Showing posts with label George Orwell. Show all posts
Showing posts with label George Orwell. Show all posts

24.2.25

DUBBIEN, NEMUS U LJUNFANTI

1. Fl-ekosistema tagħna, f’dik tad-dinja sħiħa li aħna mistednin ngħixu fiha, hemm diversi speċje li jikkomponuha. Ilkoll bil-qies u d-daqs tagħhom, imma fil-fatt ilkoll maħluqa biex jgħixu flimkien. Kull insett, kull annimal fuq din l-art huma hemm biex mhux biss ikunu f’daqqa, imma sabiex jgħinu lil xulxin. F’dan huwa veru wkoll illi aħna l-bnedmin ma tantx nieħdu gost bil-fittaġni tad-dubbien, u wisq inqas bil-preżenza tan-nemus, u nibqgħu pass ’il bgħid mill-preżenza ta’ iljunfant. Imma f’dan nagħrfu li ma jistax ikollok dinja jekk dawn ma jkunux hemm ilkoll f’daqqa. Anzi ninkwetaw meta xi annimal narawh fil-periklu li jispiċċa mill-eżistenza. Għax ilkoll għandhom skop.

Il-Pajjiż

2. F’ħafna, hekk aħna lkoll. Id-demokrazija li ngħixu fiha, li hija l-ekosistema politika, hija magħmula minn bnedmin differenti. Dawk li għandhom karattri partikolari. Uħud tmur tajjeb magħhom. Imma oħrajn huma fitti bħad-dubbien, jew iniggżu bħan-nemus. Oħrajn ukoll huma, fil-guffaġni tagħhom, iljunfanti. Imma jkun żball soċjali jekk b’xi mod naħsbu li nistgħu naċċettaw biss il-ftit u neskludu lill-ħafna, l-iktar dawk li jdejquna. Kull persuna huwa mwieled bil-karattru tiegħu u bi skop preċiż. Hija verament abbiltà fid-demokrazija li min imexxi jrid jagħraf ikun il-persuna li tieħu ħsieb il-bżonnijiet ta’ kulħadd, inti ġej minn fejn ġej. F’isem is-sewwa u mhux għal skopijiet oħra, kif inkiteb fil-ktieb ta’ George Orwell (1903-1950), Animal Farm (Ir-Razzett tal-Bhejjem). Dak li kien qalilna li: “In a time of deceit telling the truth is a revolutionary act.”

Liġijiet

3. Diġà, fis-sistema legali u kostituzzjonali tagħna, għandna l-wirt ta’ snin li permezz tagħhom il-bnedmin fuq dawn il-gżejjer għandhom id-drittijiet. Anzi, għandhom iktar drittijiet minn ġenerazzjonijiet passati. Għandhom liġi suprema li fiha hemm id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali mniżżla. Ħadna s-snin biex ktibnihom, bnejnihom u applikajnihom. Proċess ta’ progress u żvilupp uman. Dak li mhux biss ma jippermettix li mmorru lura minnhom, imma anqas li nonqsu milli niddefenduhom. Huwa minnu li nħarsu lejn il-Qrati tagħna bħala dawk li jwettqu l-ġustizzja meta dawn jiġu miksura. Imma daqshekk ieħor hemm dan il-piż fuq kull min għandu kariga jew ħatra f’pajjiżna. Nagħrfu f’dan li l-President tar-Repubblika għandha naturalment din il-funzjoni, imma daqshekk ieħor il-Prim Ministru ta’ pajjiżna.

Vuċijiet u opinjonijiet

4. Fost dawn hemm id-dritt li wieħed jesprimi l-opinjoni tiegħu fuq kollox. Fil-libertà, vuċijiet varji fis-soċjetà jgħidu tagħhom. Illum aktar mill-bieraħ, bl-użu tal-mezzi soċjali u dak kollu li qiegħed, biċċa biċċa, jiżviluppa ruħu. Tista’ taqbel ma’ dak li jingħad u tista’ le, imma trid tagħraf li hemm ġid fl-ekosistema soċjali li jingħad. Hemm min ma jittollerax lil dawk li ma jaqblux miegħu tant li jċekkinhom, jirredikolahom u jemarġinahom. Imma lkoll nafu li fis-soċjetà huwa vantaġġ li tisma’ lil kull persuna. Hemm vantaġġ li tara x’inhuwa jingħad, u meta tkun Prim Ministru li tibqa’ tisma’ u tiddefendi lil dawk stess li ma jaqblux miegħek, inkella lil dawk li turi li tippretendi minnhom li ma jitkellmux.

Verament

5. F’dan huwa minnu li wieħed jiddejjaq mid-dubbien, li anke jekk tkeċċih, jibqa’ jiġi fuqek u jiffittak. Daqshekk ieħor in-nemus li jdur madwarek u jniggżek, anke jekk taf li għandek il-jiem biex imur l-effett tat-tniggiż minn fuqek, anke jekk tibqa’ tħokkhom. Biss, biex tneħħi l-fastidju ma tużax il-piż ta’ ljunfant li għandek f’idejk biex tipprova teliminahom. Mhux ser jirnexxilek u ser jibqgħu jduru, jistennew il-mument meta jibdew jiffittawk lura u jduru madwarek. Flok jonqsu, tagħtihom aktar skop biex ikomplu.

Fejn ninsabu

6. Ninsabu fid-demokrazija, u f’din, min imexxi l-pajjiż irid jagħraf jirrispetta lil dawk li ma jaqbilx magħhom. Irid jagħraf jieħu fil-kalatura l-ħsieb tal-oħrajn, u jispjega bil-fatti u l-argumenti veri għala ma jaqbilx. Ma jridx jattakkahom fil-persuna tagħhom, imma jirrispetta d-dritt fundamentali tagħhom li jgħidu dak li jidhrilhom. Ikun qiegħed imur lura jekk jattakka u jipprova jagħlaq ħalq jew ħidmet l-oħrajn. Għax kif diversi qed jgħidu, huwa tajjeb li għad għandna s-sistema tal-inkjesti maġisterjali legali kif għadha ħajja sal-lum. Huwa ħażin li titneħħa kompletament, kif ser iseħħ. Ikun, anzi, ferm aħjar jekk tiġi perfezzjonata aktar, sabiex tkun għodda iktar diretta li tiggarantixxi t-trasparenza, il-kontabilità u l-legalità. Waqt li f’dan inżommu quddiemna bħala gwida dak li kien qal Orwell, li fi żmien l-ingann huwa rivoluzzjonarju li wieħed jgħid il-verità, niftakru li d-dubbien u n-nemus ma tneħħihomx b’iljunfant.

20.1.25

MCLUHAN MHUWIEX BAUMAN

1. Nifhem li dak li nikteb jaf ikun skomdu. Niskuża ruħi, u ngħid li mhuwiex intenzjonat għal hekk imma sabiex jingħad dak li naħseb li huwa parti mill-proċess lejn il-Verità. Għall-ġid nazzjonali, pajjiżna jixraqlu bidla mill-Gvern li għandu. Hemm passi li wieħed irid jikkunsidra f’din il-linja, dejjem sakemm mhuwiex xi ħadd li huwa komdu bir-raba’ leġislatura tal-Gvern preżenti. Ninsabu viċin daqskemm ninsabu ’l bogħod, imma l-borma diġà bdiet tagħli.

Il-Ħadd li għadda

2. Kif rajna l-Ħadd li għadda, hemm bżonn min jafferma lil ħaddieħor ċar u tond li huwa fil-poter, li mhuwiex temporanju u li sar permanenti. Nagħrfu f’dan kollu li qed isiru sforzi kbar biex jintbagħat messaġġ. Fuq naħa dawk li jridu jibqgħu fil-poter, u fuq l-oħra dawk li jriduh jew lura, jew fil-ġdid. Hemm ukoll sforzi oħra minn diversi biex ikun hemm bidla sħiħa, imma l-effett mhuwiex ikun fuq l-istess livell ta’ dak mistenni. Imma sa issa għadu marġinali.

Sustanza jew le

3. Kollox jgħodd f’kif issir il-politika u minn min issir. F’dan hemm metodi li jinżlu tajjeb mal-elettorat Malti u oħrajn li le. Fil-31 ta’ Diċembru ftakarna f’Marshall McLuhan, li miet fl-1980. Kien kiteb dan: “Politics will eventually be replaced by imagery. The politician will be only too happy to abdicate in favour of his image, because the image will be more powerful that he could ever be.” (Eventwalment il-politika ser tiġi mibdula mill-immaġini. Il-politiku f’dan ser ikun verament ferħan li jabdika favur l-immaġini tiegħu, għax l-immaġini ser tkun iktar b’saħħitha minn dik is-saħħa li qatt jista’ jkollu hu.) Minn dak li qiegħed nara, il-politika Maltija hawnhekk tinsab. Il-faċċata tidher aktar milli s-sustanza tagħha. Tħares u tibqa’ mmeraviljat, u meta wara tistaqsi għall-ideat, ma ssib xejn. Kif nafu, id-diskors fl-arja hemm jibqa’, mentri jidher ċar li l-poplu qiegħed ifittex il-fatti, ir-raġuni u l-proposti.

Lejn il-Verità

4. Fiż-żmien li ninsabu fih u fix-xenarju politiku preżenti hemm punt ieħor li jrid jiżdied fil-kalatura. Iktar u iktar f’dan fid-9 ta’ Jannar, il-jum li fih ftakarna f’Zygmunt Bauman, li kien ġie nieqes fl-2017. Dan is-soċjologu mill-iktar interessanti u bravu, fost ħafna kien qal hekk: “The Truth that makes men feel free is for the most part the truth which men prefer not to hear.” (Il-Verità li teħles lill-bniedem ħafna drabi hija dik il-verità li l-bnedmin jippreferu li ma jisimgħux.) Punt li l-istess George Orwell (1903-1950), li nfakkru mewtu fil-21 ta’ Jannar, kien qal: “If liberty means anything at all, it means the right to tell people what they do not want to hear.” (Jekk il-libertà tfisser xi ħaġa, allura hija dak id-dritt li tgħid lin-nies dak li ma jridux jisimgħu.) Dan kollu però jgħodd dejjem jekk il-bnedmin hux qed jisimgħu u jekk humiex jagħtu attenzjoni. Forsi, però, il-problema ġiet aktar il-kontra.

Persuni normali

5. Għax fil-prijoritajiet li għandna llum ninsabu f’taħwid. F’soċjetà li mhijiex l-istess kif kienet qabel, għalkemm tixtieq li tkun lura dak li kienet, hemm diffikultà ċara fil-komunikazzjoni. Min qiegħed fil-politika mhuwiex jifhem lil min irid li jagħtih il-kunsens. Jisqih immaġini, stampi ħelwin, imma mhux ideat veri, progressivi. Proprju għalhekk li l-votant mhuwiex isegwi u anqas jista’ jgħarbel lil min qiegħed jidher biex jirrappreżentah. Jekk huwiex tajjeb jew le. Jekk huwiex jgħid is-sewwa jew le. Għax f’dan direttament, kif qal is-Senatur Demokratiku Amerikan Brian Schatz (1972), il-politiku għandu jagħżel li jindirizza lill-bnedmin ħutu b’mod tajjeb: “Talk like normal people. It is not just that we are unable to reach people. It’s that people are unable to reach us.” (Tkellem bħall-bnedmin normali. Mhuwiex biss li m’aħniex kapaċi nilħqu lin-nies, imma huwa li l-bnedmin ma jistgħux jilħquna.)

Pass ieħor

6. F’dan għalhekk huwa iktar ċar li hemm linja li trid tinqabad. Ċertament McLuhan mhuwiex Bauman, u wisq inqas Orwell, imma huwa ċar li lkoll jaqblu. Il-politika t-tajba hija dik li ġġib lill-bnedmin f’daqqa u li trid tinbena mhux fuq il-paraventi, imma fuq il-Verità. Nispera f’dan li wieħed jifhem li biex ikun hemm pass ieħor ’il quddiem, il-pożizzjoni trid tinbidel. Mhux biex kollox jibqa’ l-istess, imma fil-bżonn iebes u diffiċli li ssir verament aħjar minn dik li hi. Dik hija ċertament l-isfida tagħna. Dik li nħares ’il quddiem sabiex sseħħ.

20.10.23

MIMLIJA B'GĦERF U GĦAQAL

1. Ftit ilu ħadt pjaċir naqra fuq dak li diversi Presidenti tal-Istati Uniti għamlu tul il-kampanji elettorali tagħhom u waqt li kienu qed iservu. Ħassejt konsolazzjoni u ispirazzjoni fil-fatt li stqarrew, fl-awtobijografiji tagħhom, li ħdejhom kienu jżommu ktieb reliġjuż. Jaqrawhom mhux biss biex isibu gwida fil-mumenti iebsa, aktar ukoll għall-konsolazzjoni, imma l-iktar għal direzzjoni. Jagħrfu dak li bnedmin oħra għaddew minnu f’din id-dinja u kif jistgħu jieħdu eżempju minnhom. Demokratiċi u Repubblikani varji jgħidu dan kollu mingħajr biża’, anzi fil-bżonn li jgħaddu lill-oħrajn sija fil-politika kif ukoll barra kemm dan kollu huwa eżerċizzju tajjeb.

Għala wieħed jikteb

2. Diversi drabi nistaqsi lili nnfisi għala nibqa’ nikteb, u f’dan ukoll nistaqsi għala oħrajn jibqgħu jew jieqfu jiktbu. Insib ideat u forma ta’ boxxla meta niftakar f’dak li George Orwell (1903-1950) kiteb dwar dan. Huwa jelenka erba’ raġunijiet. L-ewwel: l-egoiżmu pur, viċin in-narċissiżmu, fit-tama li tidher iktar bravu, jew li tiġi mfakkar wara li titlaq minn din il-ħajja, jew li tipprova xi punt. It-tieni: l-entużjażmu li jitwieled mill-pjaċir sempliċi li tirreġistra l-pjaċir tal-ħajja u li tikteb dwarha. It-tielet: l-impuls storiku fis-sejħa li tfittex ir-realtà u ssib il-fatti veri u tiktibhom biex jinsabu fil-futur f’dawk li jfittxu huma wkoll. Ir-raba’: għal skopijiet politiċi fl-akbar u fl-iktar firxa wiesgħa tal-kelma. Fejn tittama li b’dak li tkun qiegħed tikteb timbotta jew tgħin biex id-dinja timxi ’l quddiem għal ħajja aħjar għall-bnedmin. Huwa jgħid hekk: “Once again, no book is genuinely free from political bias.” (Għal darb’oħra, ebda ktieb m’huwa ġenwinament liberu minn xi linja politika.)

Fil-festa

3. Jgħaddu ħafna ġranet minn fuqna u hemm is-sabiħ u l-ikrah tagħhom. F’dan hemm ukoll dak li tqum issib il-jum dedikat għall-memorja ta’ qaddis jew ieħor. Bnedmin li tul ħajjithom taw lura lill-proxxmu ferm u ferm iktar. Persuni li f’mument minnhom, fl-eżistenza tagħhom fehmu li jistgħu jkunu aħjar u jistgħu jagħmlu dan billi jwettqu t-tajjeb. Sabu dak li nsejħu ‘vokazzjoni’. Sabu, fil-fatt, li jistgħu jitilqu ħafna affarijiet oħra warajhom u jimbarkaw fuq ħajja li hija mimlija b’aktar sens u sustanza. Ittrasformaw lilhom infushom biex saru strumenti aqwa, li fihom fehmu aktar l-abbiltajiet tagħhom u r-realtà vera li għexu fiha. Il-verità għandha diversi toroq li nistgħu nippruvaw naqbdu għaliha, imma dawn il-persuni varji li jispikkaw maż-żmien għandhom is-soluzzjonijiet tagħhom. Fost dawn insibni, diversi drabi, immiss ma’ Santa Tereża ta’ Avila. Bniedma li għandha ħafna x’tagħti lilna lkoll.

Issib il-ġdid

4. Fil-15 t’Ottubru niċċelebraw il-festa reliġjuża tagħha. Imma fil-verità, dak li wettqet u dak li kitbet jibqa’ miegħek għas-sena kollha. Mhux biss f’dak li ħareġ minn idejha, imma wkoll fid-diversi kotba li sena wara sena jinkitbu biex janalizzaw u jippruvaw jifhmu aktar dak li kitbet. Ħafna drabi, tul il-kampanji elettorali nassigura kitba tajba dwarha biex insib gwida, u fl-istess ħin konfort fil-mumenti xejn faċli fejn il-bniedem irid jikkumbatti ħafna. Jikkumbatti lilu nnifsu, imma daqshekk ieħor barra minnu. Kif jimxi, kif jitkellem u kif jikteb jingħataw importanza mill-oħrajn. F’dan, il-kittieba Tereża tgħin ħafna sabiex tkun ferm iktar attent milli tista’. Biss dan huwa aktar possibbli għax taqra x’taqra dwarha ssib dejjem il-ġdid u l-ġid.

Ħafna ma jifhmux

5. Kienet il-bniedma li ddeċidiet li tirriforma l-Karmelu. Tressqu lura għall-oriġini tiegħu u ġġibu iktar rilevanti. Marret kontra l-kurrenti kbar li s-soċjetà li kienet tgħix fiha kellha. Ma qagħditx lura, imma fl-età tal-maturità mhux biss ħasset li għandha missjoni li biha twettaq iktar ġid fid-dinja, imma li mbarkat aktar fiha. Dan huwa wkoll wieħed mit-temi li sibt fi ktieb li bdejt naqra li ġibidli l-attenzjoni: Teresa of Avila and the Politics of Sanctity tal-Amerikana Gillian T.W. Ahlgren (1964). Fost id-diversi sibt kapitolu fejn l-awtriċi tiddiskuti u tfittex għala Tereża ta’ Avila kienet tikteb, bit-titolu The right to Write: Authority and Rhetorical Strategy in Teresa’s Works. Fl-isfond tas-soċjetà maħkuma wkoll minn ħidmet l-Inkwiżizzjoni, din il-mara ddeċidiet li għandha tikteb għall-oħrajn.

Tistaqsi

6. Fuq dan, il-Professoressa Ahlgren tistaqsi: “How was a woman, deprived of a university education and any institutional title beyond prioress – a title she avoided as much as possible – to work round the limitations imposed upon her by the institutional church?” (Kif, mara bħalha, imċaħħda minn edukazzjoni universitarja u xi titolu istituzzjonali salv dak ta’ Madre Superjura – titlu li kienet taħrab kemm setgħet – li ddur madwar il-limitazzjonijiet imposti fuqha mill-knisja ta’ dak iż-żminijiet?). Imma f’dan kellha mira ċara ‘politika’ fl-iktar firxa wiesgħa tagħha: li twassal mhux biss messaġġ, imma wkoll manwali biex minnhom u bihom wieħed jimxi ’l quddiem. Wieħed jiskopri aktar aħjar is-sabiħ tal-ħajja u l-importanza tal-verità. L-għodda essenzjali sabiex wieħed ikun aktar rilevanti u determinanti f’dak li jwettaq għalih innifsu u għall-oħrajn.

Xorti

7. F’dawn il-jiem li fihom l-istatwa mill-isbaħ ta’ Tereża tibqa’ esposta fil-Kunvent tal-Patrijiet Karmelitani Skalzi wieħed jifhem aktar ix-xorti li għandhom dawk li jagħmlu ħajjithom fil-gwida tagħha. Kull ktieb u kull sentenza tagħha għandhom rilevanza għalina llum. Kull kelma kienet magħżula b’attenzjoni naturali. Ħierġa mill-qalb u l-moħħ, u mmirata bil-preċiż fejn ħasset li riedet tasal bihom. Għal min għadu ma messx magħha f’dan u jrid jiskopri aktar f’ħajtu tajjeb li ma joqgħodx lura minnha. Anki jekk ma tarakx wisq prattikanti, għandha wisq pariri tajba li huwa sewwa li wieħed jieħu.

Kienet fl-ordnijiet reliġjużi imma ma kinetx maqtugħa mill-ħajja. Ir-reliġjon ma kinetx loppju jew aljenazzjoni imma għarfien ferm aqwa tal-ħajja. Għal dawk li bħali qrawha u jibqgħu, għandhom jagħrfu li hija mimlija b’għerf u għaqal.

3.10.23

ŻIFFA W TAMA ĠDIDA JRID IL-POPLU

1. Waqt li llum nibdew xahar ġdid u għada jibda jiltaqa’ mill-ġdid il-Parlament, għandna naraw fejn aħna. Wara dak kollu li rajna fid-disa’ xhur li għaddew, huwa naturali li wieħed jistaqsi x’linja politika ser jaqbad il-Gvern. Il-pożizzjoni mhix xi waħda faċli għalih, u dan għax tilef ħafna appoġġ elettorali. Sinjal ċar li, għall-kuntrarju ta’ dak li jingħad, l-elettorat huwa attent għal dak kollu li hu għaddej. Kapaċi janalizza u jagħżel bejn dak li huwa tajjeb u dak li mhuwiex. Ma jiġrix naħa jew oħra malajr. Il-Gvern penalizzat u issa f’dan dieħel f’kampanja fejn irid jara kif ser juri li ħa għarfien tas-sinjali taż-żminijiet. Minflok, però, qed naraw li l-linja hija dik li tipprova tibdel kożmetikament dak li, minn taħt, għadu l-istess.

Politika u Ideali

2. Fil-bażi u l-pedament tal-pożizzjoni huwa iktar ċar li m’hemmx iktar fronti ta’ ideat u ideali li wieħed għadu jħares ’il quddiem għalihom. Hemm, minflok, Gvern li huwa maħkum mill-problemi ta’ amministrazzjoni. Huwa iktar dak li qiegħed jikkumbatti biex jamministra, jum wara jum, mingħajr ideat ġodda li jħarsu lejn il-futur, u għalhekk, fit-tul. Linja li diversi, kif urew l-aħħar elezzjonijiet ġenerali, kienu lesti li jaċċettaw. Il-kumplikazzjoni issa hija li anki f’dan qiegħed ifalli, u l-pajjiż huwa skomdu fin-nuqqasijiet li qiegħed jidentifika. Dawk li huma mwielda proprju mill-fatt li l-Gvern mhux kapaċi jidderiġi ’l-Istat fejn il-pajjiż jistenna li jimxi. F’dan huwa evidenti li l-poplu huwa lest li jaċċetta li jkollu Gvern mingħajr ideal, imma l-aqwa li jkun kapaċi jmexxi dak li huwa fil-ġid komuni. Għalija, pożizzjoni xejn tajba u li titlob risposta, għax il-pajjiż jixraqlu aħjar.

Kultura u Politika

3. Risposta, għax qegħdin f’fażi fejn il-politika tilfet mill-ideali tagħha għax m’hemmx bażi kulturali demokratika. Hemm, minflok, l-ideali żbaljati li jħarsu lejn il-poter f’termini awtoritarji. Il-mentalità hija li għandi pożizzjoni, għandi l-poter, u allura nista’ nużah u neżerċitah kif irrid. F’dan, diversi narawhom jużawh b’mod arbitrarju, u dan f’kull livell tal-Istat. Il-pajjiż huwa nieqes minn din il-kultura demokratika u għad hawn nuqqas kbir fil-bżonn li wieħed jibni kuxjenza nazzjonali għaliha u jifhem li mingħajr id-demokrazija il-pajjiż ma kienx ikun fejn hu llum. Mingħajr din is-sistema ma jkunx hemm avvanzi soċjali, u wisq inqas ekonomiċi. Hemm, però, aktar minn qabel, it-theddida kostanti f’din is-soċjetà ta’ dawk li jaħsbu li jistgħu jinjoraw il-passat. Jistgħu jinjoraw l-istorja u dak li kien qal Primo Levi (1919-1987), li ladarba kellna l-esperjenza qarsa tan-Nażi-Faxxiżmu, m’hemm xejn xi jżomm li l-istorja terġa’ tirrepeti ruħha. U din il-mewġa tiġi taħt ilbiesi differenti, imma xorta tiċħad id-demokrazija u tafferma t-tiranniji.

Demokratiċi u Dittaturi

4. Intefqu u qed jintefqu flejjes kbar fuq proġetti ekonomiċi li llum nistgħu nduru lura u naraw li din l-Amministrazzjoni, immexxija mill-Partit Laburista, f’ħafna minnhom sparpaljat fix-xejn. Hemm elenku ta’ dawn, li jindika wkoll li l-prijorità tal-Gvern mhix, u ma kinitx dik li tħares il-valuri li aħna għandna. Flok infaqna l-flus fil-kotba, fi programmi u diskussjonijiet fuq dak kollu li għandna u li rridu nħarsu, morna lejn dak li nkissru dak li aħna. Flok maċ-ċittadini qassamna dokumenti u lezzjonijiet li kapaċi joħorġu mill-kotba ta’ awturi li jibdlu l-fehmiet tal-bnedmin, bħal dak ta’ Primo Levi bit-titlu Se questo è un Uomo, jew ta’ Alexander Solzhenitsyn (1918-2008) bit-titlu One day in the life of Ivan Denisovich, jew ta’ George Orwell (1903-1950) bit-titlu Animal Farm, nippersistu f’politika li trid tkattar l-injoranza mid-demokrazija u d-dipendenza fuq id-dittatorjat.

Valuri Nsara Ewropej

5. Bil-politika mingħajr ideal, il-poplu twassal f’pożizzjoni fejn qed jesperjenza l-vojt. Flok qed nassiguraw li ma jkollniex aktar abbużi fil-poter u li nħarsu b’imħabba u reqqa l-ispirtu demokratiku, qed naħarbu minn kollox. Il-problema iktar tiżdied fil-kumplikazzjonijiet tagħha fl-għarfien popolari li m’hemmx lok għal bidla vera. Hemm, anzi, il-biża’ li ser jirrepeti ruħu dak li seħħ billi jibqa’ kollox l-istess. Għax jekk ma tibnix kultura demokratika, titlef dak li għandek. Għax jekk tinsa l-għeruq tiegħek, tkun qiegħed titbiel. Il-pożizzjoni llum hija proprju dik li l-pajjiż irid jara s-sewwa u qiegħed ifittex fil-klassi politika li jsib sens u sustanza, imma mhuwiex isibhom. Minflok qiegħed, fin-nuqqas ta’ kultura demokratika, idur lejn ideat populisti li jġibu biss traġedji.

Kunfidenza żejda

6. F’din il-fażi, fejn diversi stennew li matul dan is-sajf ser ikun hemm bidla fil-linja tal-Gvern, minn għada ser nifhmu li dik it-tama sfumat fix-xejn. M’hemmx, evidentement, alternattiva oħra, salv li jħalli kollox kif inhuwa u jipprova jivvinta ruħu mill-ġdid. Diskorsi politiċi f’immaġini ta’ poter u ta’ tifħir, fejn il-verità li wasal biss lejn iktar konċentrazzjoni ta’ poter fi ftit idejn, b’mod ċentralizzat, ma tingħadx. Huwa iktar ċar li hemm theddida għal-libertà, għad-dinjità tal-bniedem proprju għax hemm iċ-ċaħda tal-verità. Qed naraw dejjem iktar persuni li flok ifittxu ma’ oħrajn il-fatti u l-valuri t-tajba, qed jirrepetu dak li l-magna tal-Istat trid ixxerred. Din hija t-triq li ser tkompli teħodna ’l bgħid mid-demokrazija. Din hija linja politika li tindika li min qiegħed fil-poter għandu kunfidenza dejjem ikbar, u mhux diffidenza minnha. Pożizzjoni li qed temerġi bħala iktar perikoluża proprju fin-nuqqas ta’ reazzjoni imma persistenza fl-immobiliżmu.

Alternattiva

7. F’dan, huwa iktar evidenti li żdiedet iktar ir-responsabbiltà fuq l-Oppożizzjoni li tagħti alternattiva. Li tifhem iktar li trid timxi ’l quddiem biex tibni programm politiku iktar demokratiku li huwa mwieled minn dak li jrid il-pajjiż. Minn isfel għal fuq, u mhux il-kontra. Jekk ma nkunux lura mal-poplu mhux ser nifhmu l-bidliet li hemm bżonn isiru. Dawk fi ħdanna u dawk fil-proposti għal viżjoni u futur aqwa għal pajjiżna. Jekk irridu li nibqgħu fejn aħna ser, minflok, naraw iktar milli għandna. Jekk irridu nibdlu, irridu nifhmu li għandna dmir nazzjonali li niċċaqilqu f’linja li m’hijiex dik li rridu aħna, imma dik li jrid u li jippretedni l-pajjiż mingħandna. Nemmen li dan aħna kapaċi nwettquh, u m’għandniex nilludu ruħna, u anqas inmeru l-fatti. Għandna, minflok, inħarsu li ndaħħlu lura żiffa friska fil-politika, li minnha titwieled tama bbażata fuq it-tisħiħ tad-demokrazija u twettiq ta’ programm li jkun mimli b’viżjoni li l-poplu jħossu parti minnha. Dan huwa li pajjiżna jrid mingħandna.

5.8.21

 

Forom awtoritarji ġodda

 

1.    Mhux dejjem forzi ta’ prepotenza u kontroll ikunu fid-deher.  Hemm min jagħti l-ordnijiet li ma jmissux, u dawn narawhom jew immissu magħhom.  Hemm però setgħat oħra li jiddominaw u jirnexxilhom f’dan mingħajr ma jkunu identifikati.  Hemm awturi varji, bħal George Orwell, li kiteb dwar min jikkmanda b’abbuż tal-jedd fuq l-oħrajn.  Il-kotba tiegħu jibqgħu għad-dispożizzjoni tagħna, iktar u iktar għal min irid jifhem iktar ir-realtà li qed ngħixu fiha.  Il-ħajja u l-għarfien tal-kurrenti tagħha mhumiex dejjem fl-għajn esterna u interna tagħna.  Nafu nkunu “maħkuma” mingħajr ma nirrealizzaw jew nindunaw.

 

Argument xejn faċli

 

2.    Diġà qed ngħixu f’dinja fejn il-moħħ ta’ diversi huwa maħkum mit-teknoloġija moderna.  Id-dominazzjoni ġejja fl-attwalità, dak ta’ issa, kif ukoll fil-mudelli li l-bniedem qiegħed jimita mingħajr ma jinduna.  Hemm bżonn li wieħed jifhem biex jafferma mill-ġdid lill-bniedem.  Jafferma d-dinjità tiegħu, l-umanità sħiħa tiegħu.  Ikun attent li ma jiġix de-umanizzat.  Li ma jitlifx minn dak li huwa biex isir iktar dak li m’għandux ikun.  Is-soċjetà tagħna, fil-mument attwali għandha ħakma għaddejja fuqha.  Il-bniedem fil-ħajja ġie iktar għas-servizz tat-teknoloġija moderna.  Huwa iktar taħt id-dominju tal-apparati li għandna, bħall-mobiles avvanzati li hawn għad-dispożizzjoni.

 

Distratti

 

3.    Tmur fejn tmur, tara forom ta’ “imħabba” lejn dak li jidher fuq il-mobiles avvanzati.  Hemm forom ta’ aljenazzjoni u tixrid tal-moħħ.  Hemm ħakma tal-attenzjoni fis-sens li l-ħsieb u l-prijoritajiet jiġu kontrollati.  Tħares lejn min tħares, ħafna drabi tinnota li l-għajn qed issegwi iktar dak li dawn il-kaxxi żgħar għandhom iktar mill-ħajja ta’ madwar.  Mhux biss bnedmin qed ikunu f’dan mitlufa, imma qed jgħixu ‘realtà’ apparenti.  Mhux biss, imma l-linja tal-ħsieb tagħhom hija dominata minn dak li ħaddieħor irid jaħkimhom biha.  Hija ferm iktar faċli biex tmexxi linji ta’ propaganzda ta’ tmexxija ta’ ideat żbaljati.  Anzi, iktar li tmexxi l-gideb bħala verità.  Li tabbuża mis-sistema.  U l-bieb għal tali aġir huwa iktar għas-servizz ta’ mexxejja politiċi li għarfu l-vantaġġi għall-politika tagħhom li dawn jagħtu.  Ċertament, jekk Orwell kellu jerġa’ jitwieled, naħseb li kien jagħraf li l-mezzi li għandna fl-idejn u li nġorru magħna qed jinfluwenzawna wisq.  Kien jikteb kotba oħra.

 

Il-bniedem

 

4.    F’dan wieħed jifhem iktar li l-bniedem qiegħed jieħu indirettament ordnijiet li huwa stess jaċċetta mingħajr ma jifhem li qed iwettaq dan.  Ċerti drabi, bil-ħakma tal-ħsieb li wieħed għandu jsegwi lill-ieħor.  Jekk wieħed għandu apparat, l-ieħor għandu jkollu wkoll.  Jekk wieħed juża tali apparat fil-‘vantaġġi’ li oħrajn qed jieħdu, daqshekk ieħor huwa.  Imma, iktar minn hekk hemm id-diffikultà li l-bniedem qiegħed, għal darb’oħra jżarma lilu nnifsu biex isir jimita karatteristika u sura li m’għandux, jew aħjar, li m’għandux ikollu.  Il-bniedem, għal darb’oħra, flok jafferma l-indipendenza tiegħu, flok iħalli l-ispirtu liberu tiegħu jkun sod, qiegħed jippermetti lilu nnifsu jsir magna jew parti minn sistema mekkanizzata.  Fil-ħsieb li qiegħed isegwi ‘n-natura’ tiegħu, qiegħed jipprova jilħaq dak li mhuwiex.  Jipprova forom ta’ perfezzjonijiet organizzattivi li jwassluh biex la japprezza lilu nnifsu u anqas lil dawk li għandu miegħu.

 

Waqt u wara l-Pandemija

 

5.    Fil-bidu tas-sena, il-ġurnal The Economist, fil-pubblikazzjoni tiegħu ‘The World in 2021’ jiftaħ f’iktar gravità u attenzjoni għal dan.  Hemm hemm it-twissija indiretta: “The post-Covid world will be far more digital.  From remote working to online retail, the pandemic has compressed years’ worth of transformation into months, bringing with it a dramatic shake-up on how people live, what they buy and where they work.”  Li jfisser li billi ġejna iktar dipendenti fuq it-teknoloġija, m’aħniex sejrin inneħħuha wara.  Anzi, ser taħkimna iktar.  Ser nibqgħu, f’kelma waħda, f’livell ogħla fil-bidliet li ser isiru.  Il-ħajja tal-bniedem ser iktar tgħaddi mit-teknoloġija biex tirreġistra avvanz.  Dan ikun perikoluż, jekk ma jagħrfux li hemm f’dan l-opportunità għal ħaddieħor biex jaħkem.  Sija jekk ikunx fis-suq, sija jekk ikunx fil-politika, sija iktar fl-istil tal-ħajja li qed tiġi mposta fuq dawk li ma jikkonformawx.  Fuq dawk li jridu jipproteġu l-umanità tagħhom.  Jirreżistu sabiex il-libertà tagħhom tinżamm.

 

Algoritmi

 

6.    Diġà għandna sistema fejn hemm kontrolli u influwenzi li ma narawx.  Imwielda mill-ħsieb li l-moħħ tagħna għandu jiġi nfluwenzat.  Anzi, li huwa, għas-sistema, ‘leġittimu’ li niġu mgħoddija informazzjoni li ma tlabniex.  Sistema li tidher ‘intelliġenti#, imma fin-nuqqas ta’ kontroll qed issir dejjem iktar ‘abbużiva’ u invadenti.  Jekk tfittex suġġett partikolari fil-libertà li t-teknoloġija suppost tagħtik, tibda ssib li ddur fejn iddur, għandek ‘suġġerimenti’ li ma tlabtx.  Hemm asfissjar qawwi li hemm min iħossu, u hemm ħafna li mhux talli ma jħossuħx, imma talli qed jinħakmu f’dak li huwa ‘normali’.  Dan iktar f’dak li hemm min qiegħed jitkellem fuqu bħala ‘new normality’.  Flok nieħdu lura l-arja u l-ispazju tagħna, il-prospett huwa anzi ta’ ħakma ikbar.

 

Hemm bżonn difiża

 

7.    Jista’ jkun li wieħed jista’ jipproteġi ruħu minn dan, li jaqbeż għaċ-ċittadin normali tagħna u vulnerabbli f’dan.  Biss, is-sistema taf tkun iktar ikkumplikata biex toħroġ minn dan l-abbuż.  Mhux biss, imma iktar gravi li s-sistema tmexxik sabiex dan l-aġir ta’ reżistenza jkun l-eċċezzjoni, u mhux ir-regola ġenerali.  Il-bniedem mhux mgħarraf fil-fruntieri l-ġodda tat-teknoloġija, anzi llum, fil-prospett ta’ futur iktar dominat, għandu bżonn protezzjoni effettiva.  Għandu bżonn li jkollu mekkaniżmi legali u li jinbnew linji politiċi, prijorità nazzjonali, li jagħrfu dan u l-importanza li wieħed jiddefendi ‘l-bniedem.  Għandna drittijiet fil-liġijiet tagħna li huma ta’ garanzija f’ħafna abbuż.  Biss, f’dan, l-ambjent tekonoloġiku qiegħed jiftaħ xenarju li jitlob difiża.

 

Il-ħakma

 

8.    Il-ħakma m’għandhiex neċessarjament issir mill-persunaġġi u l-karattri li George Orwell fir-‘Razzett tal-Bhejjem’.  Qed issir b’iktar intelliġenza u poteri li mhumiex jidhru.  Qed issir b’idejn li ma jidhrux, imma li qegħdin, fil-fatt, ‘jikkontrollawna’.  M’hemmx trasparenza f’dan.  Hemm il-kawżi, u minnhom il-konsegwenzi u l-effetti tagħhom.  Il-bniedem diġà qabad toroq li qed jeħduh fejn huwa stess ma jagħrafx.  Qed jagħti l-kunsens tiegħu mingħajr ma huwa jara li qed jaċċettahom.  Isir ‘kompliċi’ indirett mingħajr ma għandu lil min jiftaħlu għajnejh.  Bejn dak li qiegħed jiġi prospettat li ser iseħħ waqt u wara l-pandemija, jibqa’ ċert li huwa dmir tagħna li naraw li ma jkollniex twelid ta’ forom awtoritarji ġodda fis-soċjetà tagħna.

ĦAL TARXIEN/RAĦAL ĠDID – TRIQ NAZZARENU – XOGĦLIJIET

35817. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijiet...