28.2.25

UNJONI EWROPEA U L-KUNSILL TAL-EWROPA - LAQGĦAT

25706. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal: Jista’ l-Ministru jgħid għal liema laqgħat attenda fi ħdan l-Unjoni Ewropea u l-Kunsill tal-Ewropa u dawk li mistenni jattendi għalihom f’dawn l-ewwel sitt xhur tas-sena 2025?

 

18/02/2025

 

ONOR. MICHAEL FALZON:  Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba minnhu hija kif qed ikun elenkat hawn taħt;

 

10 ta’ Marzu Epsco.

 

13 ta’ April Epsco.

 

12 ta’ Ġunju Epsco.

 

Seduta  316

25/02/2025 

UNJONI EWROPEA U L-KUNSILL TAL-EWROPA - LAQGĦAT

25705. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lid- Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu: Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jgħid għal liema laqgħat attenda fi ħdan l-Unjoni Ewropea u l-Kunsill tal-Ewropa u dawk li mistenni jattendi għalihom f’dawn l-ewwel sitt xhur tas-sena 2025?

 

18/02/2025

 

ONOR. IAN BORG:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħala Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu attendejt u ġejt mistieden għal-laqgħat msemmija hawn taħt fl-2025:

 

27 ta’ Jannar – FAC Brussell

24 ta’ Frar –  GAC Brussell

17 ta’ Marzu – FAC Brussell

14 t’April – FAC Lussemburgu

29 t’April – GAC - Varsavja

7 – 8 ta’ Mejju – Gymnich – Varsavja

15 ta’ Mejju – FAC (Kummerċ)  - Brussell

19 ta’ Mejju – FAC Brussell

19 – 20 ta’ Mejju – Forum Umanitarju Ewropew – Brussell

26 ta’ Mejju – FAC (Żvilupp) – Brussell

27 ta’ Mejju – GAC – Brussell

23 ta’ Ġunju – FAC Lussemburgu

 

Barra min hekk, fl-14 ta’ Mejju 2025, ser nattendi l-Laqgħa Ministerjali tal-Kunsill tal-Ewropa li ser issir ġewwa l-Lussemburgu, fejn hemmhekk Malta tieħu uffiċjalment il-Presidenza tal-Kunsill tal-Ewropa.

Ġejt mistieden ukoll nippreżenta l-prijoritajiet ta’ Malta fil-laqgħa tad-Deputati tal-Kumitat tal-Ministri fit-28 ta’ Mejju 2025 ġewwa Strasburgu.

Ser nattendi wkoll il-laqgħa tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa biex nindirizza s-seduta ta’ Ġunju fl-irwol tiegħi bħala President tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa. Din se ssir bejn it-23 u s-27 ta’ Ġunju 2025.

 

Seduta  316

25/02/2025

UNJONI EWROPEA U L-KUNSILL TAL-EWROPA - LAQGĦAT

25704. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid għal liema laqgħat attenda fi ħdan l-Unjoni Ewropea u l-Kunsill tal-Ewropa u dawk li mistenni jattendi għalihom f’dawn l-ewwel sitt xhur tas-sena 2025?

 

18/02/2025

 

ONOR. OWEN BONNICI:  Il-pjan hu li nattendi għall-laqgħa informali tal-EYCS Warsaw, il-Polonja fis-7 u t-8 t’April 2025 u l-laqgħa formali tal-EYCS, Brussell, fit-12 u t-13 ta’ Mejju 2025.

 

Seduta  316

25/02/2025

UNJONI EWROPEA U L-KUNSILL TAL-EWROPA - LAQGĦAT

25703. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika: Tista’ l-Ministru tgħid għal liema laqgħat attendiet fi ħdan l-Unjoni Ewropea u l-Kunsill tal-Ewropa u dawk li mistennija tattendi għalihom f’dawn l-ewwel sitt xhur tas-sena 2025?

 

18/02/2025

 

ONOR. MIRIAM DALLI:  Bħala prassi, u sa fejn ikun possibbli, jien nattendi l-laqgħat kollha li jsiru fi ħdan l-Unjoni Ewropea u li jkunu intenzjonati għall-Ministri responsabbli mit-temi partikolari tal-portafoll ministerjali tiegħi. Ninforma lill-Onor. Interpellant li, din is-sena, s’issa għad ma kienx hemm laqgħat simili.

 

Seduta  316

25/02/2025

UNJONI EWROPEA U L-KUNSILL TAL-EWROPA - LAQGĦAT

25702. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi: Jista’ l-Ministru jgħid għal liema laqgħat attenda fi ħdan l-Unjoni Ewropea u l-Kunsill tal-Ewropa u dawk li mistenni jattendi għalihom f’dawn l-ewwel sitt xhur tas-sena 2025?

 

18/02/2025

 

ONOR. CHRIS BONETT:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li f’Marzu mistenni nattendi għall-Kunsill Informali tat-Trasport li se jseħħ f'Varsavya, il-Polonja, u f’Ġunju hemm skedat il-Kunsill Formali tat-Trasport fil-Lussemburgu.

Mill-bidu tas-sena s'issa, ma kien hemm l-ebda laqgħa Ministerjali fi ħdan  l-Unjoni Ewropea jew l-Kunsill tal-Ewropa jew laqgħat formali oħra fi ħdan l-Unjoni Ewropea li kellhom x’jaqsmu mal-kompetenza tal-ministeru.

 

Seduta  316

25/02/2025

UNJONI EWROPEA U L-KUNSILL TAL-EWROPA - LAQGĦAT

25701. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali: Jista’ l-Ministru jgħid għal liema laqgħat attenda fi ħdan l-Unjoni Ewropea u l-Kunsill tal-Ewropa u dawk li mistenni jattendi għalihom f’dawn l-ewwel sitt xhur tas-sena 2025?

 

18/02/2025

 

ONOR. ANTON REFALO:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li sa issa attendejt għal laqgħa waħda tal-Agrifish fis-27 ta’ Jannar ġewwa Brussell.

 

Fis-sitt xhur li ġejjin hemm pjanat li nattendi laqgħat hekk kif ġej:

-                     24 Frar                       Agrifish                              Brussell

-                     24 Marzu                    Agrifish                              Brussell

-                     28 April                      Agrifish                              Lussemburgu      

-                     26 Mejju                    Agrifish                              Brussell

-             15 - 17 Ġunju                     Agrifish (Informali)           Polonja

-             23 - 24 Ġunju                     Agrifish                              Lussemburgu (mhux konfermata)

 

Seduta  316

25/02/2025

L-ISPIRTU TA' YALTA

1. Wara tmenin sena minn meta seħħet laqgħa importanti f’din il-belt mill-isbaħ, tajjeb li wieħed jifhem u forsi jirrifletti. Art li llum għaddejja minn ħafna nkwiet u instabilità. Forsi f’dan nistgħu nħarsu lura lejn dak li kien seħħ bejn l-4 u l-11 ta’ Frar 1945, meta finalment iltaqgħu t-tlett mexxejja li kellhom f’idejhom il-gwerra kontra n-Nażi-Faxxiżmu. Persuni kbar li għarfu jmexxu popli fi ġlieda xejn faċli. Josef Stalin (1878-1953) għall-Unjoni Sovjetika, Winston Churchill (1874-1965) għar-Renju Unit u Franklin Delano Roosevelt (1882-1945) għall-Istati Uniti tal-Amerika. Hemm ġew f’daqqa sabiex jiddiskutu diversi punti fi gwerra li kienet qed tersaq lejn tmiemha. Għal uħud kien mument biex tiġbor flimkien u tipprova ssolvi kwistjonijiet ta’ politika futura f’punti komuni u f’kif tipprova ġġib alleanza militari trasformata f’waħda politika u ekonomika bejn dawn it-tlett Stati. Riedu dinja fejn tikber il-paċi, fejn tikber l-abbundanza ekonomika u tispiċċa l-iskarsità, fejn tinbena struttura ġdida fil-Ġnus Magħquda u li din tikkonsolida l-poter veru f’idejha f’Kunsill ta’ Sigurtà viġilanti.

Mument partikolari

2. Fil-fatt kien mument determinanti fl-istorja tat-Tieni Gwerra Dinjija. Pass ukoll neċessarju billi l-Alleati ma setgħux iħallu t-truf mhux miġbura f’direzzjonijiet, ideat politiċi li fihom ma jkunx hemm linja li taqbad futur komuni u stabbilit. Kien ukoll, imma iktar partikolari billi f’dak il-ħin l-Armata Russa kienet f’vantaġġ kbir fuq ix-xenarju militari. Waqt li ġew f’daqqa dawn il-mexxejja, ir-Russi kienu avvanzaw sew lejn Berlin, iddistruġġew fi triqithom ħamsa u erbgħin diviżjoni Tedeska u għamlu erba’ mitt elf suldat priġunier. Kien aktar hekk u f’dan għax kien ħaqqhom il-gratitudni li esprimew l-Alleati l-oħra lejhom proprju f’dak li dan il-mument kien jirrappreżenta. Dan għax kienu ħadu fuqhom l-attenzjoni Tedeska. Fil-mument meta fil-battalja magħrufa bħala “The Bulge” f’Diċembru 1944 kienu taw kedda sew lill-Anglo Amerikani. Il-prestiġju militari Russu ma setax ikun akbar milli f’dak il-mument li nġabru f’daqqa dawn il-mexxejja.

Setgħu ċertament

3. B’dak li kien għaddej fil-kamp tal-battalja, l-Unjoni Sovjetika setgħet għalhekk ħadet il-Ġermanja, speċjalment Berlin waħdedha qabel jaslu l-Alleati l-oħra. Imma fit-taħdidiet li kien hemm f’Yalta huma qablu li ma jwettqux dan u għalhekk ir-rebħa kellha tkun tat-tlieta. Fil-laqgħa proprju qamu diversi punti oħra li fil-fatt għadhom jidwu magħna llum. Hemm id-dinja nqasmet f’forma ta’ żoni ta’ influwenza imma l-għoqiedi għadhom jidwu biex jinħallu. Kien hemm il-kwistjoni ta’ x’għandu jsir mill-Ġermanja, kif kellha tinqasam u xi ħlasijiet kellha tħallas. Kien hemm dik Pollakka, xi gvern u xi fruntieri kellu jkollha. F’dak li jingħad li Stalin kien spjega lill-Alleati li l-Polonja kienet kwistjoni ta’ unur u sigurtà għalihom. Dik tat-twaqqif tal-Ġnus Magħquda bil-kumplikazzjonijiet ta’ min kellu jkun fil-Kunsill tas-Sigurtà u x’poteri dwar x’hiex setgħu jeżerċitaw il-veto. Iċ-Ċina, li kienet għadha b’partijiet okkupati mill-Ġappun. L-Iran, bil-bjar taż-żejt li kellu u li għad għandu.

Bilanċi u suspetti

4. Id-diskussjonijiet ma kinux nieqsa minn suspetti reċiproċi. Anke jekk, kif nafu, li Churchill u Roosevelt kienu ltaqgħu ftit qabel f’pajjiżna bejn it-30 ta’ Jannar u t-2 ta’ Frar 1945, ma kienx hemm qbil perfett. Imma f’Yalta nbena forma ta’ bilanċ f’dak li kellu jkun għalihom. Kull parti daħlet u ħarġet b’dak li ħasbet li kien l-aħjar u dak li ppretendiet li l-oħrajn ser iġibu ruħhom fih fil-futur. Però nafu aktar fil-qosor li wara li l-Gwerra ġiet fi tmiemha, dawk li kienu alleati ma baqgħux iktar hekk. Saru verament rivali. Effetti li ġew minħabba l-fatt li Roosevelt miet ftit wara u laħaq Harry Truman (1884-1872) u dak tal-politika li ġiebet posponiment ta’ diversi punti li baqgħu mdendla. Ma’ dan, sakemm kien hemm il-Ħajt ta’ Berlin kien hemm mhux biss rivalità, imma forma ta’ bilanċ fis-suspetti li komplew u fit-theddid sottili jew inqas li rajna. Id-dinja saret iktar qisha skakkiera, b’mossa kontra-mossa. Meta waqa’ l-Ħajt ta’ Berlin u l-Unjoni Sovjetika ġiet żarmata, il-pożizzjoni nqalbet tant li l-iżbilanċi kibru bejn dawk li kienu qabel alleati b’Federazzjoni Russa inqas b’saħħitha mill-Unjoni Sovjetika.

Illum

5. F’dak kollu li seħħ f’dawn is-snin, tajjeb li nirriflettu mill-ġdid. Inħarsu lejn l-istorja u r-reazzjonijiet li r-riżentimenti passati jagħtu. Dak li hu għaddej jidher aktar li ġej minn hemm, u wieħed irid jifhem aktar dan. Għalhekk f’dan għandna iktar nippruvaw nirriflettu, l-ewwel proprju fil-mument storiku li ninsabu fih waqt din it-tielet sena ta’ din il-gwerra li għaddejja f’Ukrajna b’din l-invażjoni tal-Federazzjoni Russa; it-tieni fil-ħsieb li din il-belt ta’ Yalta bidlet l-idejn mill-ġdid għax wara t-tmiem tal-Ħajt għaddiet f’idejn l-Istat tal-Ukrajna u issa tinsab okkupata; u t-tielet f’dak li qiegħed jingħad bil-bidla tal-Presidenza Amerikana. Kemm il-partijiet segwew skont il-viżjoni oċċidentali l-loġika u kemm it-trattattivi li jidher li bdew jagħmlu sens hija f’dan li trid attenzjoni. Il-pożizzjonijiet inbidlu ħafna u f’dak li qiegħed jingħad mill-President Donald Trump ferm aktar ukoll.

Ftehim jew le

6. Min ser jersaq mal-mejda tat-trattattivi għad irridu naraw. X’ser jiġi diskuss huwa xi ħaġa oħra, imma huwa iktar importanti li tinqabad it-triq għal ftehim. Wieħed li jagħmel sens u jirrispetta kemm huwa possibbli l-pożizzjonijiet rispettivi. Wieħed li ma jipposponix, imma li jaffronta l-kwistjonijiet b’dawk involuti. Ma jistax, għalhekk, f’dan ikun hemm ftehim jekk ma jkunx hemm preżenti l-Unjoni Ewropea, it-Turkija u Volodymyr Zelensky (1978). Huwa tajjeb għal ftehim veru u fit-tul. Mhux biżżejjed l-Istati Uniti u l-Federazzjoni Russa waħedhom. F’dan hemm linja ta’ prinċipju li qiegħed fuq il-mejda, imma hemm ukoll il-kumplikazzjonijiet veri li ħarġu. Aktar u aktar waqt li qed naraw tibdiliet li wieħed jistaqsi lilu nnifsu jekk huwiex jisma’ sew. Il-bidliet verament sew saru f’dawn it-tmenin sena.

Fl-ispirtu

7. Nittamaw li l-vantaġġi ta’ Yalta jiġu identifikati u li l-iżbalji li seħħew ma jirrepetux ruħhom. Nittamaw li l-ispirtu li kellhom dak iż-żmien, b’xi mod, jirrendi ruħu lura. Fil-11 ta’ Frar 1945 kienu dawn it-tlett mexxejja li fil-ftehim tagħhom kienu ddikjaraw hekk: “Our meeting here in Crimea has reaffirmed our common determination to maintain and strengthen in the peace to come that unity of purpose and of action which has made victory possible and certain for the United Nations in this war. We believe that this is a sacred obligation which our Governments owe to our peoples and to all the peoples of the world.” Nittamaw li dan id-dmir qawwi jinħass mill-ġdid sabiex tirrenja l-paċi fil-ġustizzja. Nittamaw li l-ispirtu ta’ Yalta jikber, jispira, jfiehem u jkattar mill-ġdid lilu nnifsu.

IL-MUŻEW MARITTIMU

25700. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid kemm daħlu persuni fil-Mużew Marittimu matul is-sena 2024 u jekk hux ser jerġa’ jagħmel perjodu kompletament magħluq biex isiru xi xogħlijiet ulterjuri?

 

18/02/2025

 

ONOR. OWEN BONNICI:  Ninforma lill-Onor. Interpellant jagħmel referenza għal-mistoqsija parlamentari 24354 fir-rigward tal-viżitaturi bi ħlas fil-Mużew Marittimu matul is-sena 2024.

 

Rigward ix-xogħolijiet ninsab infurmat li ġew konklużi s’issa kienu biss l-ewwel fażi ta’ dan il-proġett maġġuri. Il-mużew se jerġa’ jagħlaq il-bibien lejn nofs din is-sena sabiex ix-xogħol infrastrutturali jkun jista’ jitkompla aktar tard din is-sena, u mistenni jieħu madwar tliet snin biex jitlesta.

Seduta  315

24/02/2025

AFM COMPLAINTS BOARD - COMMISSION FOR INJUSTICES

25699. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol: B’referenza għall-operat tal-AFM Complaints Board - Commission for Injustices, jista’ l-Ministru jgħid abbażi ta’ liema parametri ġew deċiżi l-pagamenti indikati ‘ex-gratia’ billi kien hemm xi diskrepanzi varji?

 

18/02/2025

 

ONOR. BYRON CAMILLERI:  Ninsab infurmat li l-pagamenti saru fuq bażi ex-gratia bħala full and final settlement għall-proċess tal-ilmenti rispettivi quddiem il-board. Dan il-pagament kien tal-istess ammont għal kulħadd..

 

Seduta  315

24/02/2025

MALTA LIBRARIES - RIMI TA’ KOTBA ‘ANTIKI’

25698. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 25522 fl-intier tagħha u jispjega għala ma ngħatax id-direzzjoni biex dawn il-kotba jingħataw bħala donazzjoni minflok jintremew kompletament?

 

18/02/2025

 

ONOR. OWEN BONNICI:  Ninsab infurmat li l-Malta Libraries ma tarmix kotba li jistgħu jintużaw mod ieħor filfatt ċerta kotba jiġu offruti lill-klijenti tagħna bi prezz baxx ħafna u l-flus jerġgħu jintużaw biex nixtru kotba ġodda, ċerta kotba jittieħdu minn artisti għal crafts, kotba oħra jintefgħu f’dawn il-libreriji li jinsabu fil-ġonna biex jittieħdu b’xejn,u l-kotba li jkunu f’kundizzjoni ħażina ħafna, bis-susa u maħmuġin imorru riċiklaċċ għax ikunu ta’ detrement għas-saħħa.  Dan l-eżerċizzju huwa segwiet ukoll mill-libreriji internazzjonali u huwa mportanti biex inżommu l-libreriji tagħna attwali, relevanti u ħajjin.

 

Seduta  315

24/02/2025

SPTAR SAN LUQA - TINDIF U L-MANUTENZJONI TAS-SOQFA

25697. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva: Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 25523 u ċjoè: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 22860, jista’ l-Ministru jagħti informazzjoni dwar l-eżitu tal-ispezzjonijiet tax-xogħlijiet ta’ tindif u l-manutenzjoni tas-soqfa tal-Isptar San Luqa u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapport relattiv?

 

18/02/2025

 

ONOR. JO ETIENNE ABELA:  Ninsab infurmat li l-ispezzjonijiet mill-esperti għadhom għaddejjin u fil-ġimgħat li ġejjin mistenni r-rapport finali sabiex jinbeda ix-xogħol ta' manutenzjoni hekk kif meħtieġ.

 

Seduta  315

24/02/2025

FAĊILITÀ KORRETTIVA TA’ KORDIN - MULTI

25537. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol: Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin li matul is-sena 2024 skontaw il-multa tagħhom u kemm kienu l-ammonti komplessivi hekk skontati?

 

13/02/2025

 

ONOR. BYRON CAMILLERI:  Ninsab infurmat li matul is-sena 2024 kien hemm 109 persuni li skontaw multa jew multi kkonvertiti f’ħabs. Kumplessivament, dawn il-multi ammontaw għal- €212,390.57

 

Seduta  315

24/02/2025

FAĊILITÀ KORRETTIVA TA’ KORDIN - SENTENZI TA’ ĦABS TA’ INQAS MINN TNAX-IL XAHAR

25536. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol: Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin li matul is-sena 2024 kienu qed jiskontaw sentenza ta’ ħabs ta’ inqas minn tnax-il xahar?

 

13/02/2025

 

ONOR. BYRON CAMILLERI:  Ninsab infurmat li matul is-sena 2024, 471 il-persuna kienu qed jiskontaw sentenza ta’ ħabs ta’ inqas minn tnax-il xahar fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.

Seduta  315

24/02/2025

24.2.25

DUBBIEN, NEMUS U LJUNFANTI

1. Fl-ekosistema tagħna, f’dik tad-dinja sħiħa li aħna mistednin ngħixu fiha, hemm diversi speċje li jikkomponuha. Ilkoll bil-qies u d-daqs tagħhom, imma fil-fatt ilkoll maħluqa biex jgħixu flimkien. Kull insett, kull annimal fuq din l-art huma hemm biex mhux biss ikunu f’daqqa, imma sabiex jgħinu lil xulxin. F’dan huwa veru wkoll illi aħna l-bnedmin ma tantx nieħdu gost bil-fittaġni tad-dubbien, u wisq inqas bil-preżenza tan-nemus, u nibqgħu pass ’il bgħid mill-preżenza ta’ iljunfant. Imma f’dan nagħrfu li ma jistax ikollok dinja jekk dawn ma jkunux hemm ilkoll f’daqqa. Anzi ninkwetaw meta xi annimal narawh fil-periklu li jispiċċa mill-eżistenza. Għax ilkoll għandhom skop.

Il-Pajjiż

2. F’ħafna, hekk aħna lkoll. Id-demokrazija li ngħixu fiha, li hija l-ekosistema politika, hija magħmula minn bnedmin differenti. Dawk li għandhom karattri partikolari. Uħud tmur tajjeb magħhom. Imma oħrajn huma fitti bħad-dubbien, jew iniggżu bħan-nemus. Oħrajn ukoll huma, fil-guffaġni tagħhom, iljunfanti. Imma jkun żball soċjali jekk b’xi mod naħsbu li nistgħu naċċettaw biss il-ftit u neskludu lill-ħafna, l-iktar dawk li jdejquna. Kull persuna huwa mwieled bil-karattru tiegħu u bi skop preċiż. Hija verament abbiltà fid-demokrazija li min imexxi jrid jagħraf ikun il-persuna li tieħu ħsieb il-bżonnijiet ta’ kulħadd, inti ġej minn fejn ġej. F’isem is-sewwa u mhux għal skopijiet oħra, kif inkiteb fil-ktieb ta’ George Orwell (1903-1950), Animal Farm (Ir-Razzett tal-Bhejjem). Dak li kien qalilna li: “In a time of deceit telling the truth is a revolutionary act.”

Liġijiet

3. Diġà, fis-sistema legali u kostituzzjonali tagħna, għandna l-wirt ta’ snin li permezz tagħhom il-bnedmin fuq dawn il-gżejjer għandhom id-drittijiet. Anzi, għandhom iktar drittijiet minn ġenerazzjonijiet passati. Għandhom liġi suprema li fiha hemm id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali mniżżla. Ħadna s-snin biex ktibnihom, bnejnihom u applikajnihom. Proċess ta’ progress u żvilupp uman. Dak li mhux biss ma jippermettix li mmorru lura minnhom, imma anqas li nonqsu milli niddefenduhom. Huwa minnu li nħarsu lejn il-Qrati tagħna bħala dawk li jwettqu l-ġustizzja meta dawn jiġu miksura. Imma daqshekk ieħor hemm dan il-piż fuq kull min għandu kariga jew ħatra f’pajjiżna. Nagħrfu f’dan li l-President tar-Repubblika għandha naturalment din il-funzjoni, imma daqshekk ieħor il-Prim Ministru ta’ pajjiżna.

Vuċijiet u opinjonijiet

4. Fost dawn hemm id-dritt li wieħed jesprimi l-opinjoni tiegħu fuq kollox. Fil-libertà, vuċijiet varji fis-soċjetà jgħidu tagħhom. Illum aktar mill-bieraħ, bl-użu tal-mezzi soċjali u dak kollu li qiegħed, biċċa biċċa, jiżviluppa ruħu. Tista’ taqbel ma’ dak li jingħad u tista’ le, imma trid tagħraf li hemm ġid fl-ekosistema soċjali li jingħad. Hemm min ma jittollerax lil dawk li ma jaqblux miegħu tant li jċekkinhom, jirredikolahom u jemarġinahom. Imma lkoll nafu li fis-soċjetà huwa vantaġġ li tisma’ lil kull persuna. Hemm vantaġġ li tara x’inhuwa jingħad, u meta tkun Prim Ministru li tibqa’ tisma’ u tiddefendi lil dawk stess li ma jaqblux miegħek, inkella lil dawk li turi li tippretendi minnhom li ma jitkellmux.

Verament

5. F’dan huwa minnu li wieħed jiddejjaq mid-dubbien, li anke jekk tkeċċih, jibqa’ jiġi fuqek u jiffittak. Daqshekk ieħor in-nemus li jdur madwarek u jniggżek, anke jekk taf li għandek il-jiem biex imur l-effett tat-tniggiż minn fuqek, anke jekk tibqa’ tħokkhom. Biss, biex tneħħi l-fastidju ma tużax il-piż ta’ ljunfant li għandek f’idejk biex tipprova teliminahom. Mhux ser jirnexxilek u ser jibqgħu jduru, jistennew il-mument meta jibdew jiffittawk lura u jduru madwarek. Flok jonqsu, tagħtihom aktar skop biex ikomplu.

Fejn ninsabu

6. Ninsabu fid-demokrazija, u f’din, min imexxi l-pajjiż irid jagħraf jirrispetta lil dawk li ma jaqbilx magħhom. Irid jagħraf jieħu fil-kalatura l-ħsieb tal-oħrajn, u jispjega bil-fatti u l-argumenti veri għala ma jaqbilx. Ma jridx jattakkahom fil-persuna tagħhom, imma jirrispetta d-dritt fundamentali tagħhom li jgħidu dak li jidhrilhom. Ikun qiegħed imur lura jekk jattakka u jipprova jagħlaq ħalq jew ħidmet l-oħrajn. Għax kif diversi qed jgħidu, huwa tajjeb li għad għandna s-sistema tal-inkjesti maġisterjali legali kif għadha ħajja sal-lum. Huwa ħażin li titneħħa kompletament, kif ser iseħħ. Ikun, anzi, ferm aħjar jekk tiġi perfezzjonata aktar, sabiex tkun għodda iktar diretta li tiggarantixxi t-trasparenza, il-kontabilità u l-legalità. Waqt li f’dan inżommu quddiemna bħala gwida dak li kien qal Orwell, li fi żmien l-ingann huwa rivoluzzjonarju li wieħed jgħid il-verità, niftakru li d-dubbien u n-nemus ma tneħħihomx b’iljunfant.

FAĊILITÀ KORRETTIVA TA’ KORDIN - SENTENZI TA’ ĦABS

25535. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol: Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin fl-aħħar ta’ Diċembru 2024 li huma sentenzjati u qed jiskontaw il-piena tagħhom?

 

13/02/2025

 

ONOR. BYRON CAMILLERI:  Infurmat li fl-aħħar ta’ Diċembru 2024 kien hemm 431 -il persuna li huma sentenzjati u qed jiskontaw il-piena tagħhom ġewwa l-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.

 

Seduta  314

19/02/2025

FAĊILITÀ KORRETTIVA TA’ KORDIN - KAŻIJIET BIEX JIĠU DEĊIŻI

25534. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol: Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin fl-aħħar ta’ Diċembru 2024 li kienu qed jistennew li l-każ tagħhom jiġi deċiż u l-proċess determinat?

 

13/02/2025

 

ONOR. BYRON CAMILLERI:  Infurmat li li fl-aħħar ta’ Diċembru 2024, 268 -il persuna kienu qed jistennew li l-każ tagħhom jiġi deċiż u l-proċess determinat waqt li kienu fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.

 

Seduta  314

19/02/2025

IL-KALKARA - BIGHI - XOGĦLIJIET

25533. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 22861, jista’ l-Ministru jgħid f’liema stadju jinsabu x-xogħlijiet f’Bighi, fil-Kalkara?

 

13/02/2025

 

ONOR. OWEN BONNICI:  Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposti mogħtija fil-mistoqsijiet preċedenti PQ 7948, PQ 11305, PQ 12938 u PQ 22861 dwar dan is-suġġett. Dan ix-xogħol qed isir minn Infrastructure Malta permezz ta’ kuntrattur imqabbad minnhom.

 

Minħabba tibdil fil-pjanijiet oriġinali tas-sit u t-tisħiħ tal-ħitan u l-blat taħt il-wiċċ, id-disinji – inkluż dawk relatati mal-moll li għandu jinbena minn Infrastructure Malta – kellhom jiġu riveduti. Dan ix-xogħol qed isir b’mod parallel max-xogħol ieħor ta’ Infrastructure Malta fuq il-bqija tal-ħitan ta’ barra, li jibdew min-naħa tal-Esplora u jdawwaru sa fejn seħħ il-kollass imsemmi.

 

Għaldaqstant, il-fażi preliminari tal-istudji issa waslet fi tmiemha, sabiex ix-xogħol fuq il-moll ikun jista’ jibda ladarba l-iskavi fis-sit ikunu kważi lesti. Id-disinji ġew riveduti mill-ġdid biex jiġu definiti l-iskavi meħtieġa, sabiex ix-xogħol fuq il-moll ikun jista’ jibda min-naħa tal-art.

 

Seduta  314

19/02/2025

KONGO U RWANDA - POŻIZZJONI DIPLOMATIKA

25532. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu: Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jgħid x’pożizzjoni diplomatika ttieħdet u x’rappreżentazzjonijiet saru fil-konfront tal-gwerra ċivili li għaddejja fil-Kongo u Rwanda u jekk pajjiżna huwiex b’xi mod jgħin umanitarjament?

 

13/02/2025

 

ONOR. IAN BORG:  Ninforma lill-Onor. Interpellant illi minn meta beda l-kunflitt bejn ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo u r-Rwanda, Malta ħadet inizjattivi bilaterali u diplomatiċi biex tikkundanna l-eskalazzjoni tal-vjolenza li ħalliet mijiet ta’ eluf ta’ ċivili spostati. Nibqgħu mħassba dwar l-iżviluppi riċenti, li jheddu l-istabbiltà tal-pajjiż u tar-reġjun, u ninsabu fi qbil sħiħ mal-pożizzjoni uffiċjali tal-Unjoni Ewropea dwar dan il-kunflitt kif espressa fid-dikjarazzjoni mill-Viċi President u Rappreżentant Għoli Kallas tal-25 ta’ Jannar 2025.

 

F’dan l-istadju, il-prijorità tagħna għandha tibqa’ l-ħarsien tal-integrità territorjali tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo. Malta temmen li huwa kruċjali li l-partijiet kollha involuti fil-kunflitt jirritornaw għal-laqgħat ta’ negozjar u li l-istati jżommu mal-impenn tagħhom, kif imwiegħed waqt is-Summit tal-Komunità tal-Afrika tal-Lvant u l-Komunità għall-Iżvilupp tal-Afrika t’Isfel fit-8 ta’ Frar 2025. Dawn l-isforzi għandhom iwasslu għal waqfien tal-ostilitajiet, aċċess umanitarju mingħajr xkiel, u l-bidu mill-ġdid tal-proċess ta’ djalogu permezz tal-Proċessi ta’ Luanda u Nairobi. Fl-istess waqt, jeħtieġ li jingħataw l-għajnuniet umanitarji lil dawk milquta, u s-sigurtà tal-persunal umanitarju trid tkun garantita.

 

Dan il-kunflitt kien ukoll indirizzat matul il-mandat ta’ Malta bħala membru elett fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, fejn Malta dejjem sostniet il-Missjoni ta’ Stabbilizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Magħquda fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (MONUSCO - Missjoni ta' Stabbilizzazzjoni tal-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Magħquda fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo) bil-għan li jipproteġu liċ-ċivili u jistabbilizzaw ir-reġjun. Malta sejħet ukoll lil kull parti involuta biex tirrispetta l-mandat ta’ MONUSCO u enfasizzat il-ħtieġa li jissaħħu l-isforzi biex tiġi promossa l-koperazzjoni reġjonali u jiġu indirizzati l-kawżi ewlenin tal-kunflitt. Malta se tkompli tappoġġa dawn l-isforzi, li huma aktar essenzjali minn qatt qabel fid-dawl tal-kuntest attwali.

 

Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-kwistjonijiet umanitarji, il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu bħalissa qed jaħdem biex jidentifika atturi umanitarji affidabbli li qed jaħdmu fuq il-post fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, bl-għan li jipprovdi appoġġ finanzjarju għall-isforzi tagħhom fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin.

 

Seduta  314

19/02/2025

SUDAN - GWERRA ĊIVILI - POŻIZZJONI DIPLOMATIKA

25531. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu: Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jgħid x’pożizzjoni diplomatika ttieħdet u x’rappreżentazzjonijiet saru fil-konfront tal-gwerra ċivili li għaddejja fis-Sudan u jekk pajjiżna huwiex b’xi mod jgħin umanitarjament?

 

13/02/2025

 

ONOR. IAN BORG:  Ninforma lill-Onor. Interpellant illi minn meta beda l-kunflitt fis-Sudan, Malta baqgħet konsistenti fl-enfasi tagħha fuq l-importanza li tinżamm l-għaqda, is-sovranità u l-integrità territorjali tas-Sudan, filwaqt li sejħet għal waqfien immedjat u mingħajr kundizzjonijiet tal-ġlied sabiex jiffaċilita’ djalogu politiku u triq lejn il-paċi. Malta tkompli tappoġġa l-isforzi diplomatiċi mill-Unjoni Afrikana (AU), l-Awtorità Intergovernattiva dwar l-Iżvilupp (IGAD), il-Lega tal-Istati Għarab, in-Nazzjonijiet Magħquda (UN), kif ukoll il-kontributi minn pajjiżi bħas-Sawdi Arabja, l-Eġittu, l-Iżvizzera, it-Turkija u l-Istati Uniti.

 

Malta wkoll kienet soda fil-kundanna tagħha tal-azzjonijiet ta’ atturi kemm statali kif ukoll mhux statali li kkontribwew għal ammont ta’ mewt u qerda fost iċ-ċivili kważi mingħajr preċedent, u li l-għemil tagħhom wassal għas-sitwazzjoni diżastruża preżenti. Aktar minn 10 miljun persuna ġew spostati internament, filwaqt li aktar minn 2 miljuni ħarbu lejn pajjiżi ġirien.

 

Malta hija ferm imħassba li aktar minn 20 miljun persuna fis-Sudan jeħtieġu assistenza umanitarja urġenti, iżda minħabba l-vjolenza persistenti, numru żgħir biss minn dawn irċevew l-għajnuna meħtieġa. F’dan il-kuntest, huwa kruċjali li jitneħħew l-ostakli għall-aċċess umanitarju u li d-daħliet biex taqsam il-fruntieri fis-Sudan jibqgħu miftuħa sabiex l-għajnuna tilħaq lil dawk fil-bżonn.

 

Malta temmen bis-sħiħ li dawk kollha responsabbli għall-kriżi attwali għandhom jiġu identifikati u miżmuma responsabbli għall-atroċitajiet li wettqu u li għadhom iwettqu. F’dan ir-rigward, Malta appoġġjat bis-sħiħ l-isforzi tal-Unjoni Ewropea biex timponi miżuri restrittivi fuq individwi u entitajiet li heddew il-paċi, l-istabbiltà u s-sigurtà tas-Sudan, u se tkompli tappoġġa sanzjonijiet addizzjonali kontra dawk fil-pożizzjonijiet ta’ tmexxija li jfixklu l-operazzjonijiet umanitarji u r-ritorn għal tranżizzjoni demokratika.

 

Fl-aħħar nett, kif indikajna bosta drabi matul il-mandat ta’ Malta fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda bejn l-2023 u l-2024, Malta temmen li t-tranżizzjoni lejn gvern demokratiku trid tibqa’ l-għan aħħari għas-Sudan, flimkien ma’ żieda konsiderevoli fl-għajnuna allokata għaċ-ċivili fil-pajjiż. Minn meta beda l-kunflitt fl-2023, il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu ta madwar €125,000 f’għajnuna umanitarja, u l-Ministeru se jkompli jipprovdi din l-assistenza matul l-2025.

 

Seduta  314

19/02/2025

ĦAL TARXIEN - TRIQ L-ANNUNZJATA - XOGĦLIJIET

25530. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika: Tista’ l-Ministru tgħid x’xogħlijiet qed isiru fi Triq l-Annunzjata, f’Ħal Tarxien u kemm ser idumu għaddejjin?

 

13/02/2025

 

ONOR. MIRIAM DALLI:  Ninsab infurmata li fiż-żona indikata, bħalissa għaddej ix-xogħol fuq it-tieni fażi ta’ rinfurzar fis-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku u x-xogħlijiet min-naħa ta’ Enemalta fit-triq imsemmija huma lesti fejn tpoġġew cables ġodda u t-trinek imtlew bil ‘backfilling’.

 

Seduta  314

19/02/2025

20.2.25

KIEN JAGĦTINA PARIR

1. Fil-ħajja kostanti tiegħu, il-bniedem jaġixxi u jirreaġixxi. F’diversi setturi, l-azzjoni u r-reazzjoni jiġu f’daqqa wara xulxin. F’oħrajn le, speċjalment fil-kamp politiku, fejn diversi drabi jkun żball li wieħed iwieġeb immedjatament, u anzi, ħafna drabi jkun aħjar li jibqa’ jistenna u jipposponi. Mhux faċli, u l-bnedmin huma marbuta mal-imperfezzjonijiet tagħhom li jwassluhom jiżbaljaw. Imma tajjeb li jieħdu parir.

Ftit għarfien


2. Ħafna drabi, f’dawn il-pożizzjonijiet jiġu ssagrifikati dawk li m’għandhomx. Hemm wirt storiku, soċjali, kulturali, reliġjuż, legali li xi drabi jiġi mixħut għall-arja u distrutt. F’dan, mhux ħafna bnedmin għandhom l-arti tal-ġudizzju u jifhmu meta u kif, u jekk għandhomx jaslu għal dawn il-passi. L-istorja turi li dik il-linja aħjar jekk ma tinqabiżx, anke jekk tidher neċessità tant qawwija li hija inevitabbli. F’dan, meta wieħed iħares lura jibqa’ jirrealizza li kien ikun aħjar li ma wettaqx dak li għamel.

F’dawn il-jiem


3. Dan huwa iktar rilevanti f’dawn il-ġranet li niftakru mill-ġdid f’dak li seħħ fil-15 ta’ Frar 1944 ġewwa l-Italja. Meta ttieħdet id-deċiżjoni żbaljata li jiġi attakkat mill-ajru l-Monasteru ta’ Montecassino. Monument reliġjuż u storiku mwaqqaf fil-529 sena W.K. minn San Benedittu, il-fundatur tal-Ordni magħrufa bħala ‘tal-Benedittini’. Post mimli b’wirt li għadda minn ġenerazzjoni għal oħra. Kien il-post li għalkemm parti mil-linja tad-difiża Tedeska ma kienx okkupat jew użat militarment minnhom. Imma żbaljatament, kien hemm min fuq in-naħa allejata li kien konvint li kien hemm suldati Tedeski fih u li kienu libsin ukoll ta’ patrijiet. Ajruplani varji kissruh fix-xejn. Għax dak li ma kienx, sar wara. Sar kamp tal-battalja li eluf ta’ nazzjonijiet varji tilfu ħajjithom fih.

Neċessità militari


4. Kien żbaljat aktar u jibqa’ hekk proprju għax ftit xhur qabel, f’Diċembru tal-1943, il-Kap Kmandant tal-Forzi Amerikani, Dwight D. Eisenhower (1890-1969), li aktar tard sar huwa wkoll President tal-Istati Uniti, kien għadda direzzjoni lis-suldati magħrufa bħala ‘Protection of Cultural Property Order’, fejn waqt li fakkar li l-Italja kienet sinjura fil-patrimonju, ordna li din kellha tkun rispettata. Anzi, huwa kien qal: “Which by their creation helped and now in their old age illustrate the growth of the civilization which is ours.” Fl-istess kitba daħal fil-bilanċ li huwa ħass li jrid isir: “If we have to choose between destroying a famous building and sacrificing our own men, then our men’s lives count infinitely more and the buildings must go. But the choice is not always so clear as that ... Nothing can stand against the argument of military necessity. That is an accepted principle. But the phrase ‘military necessity’ is sometimes used where it would be more truthful to speak of military convenience or even personal convenience.”

Żball traġiku

5. Minkejja dan għamlu l-kontra, ċertament minħabba pressjoni kbira u b’nuqqas kbir ta’ informazzjoni korretta dwar dak li kien qiegħed jiġri verament f’Montecassino. Fatti ħżiena jwasslu għalhekk. Ittieħdet id-deċiżjoni biex jiġi bbumbardjat. Diversi kienu rreżistew. Oħrajn ukoll, bħall-Ġeneral Ingliż Mark Clark (1896-1984), li jidher li kien ukoll kontra, wara ddeskriva kollox bħala “a tragic mistake”. Wieħed li għadu magħda sal-lum. Niftakru fih proprju f’din i-sena fit-tmenin anniversarju tat-tmiem ta’ dak il-kunflitt. Monument li ħa għoxrin sena biex jinbena lura mill-ġdid u li nfetaħ fl-1964. Pass li seħħ ukoll mertu u kredtu tal-Patri Benedittin Malti u Senglean Dom Mauro Inguanez (1887-1955), li din is-sena nfakkru s-sebgħin sena mill-mewt tiegħu. Kien hu li ħa ħsieb li diversi dokumenti ta’ valur li kien hemm jittieħdu Ruma għall-protezzjoni. Kien hu wkoll li siefer fl-irkejjen tal-Istati Uniti jitlob l-għajnuna finanzjarja biex il-post jinbena mill-ġdid. Kien hu li għadda minn din it-traġedja.

Ftakart


6. Quddiem dan kollu ftakart iktar f’dak li ninsabu għaddejjin minnu fil-Parlament. Għax f’dan wieħed għandu jżomm quddiem għajnejh li huwa faċli li tkisser u żżarma patrimonju milli tissudah. Sija jekk dan ikunx f’monumenti storiċi li jkollhom bżonn ir-restawr, kif ukoll jekk ikunx parti mill-wirt legali tagħna li jkollu l-bżonn li jintgħaraf mill-ġdid. Il-prinċipju għas-sewwa huwa li s-sustanza żżommha, tippriservaha mingħajr ma tarmiha. Jekk fis-sekli ġbarna ħafna direzzjoni tajba kif norganizzaw ruħna fil-ġustizzja rridu nkunu attenti sew qabel nibdlu dak li għandna. Diversi drabi jsir l-argument li għax liġi ilha mijiet ta’ snin, dan fih innifsu jiġġustifika n-neċessità li tingħata f’ħakka t’għajn daqqa ta’ mannara. L-inkjesti maġisterjali nafu li ilhom magħna u huma parti mit-tessut legali tagħna. Jista’ jkun hemm min iressaq l-argument ‘komdu’ li xi ħadd qiegħed jabbuża. Punt li jrid jiġi eżaminat aħjar fid-dettall, fejn il-verità tinfired mill-perċezzjoni. Imma f’dan ma jfissirx li nkunu ġustifikati li neqirduha, kif fil-fatt ser nagħmlu.

Konvenjenza politika u personali


7. Kif kien qal Eisenhower: “il-frażi ‘neċessità militari’ hija użata fejn f’mumenti jkun iktar veritier li nitkellmu dwar konvenjenza militari jew dik personali’. Forsi f’dan hija ferm iktar konvenjenti li nippruvaw inrendu din l-iskuża fl-istess termini ta’ dik tal-bumbardament ta’ Montecassino. Konvenjenti politikament li ngħidu li hemm abbuż meta dan jista’ jiġi kkontrollat, għax huwa aħjar li tingħad il-verità u jkunu ppubblikati l-fatti. Konvenjenti daqshekk ieħor li trendi l-antipatija li nbniet lejn persuna bħala xi forma ta’ ġustifikazzjoni. Xejn f’dan, però, ma jista’ jiġġustifika li s-sistema kif inhija titneħħa u tiġi distrutta fi trab.

Telf fil-patrimonju legali

8. F’dan ser nitilfu patrimonju legali li għandna. Wieħed li jrid iż-żmien tiegħu aktar ’il quddiem biex jinbena lura. Nittama li fir-riflessjoni u fil-kalma li kull liġi titlob qabel issir, ikun hemm min jifhem aktar li dan huwa żball traġiku. Il-liġijiet isiru biex ikabbru l-ġid fl-ordni morali u soċjali, u mhux il-kontra. Forsi l-istorja tgħinna f’dan, għax kieku kien hemm min ħaseb u kien aktar attent fi Frar tas-sena 1945, kienu għadna ngawdu patrimonju oriġinali fis-sħiħ tiegħu. Kieku d-dinja kienet tagħraf aktar li ma kinitx il-konvenjenza imma l-għaqal li mexxa. Għad hemm żmien utli sabiex inkunu attenti f’dak li ser isir. F’dan ninsab aktar milli ċert illi Dom Mauro kien jagħraf jagħtina parir siewi.

ĦAL TARXIEN - TRIQ L-ANNUNZJATA - XOGĦLIJIET

25529. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijiet qed isiru fi Triq l-Annunzjata, f’Ħal Tarxien u kemm ser idumu għaddejjin?

 

13/02/2025

 

ONOR. OWEN BONNICI:  Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

 

Seduta  313

18/02/2025

ĦAL TARXIEN - TRIQ L-ANNUNZJATA - XOGĦLIJIET

25528. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi: Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijiet qed isiru fi Triq l-Annunzjata, f’Ħal Tarxien u kemm ser idumu għaddejjin?

 

13/02/2025

 

ONOR. CHRIS BONETT:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li Triq l-Annunzjata hija waħda minn fost diversi toroq fejn qiegħed isir xogħol tal-Enemalta. Ix-xogħol f’din it-triq jinsab fl-aħħar stadji. Xogħol relatat ma’ trinek u cable huwa lest. Bħalissa għaddej xogħol ta’ rimedju fuq il-bankini li ġew affetwati bit-trinek. Sa nofs Marzu għandu jitlesta x-xogħol bl-asfalt b’kollox f’din it-triq.

 

Seduta  313

18/02/2025

IL-BIRGU - PJAZZA ĊENTRALI - XOGĦLIJIET

25527. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 25026, jista’ l-Ministru jgħid in-natura komplessiva tax-xogħol li qiegħed isir fil-Pjazza Ċentrali tal-Birgu u kemm huwa previst li se jintefaq?

 

13/02/2025

 

ONOR. CHRIS BONETT:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-pjazza tal-Birgu bħalissa għaddejjin ix-xogħlijiet ta’ tqegħid tal-pavimentar u l-installazjonijiet tad-dwal. Ix-xogħlijiet kollha fil-pjazza huma stmati li jammontaw għal madwar €2 miljuni.

 

Seduta  313

18/02/2025

FAĊILITÀ KORRETTIVA TA’ KORDIN - PERSUNI SENTENZJATI

25526. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol: Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin fl-aħħar ta’ Diċembru 2023 li huma sentenzjati u qed jiskontaw il-piena tagħhom?

 

13/02/2025

 

ONOR. BYRON CAMILLERI:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li fl-aħħar ta’ Diċembru 2023 kien hemm 395-il persuna li huma sentenzjati u qed jiskontaw il-piena tagħhom fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.

 

Seduta  313

18/02/2025

FAĊILITÀ KORRETTIVA TA’ KORDIN - KAŻIJIET BIEX JIĠU DEĊIŻI

25525. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol: Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin fl-aħħar ta’ Diċembru 2023 li kienu qed jistennew li l-każ tagħhom jiġi deċiż u l-proċess determinat?

 

13/02/2025

 

ONOR. BYRON CAMILLERI:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li fl-aħħar ta’ Diċembru 2023, 277-il persuna kienu qed jistennew li l-każ tagħhom jiġi deċiż u l-proċess determinat waqt li kienu fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.

 

Seduta  313

18/02/2025

IL-BELT VALLETTA - TRIQ SAN ĠWANN - XOGĦLIJIET

25524. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 25039, jista’ l-Ministru jgħid kemm ser idum isir ix-xogħol fi Triq San Ġwann, fil-Belt Valletta u kemm ser jiġi jiswa?

 

13/02/2025

 

ONOR. OWEN BONNICI:  Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

 

Seduta  313

18/02/2025

GĦATX DEMOKRISTJAN

1. Fid-dinja li ninsabu. Fl-eventi li jum wara jum naqraw, jew naraw, jew nisimgħu, jew ukoll dawn ukoll f’daqqa, nagħrfu bżonn partikolari. Quddiem il-konfużjoni ġenerali li għaddejjin minnha fejn fl-illoġika hemm min irid jislet minnha l-loġika u hemm min iħares band’oħra. Iħares biex jittama li fid-diżordni tal-ħsieb u tal-aġir uman ikun hemm alternattiva bażata fuq is-sewwa, l-ordni u l-istorja. Dik soċjali, ekonomika, politika, u fuq kollox dik li tifrex ruħha fid-dinja li qegħda tipprova dejjem tiċkien.

Ċert

2. F’dan ninsab iktar ċert illi kieku kellna nġibu lura lil dawk li għexu qabilna jagħrfu jagħtuna direzzjonijiet aqwa. Quddiem il-politika ‘differenti’ ta’ Donald Trump li qegħda tipprova żżarma dak kollu li seħħ f’dawn l-aħħar tmenin sena. Quddiem l-istess ħsieb f’xenarju ieħor, Vladimir Putin li jrid jieħu lura l-Federazzjoni Russa għal dak li kienet fi żmien Katerina l-Kbira (1729-1796), wieħed irid jifhem. Jifhem li l-istorja ma tmurx lura, u anqas ma tirrepeti ruħha, imma timxi ’l quddiem fid-direzzjonijiet umani li ż-żminijiet jagħtu. Mexxejja ta’ qabilna ċert li f’dan jagħrfu jmexxuna sewwa.

Art fertili

3. M’għandix dubju li kieku kellhom jitwieldu mill-ġdid Alcide de Gasperi (1881-1954), Konrad Adenauer (1876-1967) u Robert Schuman (1886-1963) jafu jiddiriġuna. Jagħrfu li mhumiex ’il bgħid minn dak li l-Ewropa u d-dinja għaddew minnu mitt sena ilu. Jagħrfu jispjegawlna li għaddejjin minn mewġa tal-politika żbaljata tal-estremiżmu. Jagħrfu jfakkruna li proprju għax kienu t-tlieta Demokristjani li bnew għalina Ewropa ta’ paċi u ta’ stabilità: waħda li hija ferm iktar b’saħħitha milli oħrajn jaħsbu.

Estremiżmi

4. Jagħrfu aktar ifakkruna li l-Faxxiżmu u n-Nażiżmu ġiebu tkissir u qtil fil-ħsieb tagħhom li jekk tkisser tista’ terġa’ tibni soċjetà suppost differenti. Waħda fejn il-bniedem jitlef kull valur u jsir biss oġġett li jista’ jiġi skartat u mormi. Waħda li xeħtet lura kull forma ta’ kultura u tkabbir uman. Waħda li minħabba l-wirt tagħha, l-Ewropa batiet sew biex reġgħet kibret. Waħda li tilfet diversi minn uliedha u mill-wirt kulturali tagħha. Waħda li tilfet il-paċi, il-ġustizzja u l-istabilità. Ifakkruna li l-estremiżmi ma jwasslu għal imkien, salv għal iktar kumplikazzjonijiet u eżistenza aktar iebsa minn dik li diġà għandna.

Il-lezzjoni

5. F’dan il-proċess l-Ewropa, tul l-estremiżmi tilfet l-għeruq Insara li sawruha. Proprju f’dan kien l-aġir għaqli ta’ dawn il-bnedmin u oħrajn magħhom li fehmu li tista’ terġa’ tibni jekk tmur il-kontra. Tibni billi tifhem li bid-demokrazija tagħmel soċjetà aħjar, għax hija valur. Tibni aktar meta din tkompli tispira ruħha mal-valuri u l-pedamenti Nsara. Proprju għalhekk li għandna l-Unjoni Ewropea llum u proprju aktar għax din hija l-mudell li hemm min, lura fl-estremiżmi tiegħu, li jrid ikisser dak li nbena.

Żball

6. Dawk li huma minn barra jifhmu dak li għandna. Jifhmu li ngawdu minn soċjetà aktar ċivilizzata, aktar umana, u li tipproteġi dak kollu li huwa ta’ valur għaliha. Hemm min irid jimitana u hemm, minflok, min irid ifarrakna. Għandna nagħrfu aktar dan biex ma nċedux għall-ħmerijiet tal-oħrajn u nqisu fl-għaqal il-mossi politiċi ta’ oħrajn. Kull pajjiż, kif ċert li anki fir-Renju Unit hemm dan l-għarfien, jaf li mingħajr l-għaqda fl-Unjoni Ewropea ser imur lura, u anzi jkun iktar diffiċli għalih biex ilaħħaq ma’ fejn wasal. U li jkun kapaċi jimxi ’l quddiem.

Għalkemm ma jidhirx

7. Niskanta li f’dan ftit jagħrfu li meta l-partiti tal-lemin estrem jew tax-xellug fl-Ewropa fl-Oppożizzjoni jkunu mimlija bil-kontra, meta jkunu fil-Gvern jippruvaw isiru aktar moderati. Proprju aktar f’dan huwa ċar li l-linja tal-politika taċ-Ċentru, dik Demokratika Kristjana, tibqa’ għal dawk li jaqraw il-politika bħala mudell uniku. Mudell li bena dak li ħadd qabel ma rnexxielu jibni. Proprju f’dan, jekk irridu nkomplu nibnu politika Ewropea u nazzjonali aqwa, għandna nimxu f’dik id-direzzjoni. Fil-konfużjoni ġenerali u preżenti li diversi qed jaraw, huwa għalija ferm iktar ċar li hawn mhux biss għatx Demokristjan, imma wieħed klubi.

13.2.25

L-ISLA – RAPPORTI TA’ DELITTI

25043. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol: Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew rappurtati delitti tul is-sena 2024 fil-lokalità tal-Isla u kemm kienu marbuta ma’ serq?


24/01/2025


ONOR. BYRON CAMILLERI:  Ninsab infurmat li matul is-sena 2024 ġewwa l-Isla kien hemm tlieta u erbgħin (43) reat irrapurtat mal-pulizija, li minnhom ħdax (11) kienu każi ta’ serq.


Seduta  310 

12/02/2025


IL-KALKARA – RAPPORTI TA’ DELITTI

25042. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol: Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew rappurtati delitti tul is-sena 2024 fil-lokalità tal-Kalkara u kemm kienu marbuta ma’ serq?

 

24/01/2025

 

ONOR. BYRON CAMILLERI:  Ninsab infurmat li matul is-sena 2024 ġewwa l-Kalkara kien hemm tlieta u tmenin (83) reat irrapurtat mal-pulizija, li minnhom tnejn u tletin (32) kienu każi ta’ serq, u każ (1) ta’ attentat ta’ serq.

 

Seduta  310

12/02/2025

BORMLA – RAPPORTI TA’ DELITTI

25041. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol: Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew rappurtati delitti tul is-sena 2024 fil-lokalità ta’ Bormla u kemm kienu marbuta ma’ serq?

 

24/01/2025

 

ONOR. BYRON CAMILLERI:  Ninsab infurmat li matul is-sena 2024 ġewwa Bormla kien hemm mitejn u każ (201) ta’ reati irrapurtati mal-pulizija, li minnhom wieħed u sittin (61) kienu kazi ta’ serq, u ħames (5) każi ta’ attentat ta’ serq.

 

Seduta  310

12/02/2025

ĦAŻ-ŻABBAR – RAPPORTI TA’ DELITTI

25040. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol: Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew rappurtati delitti tul is-sena 2024 fil-lokalità ta’ Ħaż-Żabbar  u kemm kienu marbuta ma’ serq?

 

24/01/2025

 

ONOR. BYRON CAMILLERI:  Ninsab infurmat li matul is-sena 2024 ġewwa Ħaż-Żabbar  kien hemm erba’ mija u sittax (416) il-reat irrapurtat mal-pulizija, li minnhom mija u tnejn (102) kienu każi ta’ serq, u erba’ (4) każi ta’ attentat ta’ serq.

 

Seduta  310

12/02/2025

IL-BELT VALLETTA – TRIQ SAN ĠWANN – XOGĦLIJIET

25039. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 21695, jista’ l-Ministru jgħid jekk ix-xogħljiet fi Triq San Ġwann, fil-Belt Valletta, bdewx?

 

24/01/2025

 

ONOR. OWEN BONNICI:  Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta li x-xogħljiet fi Triq San Ġwann bdew.

 

Seduta  309

11/02/2025

IL-BIRGU – RAPPORTI TA’ DELITTI

25038. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol: Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew rappurtati delitti tul is-sena 2024 fil-lokalità tal-Birgu u kemm kienu marbuta ma’ serq?

 

24/01/2025

 

ONOR. BYRON CAMILLERI:  Ninsab infurmat li matul is-sena 2024 fil-Birgu kien hemm sitta u sebgħin (76) reat irrapurtat mal-pulizija, li minnhom sitta u għoxrin (26) kienu każi ta’ serq, u żewġ (2) każi ta’ attentat ta’ serq.

 

Seduta  309

11/02/2025

BIGHI – SMOKING ROOM - RESTAWR

25037. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 19385, jista’ l-Ministru jgħid meta se jibdew ix-xogħlijiet fuq l-Ismoking Room f’Bighi?

 

24/01/2025

 

ONOR. OWEN BONNICI:  Ninsab infurmat li x-xogħol ta’ restawr fuq l-iSmoking Room f’Bighi jinsab fi stadju avvanzat. Bħalissa għaddej ix-xogħol ta’ restawr kemm fuq il-ġebla, kif ukoll fuq l-injam.

 

Seduta  309

11/02/2025

ĦAL TARXIEN – RAPPORTI TA’ DELITTI

25036. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol: Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew rappurtati delitti tul is-sena 2024 fil-lokalità ta’ Ħal Tarxien u kemm kienu marbuta ma’ serq?

 

24/01/2025

 

ONOR. BYRON CAMILLERI:  Ninsab infurmat li matul is-sena 2024 f’Ħal Tarxien kien hemm mija u tlieta u disgħin (193) reat irrapurtat mal-pulizija, li minnhom sebgħa u erbgħin (47) kienu każi ta’ serq, u ħames (5) każi ta’ attentat ta’ serq.

 

Seduta  309

11/02/2025

MARSAXLOKK – XROBB L-GĦAĠIN - PARK NATURALI - XOGĦLIJIET

25035. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 19664, tista’ l-Ministru tgħid liema xogħlijiet ġew esegwiti fil-Park Naturali ta’ Xrobb l-Għaġin tul is-sena 2024?

 

24/01/2025

 

ONOR. MIRIAM DALLI:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li, matul is-sena 2024, x-xogħlijiet li saru fil-Park Naturali ta’ Xrobb l-Għaġin, f’Marsaxlokk, kienu jinkludu l-manutenzjoni ġenerali tal-park fosthom tħawwil ta' siġar u arbuxelli ġodda, tisqija regolari skont il-ħtieġa, qtugħ u ġestjoni tal-ħaxix biex jiġu evitati inċidenti minn nirien, manutenzjoni taż-żona għall-picnics u tiswija ta’ bankijiet tal-injam, restawr ta’ ħitan tas-sejjieħ, installazzjoni ta’ diversi tabelli li jinkludu informazzjoni dwar il-flora fil-madwar, installazzjoni ta’ tankijiet għar-rimi tal-ilma tal-baħar, tikħil tal-kamra tas-sigurtà, manutenzjoni tal-konnessjonijiet tal-ilma u drenaġġ, ġbir tal-iskart u tindif ġenerali.

 

Seduta  309

11/02/2025

SANTA LUĊIJA (MALTA) – RAPPORTI TA’ DELITTI

25034. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol: Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew rappurtati delitti tul is-sena 2024 fil-lokalità ta’ Santa Luċija (Malta) u kemm kienu marbuta ma’ serq?

 

24/01/2025

 

ONOR. BYRON CAMILLERI:  Ninsab infurmat li matul is-sena 2024 f’Santa Luċija (Malta) kien hemm erbgħa u tmenin (84) reat irrapurtat mal-pulizija, li minnhom wieħed u għoxrin (21) kienu każi ta’ serq, u każ wieħed (1) ta’ attentat ta’ serq.

 

Seduta  309

11/02/2025

INDIVIDWALIŻMU NEOLIBERALI



1. Ċertament, mhux suġġett faċli li wieħed jaffronta. Biss naħseb li huwa xieraq li nagħrfu li għandna nagħmlu numru ta’ differenzi, u f’dan forsi nagħrfu wkoll l-influwenzi li għaddejjin minnhom. Għax il-bniedem huwa importanti u huwa mwieled b’dinjità u valur li m’għandux bżonn is-suq li jistmalu. Twieled bi drittijiet fundamentali li għandhom jiġu rispettati. Mhuwiex il-konsumatur li ser jaqa’ fix-xibka tal-ħsibijiet ta’ kif tressqu jixtri dak li m’għandux bżonn. Wisq inqas ma huwa dak li tistmah mhux skont id-dinjità imma f’kemm jaqla’ flus, jew f’kemm ġemma’ u akkumula. Hemm, u f’dan nagħmel distinzjoni bejn il-kelma ‘persuna’ u ‘l-individwu’. Tat-tieni ma narax li tirrispetta biżżejjed, u anki jekk ma tmurx sa dik tal-konusmatur, xorta fiha kunċetti ta’ oġġett, ta’ numru, ta’ min huwa irrilevanti f’xenarju li jinbidel.

X’nużaw u x’nifhmu

2. F’dan, għalhekk, irridu naraw xi kliem nużaw u x’kunċetti u piż nagħtuhom. Nistaqsu kemm aħna maħkuma minn ideat li tant daħlu magħna li anqas ma aħna nistaqsu jekk humiex tajba jew humiex tagħna. Drajna bil-kelma ‘individwu’, b’dik tal-‘konsumatur’. Drajna nħarsu lejn is-soċjetà f’termini ta’ suq liberu jew le. Kabbarna l-kompetizzjoni bejn il-bnedmin, flok issudajna l-mod ta’ kif naħdmu flimkien għall-ġid ta’ xulxin. Intlifna naħsbu li kull persuna huwa għal rasu tant li jista’ jinsa lill-oħrajn, u anzi, li m’għandux responsabbiltà soċjali lejhom. Ngħixu f’dinja fejn anki l-politika saret iktar magna tas-suq. Kompetizzjoni bejn il-partiti fuq linji tas-suq, bejn id-deputati internament, il-kandidati u l-kumitati. Qisu kulħadd ġie kontra kulħadd, u mhux favur ta’ xi ħadd. Tlifna l-għarfien li fil-koperazzjoni, fl-għaqda ta’ ideat u ħsibijiet nistgħu nirnexxu. Għas-suq qed inżarmaw il-prinċipji fundamentali li jagħmlu partit politiku.

Colin Crouch


3. Għax partit imur lura bil-loġika tas-suq liberu, mentri jimxi ’l quddiem jekk jifhem li għandu jġib lil kull persuna taħdem flimkien. Iktar koperazzjoni, inqas kompetizzjoni. F’dan nikteb aktar waqt li qed naqra waħda mill-kitbiet qosra ta’ Colin Crouch (1944). Akkademiku Ingliż, soċjologu u xjenzat politiku, magħruf l-iktar għall-ktieb tiegħu Coping with Post-Democracy (2000). Qiegħed naqra l-librett Can Neoliberalism be saved from itself? (2017), li huwa mexxej u interessanti ħafna. Jimmerita li jinqara. Minnu slitt numru ta’ punti li għalija naħseb li huma tajbin biex jitressqu sabiex wieħed jifhem kemm il-kultura neoliberali qegħda tinfluwenzana mingħajr aħna stess ma qegħdin nindunaw.

Sejrin lura

4. Influwenza li mhix tagħmel lil ħajjitna jew lis-soċjetà tagħna aħjar. Anzi, sejrin lura. Dan l-iktar fl-inugwaljanzi li qed jiġu prodotti. Crouch jgħidilna, u wieħed hawn irid jifhmu sew: “Although neoliberals will insist that the market is not concerned with moral worth, only efficiency, in reality high income is often taken as a sign of social and even moral superiority. The rich receive deference and respect in daily life in a manner never accorded to people on modest incomes.” (Għalkemm in-neoliberali jinsistu li s-suq ma jagħtix każ il-valur morali tal-persuna, imma jara biss kemm hija effiċjenti, fir-realtà min għandu dħul għoli ħafna xi drabi huwa kkunsidrat minnhom bħala li għandu jgawdi minn superjorità soċjali u morali. Fejn is-sinjuri jiġu stmati u rrispettati fil-ħajja ta’ kuljum b’mod li qatt ma jingħata lil dawk li jaqilgħu inqas.) Proprju għalhekk li hemm akkaniment kontra l-politiċi veri, għax dawn iħarsu li jissudaw l-aspett uman tal-ħajja u mhux dak materjali.

F’kemm aħna influwenzati


5. Dwar dan l-awtur, fil-kitba tiegħu narawh imiss mill-ġdid mal-ħsieb li n-neoliberaliżmu jħaddan, l-ewwel: linja kontra l-politiċi, li skont l-istess, mhumiex kapaċi jonfqu sew flus il-poplu, mentri s-suq suppost li huwa; it-tieni: fil-kwistjoni marbuta mar-responsabbiltà soċjali li l-gvernijiet, skont huma, m’għandux ikollhom; u t-tielet: fil-fiduċja li l-kompetizzjoni fis-suq hija l-mudell li trid tiġi segwita fil-ħajja tal-bnedmin mal-oħrajn. Kabbarna, u f’dan ikkultivajna mudell żbaljat ta’ individwaliżmu li jħares lejn il-persuna minn linji li fihom huwa biss importanti x’għandu jew x’jipproduċi. Mhux biss, imma wkoll li għandu jinjora dak li jkun għaddej madwaru: dak li qed jolqot u jmiss lill-oħrajn mhuwiex importanti għalih. Li, anzi, il-kunċett tal-volontarjat altruwista bħala tastiera essenzjali tas-soċjetà, u li huwa tajjeb li jiġi kkultivat, għalihom huwa żbaljat.

Daħal fejn m’għandux

6. Crouch ikompli jelabora u jikteb hekk fuq dan l-attentat lejn bidla fil-kultura u l-valuri ta’ soċjetà li qabel mexxietna sew: “Neoliberals increasingly sought means of extending the reach of the market, applying market concepts to penetrate institutions like the family. Organisations in most areas of life (for example, churches, cultural bodies) have been persuaded by neoliberal governments and sponsors to structure themselves as though they were profit-making concerns.” (In-neoliberali fittxew b’iktar saħħa kif jestendu l-kunċetti tas-suq, billi japplikawhom f’istituzzjonijiet bħall-familja. Organizzazzjonijiet f’ħafna mis-setturi tal-ħajja (per eżempju l-knejjes u l-għaqdiet kulturali) ġew persważi minn gvernijiet neoliberali u benefatturi sabiex jibnu ruħhom qishom strutturi li jagħmlu l-profitt.)

Ma taħdimx

7. Fil-parti l-kbira, ninsabu fejn ninsabu bħala soċjetà għax abbandunajna ħafna mill-kunċetti u l-valuri li bnewna, u morna għal dak li n-neoliberaliżmu qed jiddikjara. Anki partiti politiċi qed jiġu influwenzati minn dan. Biex is-soċjetà tiġi riformata rridu nifhmu li dak li jista’ jkun tajjeb fis-suq mhuwiex f’dak l-ieħor tal-ħajja tagħna. M’għandniex bżonn nikkultivaw il-kompetizzjoni ma’ xulxin. Anqas li nħarsu lejn xulxin bħala konsumaturi, jew fl-individwaliżmu ta’ sempliċi oġġetti. Irridu nifhmu li aħna għandna valur għax aħna bnedmin bid-difetti tagħna, sija fil-politika, kif ukoll fis-suq. M’aħniex fil-grad tal-effiċjenza li n-neoliberaliżmu jridna, imma lanqas m’aħna inqas mill-istess suq fl-iżbalji kontinwi li jagħmel. Dak li jitpinġa aħjar u aqwa ma huwa xejn minn dan, u hawn hemm x’wieħed iwettaq: dak li ma jħallix dak li qisu proċess irriversibbli, imma anzi li wieħed jagħraf dak li huwa l-individwaliżmu fil-kunċetti neoliberali sabiex inkunu dak li verament aħna.

L-EWROPA HIJA DIĠÀ KBIRA

1. F’dan iż-żmien li bdejna ngħixu mill-ġdid irridu nagħrfu li bħala Ewropej għandna valuri uniċi. Irridu nifhmu li dak kollu li seħħ f’dawn it-tmenin sena ta’ ħidma ma sarx ta’ xejn. Il-miri li ġew stabbiliti, u ħafna drabi milħuqa, ifakkruna li għandna storja li hija ta’ suċċess. Mhix ta’ suċċess totali jew assolut, imma hija parti minn proċess ta’ progress. Wieħed li jiddistingwi ruħu fil-konfront ta’ kontinenti oħra. Wieħed li bih sar ġid kbir lill-popolazzjoni tiegħu u li sarraf ukoll għal popli oħra. Mhux dejjem konna għalenija, u anqas fuq ir-rubini. Biss dan ma jiġġustifikax li mmorru lura lejn il-firda u l-ġlied intern.

Interessi komuni

2. F’dak kollu li seħħ f’dawn is-snin, fi ħdan l-Unjoni Ewropea mxejna ’l quddiem. Mhux biss, imma l-Ewropa saret ferm iktar l-art li tiddefendi d-demokrazija u d-drittijiet fundamentali tal-bniedem. Jingħad x’jingħad biex wieħed iċekken dak li sar u dak li qiegħed iseħħ, il-fatt jibqa’ li diversi drabi d-deċiżjonijiet jittieħdu għax hemm pożizzjoni ta’ prinċipju. Pożizzjonijiet politiċi skomdi għall-oħrajn li jridu jmorru lura għal dak li d-dinja kienet qabel bdiet l-Ewwel Gwerra Dinjija. Huwa anzi aktar ċar li hemm min għandu nteress li titkisser biex jafferma lura xi forma ta’ politika imperjalista li timponi s-saħħa militari fuq oħrajn inqas armati. L-Unjoni Ewropea dan tifhmu u ċert li tapprezza l-isfidi li għandha quddiemha.

Lura mhux ’il quddiem

3. Huwa ċar li bid-diskors li qed nisimgħu u dak li għaddej fid-dinja hemm min jaħseb li jista’ jieħu l-arloġġ lura. Sal-lum fl-Ewropa ddomina kunċett spjegat mill-filosfu u politiku Demokristjan Augusto del Noce (1910-1989) kif jiddikjara fil-ktieb L’epoca della secolarizzazione (1970). Kliemu: “Oggi invece il sentimento comune è di vivere in un’epoca nuova, separata dal passato dalla censura delle due guerre mondiali. All’idea che tutto si ripete si è sostituita l’accelerazione massima del tempo; l’adeguazione a un oggi non è più tanto il compimento dell’ieri quanto la sua negazione.” (Illum minflok il-ħsieb ġenerali huwa li wieħed qiegħed jgħix f’epoka ġdida, separata mill-passat li mmarkat ruħha bejn żewġ gwerer mondjali. Kontra l-ħsieb li kollox jirrepeti ruħu daħlek dik li tuża’ bl-iktar mod veloċi l-ħin; kif tgħix illum, li mhuwiex tant it-twettiq tal-bieraħ, imma li tinnegah.)

Il-Modern

4. F’dan huwa iktar ċar li min qiegħed jaħseb għal Donald Trump u Vladimir Putin li jistgħu jieħdu d-dinja lura ma tantx huma preċiżi jew korretti. Il-glorja apparenti passata ma teżistix. Tista’ tingħata din l-impressjoni minn dawk li jiktbu l-istorja imma fir-realtà d-dinja tal-lum hija aqwa milli kienet qabel. Aqwa għax saru diversi avvanzi li fuqhom is-soċjetà nbniet u mxiet. Dak li nutilizzaw illum huwa proprju frott tar-riflessjonijiet, fl-għarfien tal-iżbalji passati. Imxejna ’l quddiem proprju għax nafu fejn morna lura. Iktar u iktar fl-għarfien ċar li kull perjodu uman, fl-imperfezzjoni tiegħu, ikollu vantaġġi u żvantaġġi. Però ċertament li dan sar fl-Ewropa għax il-fatti jibqgħu l-fatti u mhux nintilfu nibdlu l-istorja.

MAGA

5. Il-kunċett li ngħad li l-Istati Uniti ser jerġgħu jsiru kbar huwa diġà, minnu nnifsu, nieqes fil-punt evidenti li dan il-pajjiż huwa diġà kbir. Huwa diġà dak li jiddetermina ħafna mill-politika barranija internazzjonali. Huwa diġà dak li huwa preżenti f’xenarji varji tal-globu. Huwa diġà dak li għandu ekonomija b’saħħitha li tmexxi u tinfluwenza ħafna. Huwa kontro-indikat li tiddikjara li ċkienet meta fil-fatt dan ma ġarax. Il-kumplikazzjonijiet ta’ pajjiż kbir, liberu u demokratiku ma ssolvihomx b’atti ta’ impożizzjoni fuq oħrajn. Inkella proprju dawk li ma jistgħux isarrfu f’sens. Id-dinja globalizzata llum timxi proprju għax kienu l-istess Stati Uniti li mxew b’politika li nsistew li s-suq ikun liberu u d-dazji jonqsu. Din il-libertà ispirata u ssudata mill-kunċetti kapitalisti li nbidlu maż-żmien ilkoll nafu li ma jiġux issudati bit-tariffi li jiġu dikjarati li jridu jsiru.

Kontra kull loġika

6. Kif qal tajjeb l-awtur magħruf Amerikan Michael Novak (1933-2017) fil-ktieb tiegħu The Spirit of Democratic Capitalism (1982), li hemm vantaġġi uniċi fis-sistema demokratika. Huwa jiddikjara: “The preferred democratic capitalist solution is coordination. Each system, political and economic, has something the other wants and needs. Each has power and vulnerabilities. Each loses of the bargain between them is not fair, stable and long-term.” (Is-soluzzjoni tas-sistema demokratika kapitalista preferuta hija dik tal-koordinazzjoni. Kull sistema, politika u ekonomika, għandha xi ħaġa li l-oħra trid jew għandha bżonn. Kull waħda għandha poteri u dgħjufijiet. Kull waħda titlef jekk l-iskambju bejniethom ma jkunx ġust, stabbli u fit-tul.) Hija proprju din il-linja li għamlet kbar sija lill-Istati Uniti kif ukoll lill-Unjoni Ewropea.

Wieħed irid jifhem

7. F’dan proprju wieħed irid jifhem u jibqa’ jżomm soda l-pożizzjoni tiegħu. L-Unjoni Ewropea mhijiex dgħajfa u jekk skont xi ħadd mhix tixtri prodotti mingħandu, dawn ma ġġibhomx jixtru bi gwerer kummerċjali inutili. Aktar u aktar meta l-istess tagħraf li dak li huwa għaddej huwa: l-ewwel, attentat ċar biex tkissirha; u t-tieni, li fil-proċess ser iġġib lura l-estremiżmu tal-lemin. Jekk Adolf Hitler, bejn iż-żewġ gwerer għamel politika biex iġib il-Ġermanja lura għall-potenza li suppost kellha qabel l-ewwel kunflitt, dan ma jfissirx li għandu jiġi ripetut. Anzi, kif nafu, it-tkissir tiegħu ġieb fuqna l-prezz li għadna nħallsu għalih illum. F’dan, kif nafu, meta titlaq minn idejk dak li jkollok diġà biex tieħu aktar, tispiċċa titlef dak li għandek. Proprju għalhekk li l-Ewropa tagħmel tajjeb li tifhem li għalhekk għandha fejn timraħ, però fil-fatt hija diġà kbira.

RAĦAL ĠDID - ĠNIEN IL-MEDITERRAN - XOGĦLIJIET

25033. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 19665, fir-rigward Ġnien il-Mediterran f’Raħal Ġdid, jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijiet effettivament saru tul is-sena 2024 u kemm intefqu flus fl-istess?

 

24/01/2025

 

ONOR. OWEN BONNICI:  Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministeru kkonċernat.

 

Seduta  308

05/02/2025

RAĦAL ĠDID - ĠNIEN IL-MEDITERRAN - XOGĦLIJIET

25033. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 19665, fir-rigward Ġnien il-Mediterran f’Raħal Ġdid, jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijiet effettivament saru tul is-sena 2024 u kemm intefqu flus fl-istess?

 

24/01/2025

 

ONOR. OWEN BONNICI:  Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministeru kkonċernat.

 

Seduta  308

05/02/2025

IL-FGURA – RAPPORTI TA’ DELITTI

25032. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol: Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew rappurtati delitti tul is-sena 2024 fil-lokalità tal-Fgura u kemm kienu marbuta ma’ serq?

 

24/01/2025

 

ONOR. BYRON CAMILLERI:  Ninsab infurmat li matul is-sena 2024 fil-Fgura  kien hemm tlett mija u tmienja u għoxrin (328) reat irrapportat mal-pulizija, li minnhom sitta u sittin (66) kienu każi ta’ serq, u sebgħa (7) każi ta’ attentat ta’ serq.

 

Seduta  308

05/02/2025

RAĦAL ĠDID - ĠNIEN IL-MEDITERRAN - XOGĦLIJIET

25031. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 19666, fir-rigward ta’ Ġnien il-Mediterran f’Raħal Ġdid, tista’ l-Ministru tgħid x’xogħlijiet effettivament saru tul is-sena 2024 u kemm intefqu flus fl-istess?

 

24/01/2025

 

ONOR. MIRIAM DALLI:  Ninsab infurmata li matul is-sena li għaddiet, permezz tal-impjegati tagħha, Project Green wettqet numru ta’ xogħlijiet fil-ġnien imsemmi li kienu jinkludu tindif ġenerali, qtugħ ta’ ħaxix, tinqix tal-ħamrija, tisqija u żbir tas-siġar fil-perjodu adegwat.

 

Seduta  308

05/02/2025

PUNTI TA' RIFLESSJONI

1. Forsi ftit aktar, jew l-istess, hemm mumenti fil-ħajja li fihom tieqaf tħares lejn dawk li ġew qabilna. Ħidmiethom fis-setturi li d...