeb ħafna tant li anke l-Oppożizzjoni qegħda tintrabat li twettaq hi jekk tkun fil-Gvern.  Biss m’huwiex il-ġebla tax-xewka ta’ ħidmietha.  Jekk jiġi miċħud b’vot kuntrarju, xorta tant sar li l-poplu jaf li hemm ammont kbir ta’ mertu li fil-ħames snin li għaddew ġie mwettaq li jimmerita attenzjoni u rispett.  Il-mument politiku huwa dak li hu.  Hemm min ħakk idejh meta f’mumenti jew oħra deherna qed naqgħu taħt il-piż tas-salib, biss illum l-istampa hija sħiħa.  Il-pajjiż jagħraf, l-ewwel li dan huwa Gvern li kellu ħafna kontra tiegħu u xorta rnexxielu jimxi ‘l quddiem u t-tieni, li kien iwettaq ferm iktar kieku ma kellux dawn l-intoppi kollha.

6.12.12

Prosit Francis




Kellna wisq għaddej il-ġimgħa li għaddiet.  Bejn il-bidu tal-proċess tal-Budget, u bejn l-elezzjoni għall-ħatra ta’ Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista, naqqsu mill-attenzjoni li kienet tistħoqq lill-seħibna Francis Zammit Dimech.  Bniedem li ilni nafu numru ta’ snin.  Persuna li, għalkemm tlaqt niġri miegħu f’direzzjonijiet differenti, maż-żmien sibna ruħna nħarsu lejn l-istess waħda.  Diversi drabi kelli x-xorti naħdem miegħu fuq numru ta’ proġetti li permezz tagħhom sar il-ġid lill-pajjiż u lill-poplu.  Il-bidu ta’ bidliet qawwija fil-Kottonera, fejn kien strumentali fihom hu.  Kien u għadu dejjem pjaċir meta niltaqgħu u niddiskutu dak kollu li l-kappa politika tieħu.  Però mhux dan biss, imma huwa bniedem li jaqra sew.  Bniedem li jħobb il-kultura f’kull dimensjoni li tagħti.  Huwa dedikat għall-aħħar għall-politika u għall-kostitwenti tiegħu, biss kulħadd jaf li jibqa’, l-ewwel, bniedem b’qalb kbira u ġeneruża.

Francis illum ġabar esperjenza kbira.  Il-fatt li ġie appuntat Ministru f’dekasteri differenti u li mexxa b’aġilità u attenzjoni, kien x’kien is-suġġett, huwa biżżejjed sabiex wieħed jagħraf li huwa politiku kapaċi.  Diversi drabi kelli l-okkażjoni niddiskuti miegħu fuq dan u kien fonti ta’ informazzjoni.  Speċjalment meta kont Ministru, mhux darba jew tnejn kellimtu u, fil-gwida tiegħu, kien jgħinni sew.  Pariri tajba u bilanċjati li, mingħajr ma trid, issegwi.  Dan għax huwa bniedem li huwa paċi miegħu nnifsu.  Lest li jisma’, u anke fit-tul, bil-paċenzja u l-attenzjoni ta’ min irid jgħin b’interess ġenwin.

Għalhekk, kien ta’ pjaċir kbir għalija nara li l-ġimgħa li għaddiet reġa’ ġie maħtur Ministru, din id-darba tal-ogħla Ministeru – dak tal-Affarijiet Barranin.  Ċert li fil-ħin li għad fadlilha din il-leġislatura ser jagħmel il-marka tiegħu u jieħu deċiżjonijiet tajba.  Filwaqt li nawguralu, ngħid li jitħoqqlu prosit, u kbira.

2.12.12

Nifilħu għall-bidla.




1.                  Hemm min jaħseb li tista’ turi lilek innifsek mibdul, b’ideat u entużjażmu ġdid bir-riklami, bl-istampi sbieħ, b’ingravajjet ileqqu, imma l-elettorat ta’ dawn il-gżejjer iħares iktar fil-fond.  Ifittex is-sustanza ta’ dak li jingħad.  Jeżamina sew dak li jkun qiegħed jingħad u wara jiġġudika.  Hawn żvantaġġi fiċ-ċokon tal-pajjiż, però hawn fuq in-naħa l-oħra l-vantaġġ li nafu sew lil xulxin u għalhekk irridu nkunu ċerti minn dak li qed nisimgħu u minn dak li qed naraw.  Irridu f’dan nammettu li l-Partit Laburista, fil-bidu ta’ din il-leġislatura telaq bil-vantaġġ ta’ bidla fit-tmexxija tiegħu.  Waħda li wegħdet ħafna.  Uriet li ġejja bidla f’dak il-partit, sija ta’ persuni kif ukoll ta’ ideat.

2.                  Illum, ħames snin sħaħ wara, il-poplu Malti u Għawdxi għandu quddiemu dak li ntqal u dak li twettaq miż-żewġ partiti.  Għalkemm hemm min jaħseb li huwa biss il-partit fil-Gvern li jiġi eżaminat bir-reqqa, il-fatti huma kompletament differenti.  Il-votant li m’huwiex marbut diġà ma’ karru politiku jħares sew.  Iktar u iktar issa fl-aħħar ta’ din il-leġislatura meta, għall-kuntrarju ta’ dak li riedu uħud mill-bank tal-Oppożizzjoni, bqajna għaddejjin.  Iktar u iktar issa tul din il-ġimgħa meta l-Gvern, permezz tal-Ministru tal-Finanzi tiegħu Tonio Fenech, ressaq il-programm finanzjarju tiegħu għas-sena li ġejja.  Il-proposti li fih dak id-dokument huma kollha indikazzjoni ta’ ġabra ta’ bnedmin li għandhom ideat ċari, valuri nsara u viżjoni għas-soċjetà li għandna u li rridu nkomplu nibnu.

3.                  Mhux biss, imma l-partit li huwa suppost mimli biż-żmien, wera minflok li huwa dak mimli bil-ħajja.  Il-proċess għall-għażla ta’ Viċi-Kap, ukoll tul din il-ġimgħa, kompliet tagħti xhieda ċara li ngħarfu li ma nistgħux nieqfu milli nħarsu u naħdmu ‘l quddiem.  Għax ikun fejn ikun post il-Partit Nazzjonalista f’leġislatura oħra, ngħarfu li għandu dejjem id-dmir li jibqa’ jaħdem għas-sewwa, jaġġorna lilu nnifsu sabiex jibqa’ rilevanti u ta’ servizz.  L-għażla finali u elettorali qegħda f’idejn il-votant, però aħna rridu nagħmlu l-parti tagħna bis-sħiħ.  Irridu nkomplu naħdmu u nkunu iktar il-partit li l-poplu identifika ruħu miegħu għal dawn l-aħħar snin.  Il-partit għandu s-saħħa għax huwa wieħed demokratiku nisrani.  Min jiddubita minn dan ikun qiegħed jiżbalja.

4.                  Is-sustanza sħiħa tagħna hija proprju l-ideat politiċi li nħaddnu.  L-abbiltà li nkomplu nkunu l-partit li, anki jekk inbiddlu l-bnedmin li jikkomponuh, xorta jibqa’ vuċi għal kull settur u klassi fis-soċjetà li jiddefendi lil dawk li huma minn taħt biex jassigura l-ġustizzja soċjali.  M’aħniex partit konservattiv, anqas wieħed liberali u wisq inqas marxista.  Għandna l-linja tagħna ċara li, fir-realtà, assigurat proposti, miżuri, liġijiet u deċiżjonijiet li ġiebu kontinwament il-kunens elettorali.  Dawn huma fatti li kull min qiegħed fil-politika jista’, jekk irid, jagħraf.  Proprju għalhekk li konna kapaċi li, ma’ kull sena, ikollna budgets tajbin li mexxew ‘il quddiem ‘il-pajjiż u, fl-istess ħin, rawwimna bnedmin kapaċi jgħarfu x’inhuma l-valuri tal-partit, jikkonvinċu ruħhom mill-vantaġġi tagħhom u jaħdmu għall-ġid tal-proxxmu.

5.                  L-ikbar ċertifikat li kellu l-Gvern tul din il-ġimgħa kien ġej direttament mingħand l-Oppożizzjoni li, għall-ewwel darba fl-istorja tad-dinja, iddikjarat li taqbel miegħu.  Il-mustaċċuni kollha li ilhom ħames snin jaħsbu u jirriflettu fuq x’ser jagħmlu huma, meta ġew għar-realtà ammettew li dak li sar mill-Gvern huwa l-aqwa u, fl-istess ħin, kixfu lilhom infushom li m’għandhom ebda forma ta’ proposta ġdida għall-pajjiż.  Il-poplu li jrid jifhem dejjem għaraf li bejn id-diskors u l-fatti, il-Partit Nazzjonalista wera li huwa għal darb’oħra superjuri.  Il-kuluri, l-attenzjoni għall-immaġini, l-importanza għall-pettinaturi għandhom il-bilanċi u l-effetti tagħhom.  Biss, il-poplu jħares lejn fejn hemm l-għaqal u r-responsabbiltà.

6.                  Jekk kien hemm bżonn ta’ prova din il-ġimgħa, wara l-Budget, l-elezzjoni tal-Viċi-Kap iktar u iktar sostniet dan.  Għall-kuntrarju ta’ dak li seta’ jaħseb ħaddieħor, l-elezzjoni saret.  Atrit ma’ kienx hemm.  Il-vot u d-deċiżjoni ttieħdu, u l-għażla marret fuq Simon Busuttil.  Setgħet marret fuq persuni oħra.  Nawgurawlu, u fl-istess ħin ngħarrfuh li ser insostnuh fil-ħidma futura tiegħu.  Biss, il-poplu ra li l-proċess tmexxa b’kalma, attenzjoni u trasparenza.  Ra li aħna kapaċi nagħżlu mingħajr ma nintilfu fi ħmerijiet għax ilkoll ngħarfu li aħna kollegi - naħdmu flimkien u mhux kontra xulxin.  L-għaqda fi ħdan il-Partit Nazzjonalista hemm qegħda.  Anzi, proprju l-esperjenzi reċenti tagħna wrew iktar u iktar li aħna deċiżi li nkomplu naħdmu flimkien, għas-sewwa.  Deċiżi li nsegwu d-direzzjonijiet it-tajba, dawk li l-Prim Ministru u Kap tal-Partit Lawrence Gonzi ħa u tana.  Direzzjoni li assigurat li l-partit ikun mimli b’persuni ġenerużi u intelliġenti bħal Simon Busuttil u Tonio Fenech.  Waħda li turi biċ-ċar li nifilħu għall-bidla, anzi aħna l-vera ġenituri tagħha.

1.12.12


Sostenn għall-Ġustizzja Riparatriċi


1.             Diversi drabi, fil-mezzi tax-xandir ikun hemm min jipprova jew iċekken jew jittrivjalizza x-xogħol neċessarju li sar u li qiegħed isir wara l-introduzzjoni tas-sistema tal-Ġustizzja Riparatriċi.  Liġi li, fortunatament, daħlet fis-seħħ u li diġà bdiet taħdem tajjeb ħafna.  Għalkemm hemm min ħa l-impressjoni li din hija liġi li hija marbuta biss mal-kwistjoni tal-għotja ta’ ħelsien kontrollat qabel iż-żmien stabbilit, magħrufa aħjar bħala l-“parole”, dan m’huwiex minnu.  Il-kejl ta’ din ir-riforma ma jsirx minn kemm persuni joħorġu qabel, iżda b’kemm tibda tgħin sabiex in-nies jirriformaw ruħhom.

2.             Dak li llum huwa msemmi u magħruf bħala l-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin jinsab għaddej minn trasformazzjoni li, ovvjament, tieħu ż-żmien partikolari tagħha biex issir.  Il-bidla t-tajba hija dik li twettaq iktar programmi partikolari li bihom il-bnedmin li jispiċċaw b’sentenza ta’ ħabs ikunu jistgħu jibdlu ħajjithom.  Jagħrfu dak li għamlu, jieħdu r-responsabbiltà tiegħu u f’dan jidħlu sabiex jinbena fihom pedament ġdid.  Ġebel ġodda li permezz tagħhom ikun hemm bidla interna fil-bniedem li jista’ joħroġ lura fis-soċjetà u jagħti kontribut bħala membru u ċittadin tajjeb tagħha.  Fuq kollox, li ma jerġax jikkommetti delitti u li anzi jservi ta’ kelma tajba għal żgħażagħ jew persuni li jkunu għaddejjin mis-sitwazzjonijiet li jkun ġarrab hu.

3.             Biex issir din il-missjoni tajba però, li fiha nfisha hi ambizzjuża, inbeda proċess li permezz tiegħu bdew jiġu mħarrġa u ippreparati persuni professjonali biex ikunu qed jassiguraw li dan isir.  Fil-fatt, tul dawn l-aħħar ħames snin irnexxielna nwaqqfu strutturi ġodda, sija fil-Faċilità, kif ukoll f’dipartiment kompletament ġdid.  F’din id-direzzjoni ġie fis-seħħ id-Dipartiment tal-Probation u l-Parole.  Ilna s-snin b’ġabra tajba ta’ Uffiċċjali tal-Probation jaħdmu sabiex jassistu persuni li jikkommettu reati biex jiġu mmexxija jibdlu ħajjithom.  Dan sar tajjeb ħafna u l-Uffiċjali tal-Probation imxew sew.  Saru wkoll numru ta’ emendi tajba fil-liġi bi preparazzjoni għal-liġi dwar il-Ġustizzja Riparatriċi.

4.             Daħlu għalhekk numru ta’ emendi li għamlu avvanz fuq ħidmet dawn l-Uffiċjali.  Ġiet introdotta sistema iktar faċli biex jidħlu fis-seħħ ordnijiet ta’ ħidma fil-komunità.  Saritilhom faċli u diretta s-sistema tar-rapport meta xi ħadd li jkollu ordni ta’ probation u ma jsegwihiex.  Fil-frattemp però, dan id-dipartiment ġie ristrutturat.  L-ewwel, ma baqax iktar parti mill-Faċilità, iżda sar separat.  It-tieni, ma baqax wieħed li jħares biss lejn l-ordinijiet tal-Probation imma ngħatalu l-inkarigu li jħares lejn il-Parole u s-sezzjoni li tara l-aspett tal-vittmi tar-reat u magħha l-medjazzjoni.

5.             Dan id-dipartiment ġdid, tul dawn l-aħħar snin ra tibdiliet oħra f’żewġ setturi importanti.  L-ewwel, taħriġ aktar aġġornat u f’pajjiżi oħra dwar kif jaħdmu dipartimenti simili.  It-tieni, iż-żieda ta’ iktar persuni li ġew ingaġġati f’livelli differenti sabiex wieħed jipprepara għall-ħidma li titlob il-Ġustizzja Riparatriċi.  Permezz ta’ din il-ħidma ġie mqiegħed f’postu l-pedament li liġi bħal din tirrikjedi.  Ovvjament, dan dejjem mid-dawl ta’ dak li wieħed jara u jaħseb li sejjer ikollu bżonn.  Meta l-liġi ġiet fis-seħħ, is-sostenn neċessarju għaliha kien diġà preparat tajjeb.  Illum għalhekk din ir-riforma, li hija waħda qawwija u ta’ bidla radikali, għandha l-istrutturi neċessarji biex tiffunzjona.  Żgur mhux forsi, maż-żmien ser ikun hemm lok għal iktar, però dak li huwa neċessarju sar u dan ġieb miegħu bidliet kbar.  Il-pajjiż tagħna llum il-ġurnata għandu x-xorti li pajjiżi oħra m’għandhomx: dik li għandu strument ta’ riforma ferm iktar avvanzat u progressiv ta’ kif tneħħi n-nies mid-delinkwenza.

KWISTJONI TA' DINJITA

1. Bħalissa l-aġenda tad-dinja hija mimlija b’tip, metodu ta’ politika barranija li m’aħniex imdorrijin biha. Konfrontattiva flok ibba...