Showing posts with label Inkjesti maġisterjali. Show all posts
Showing posts with label Inkjesti maġisterjali. Show all posts

24.2.25

DUBBIEN, NEMUS U LJUNFANTI

1. Fl-ekosistema tagħna, f’dik tad-dinja sħiħa li aħna mistednin ngħixu fiha, hemm diversi speċje li jikkomponuha. Ilkoll bil-qies u d-daqs tagħhom, imma fil-fatt ilkoll maħluqa biex jgħixu flimkien. Kull insett, kull annimal fuq din l-art huma hemm biex mhux biss ikunu f’daqqa, imma sabiex jgħinu lil xulxin. F’dan huwa veru wkoll illi aħna l-bnedmin ma tantx nieħdu gost bil-fittaġni tad-dubbien, u wisq inqas bil-preżenza tan-nemus, u nibqgħu pass ’il bgħid mill-preżenza ta’ iljunfant. Imma f’dan nagħrfu li ma jistax ikollok dinja jekk dawn ma jkunux hemm ilkoll f’daqqa. Anzi ninkwetaw meta xi annimal narawh fil-periklu li jispiċċa mill-eżistenza. Għax ilkoll għandhom skop.

Il-Pajjiż

2. F’ħafna, hekk aħna lkoll. Id-demokrazija li ngħixu fiha, li hija l-ekosistema politika, hija magħmula minn bnedmin differenti. Dawk li għandhom karattri partikolari. Uħud tmur tajjeb magħhom. Imma oħrajn huma fitti bħad-dubbien, jew iniggżu bħan-nemus. Oħrajn ukoll huma, fil-guffaġni tagħhom, iljunfanti. Imma jkun żball soċjali jekk b’xi mod naħsbu li nistgħu naċċettaw biss il-ftit u neskludu lill-ħafna, l-iktar dawk li jdejquna. Kull persuna huwa mwieled bil-karattru tiegħu u bi skop preċiż. Hija verament abbiltà fid-demokrazija li min imexxi jrid jagħraf ikun il-persuna li tieħu ħsieb il-bżonnijiet ta’ kulħadd, inti ġej minn fejn ġej. F’isem is-sewwa u mhux għal skopijiet oħra, kif inkiteb fil-ktieb ta’ George Orwell (1903-1950), Animal Farm (Ir-Razzett tal-Bhejjem). Dak li kien qalilna li: “In a time of deceit telling the truth is a revolutionary act.”

Liġijiet

3. Diġà, fis-sistema legali u kostituzzjonali tagħna, għandna l-wirt ta’ snin li permezz tagħhom il-bnedmin fuq dawn il-gżejjer għandhom id-drittijiet. Anzi, għandhom iktar drittijiet minn ġenerazzjonijiet passati. Għandhom liġi suprema li fiha hemm id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali mniżżla. Ħadna s-snin biex ktibnihom, bnejnihom u applikajnihom. Proċess ta’ progress u żvilupp uman. Dak li mhux biss ma jippermettix li mmorru lura minnhom, imma anqas li nonqsu milli niddefenduhom. Huwa minnu li nħarsu lejn il-Qrati tagħna bħala dawk li jwettqu l-ġustizzja meta dawn jiġu miksura. Imma daqshekk ieħor hemm dan il-piż fuq kull min għandu kariga jew ħatra f’pajjiżna. Nagħrfu f’dan li l-President tar-Repubblika għandha naturalment din il-funzjoni, imma daqshekk ieħor il-Prim Ministru ta’ pajjiżna.

Vuċijiet u opinjonijiet

4. Fost dawn hemm id-dritt li wieħed jesprimi l-opinjoni tiegħu fuq kollox. Fil-libertà, vuċijiet varji fis-soċjetà jgħidu tagħhom. Illum aktar mill-bieraħ, bl-użu tal-mezzi soċjali u dak kollu li qiegħed, biċċa biċċa, jiżviluppa ruħu. Tista’ taqbel ma’ dak li jingħad u tista’ le, imma trid tagħraf li hemm ġid fl-ekosistema soċjali li jingħad. Hemm min ma jittollerax lil dawk li ma jaqblux miegħu tant li jċekkinhom, jirredikolahom u jemarġinahom. Imma lkoll nafu li fis-soċjetà huwa vantaġġ li tisma’ lil kull persuna. Hemm vantaġġ li tara x’inhuwa jingħad, u meta tkun Prim Ministru li tibqa’ tisma’ u tiddefendi lil dawk stess li ma jaqblux miegħek, inkella lil dawk li turi li tippretendi minnhom li ma jitkellmux.

Verament

5. F’dan huwa minnu li wieħed jiddejjaq mid-dubbien, li anke jekk tkeċċih, jibqa’ jiġi fuqek u jiffittak. Daqshekk ieħor in-nemus li jdur madwarek u jniggżek, anke jekk taf li għandek il-jiem biex imur l-effett tat-tniggiż minn fuqek, anke jekk tibqa’ tħokkhom. Biss, biex tneħħi l-fastidju ma tużax il-piż ta’ ljunfant li għandek f’idejk biex tipprova teliminahom. Mhux ser jirnexxilek u ser jibqgħu jduru, jistennew il-mument meta jibdew jiffittawk lura u jduru madwarek. Flok jonqsu, tagħtihom aktar skop biex ikomplu.

Fejn ninsabu

6. Ninsabu fid-demokrazija, u f’din, min imexxi l-pajjiż irid jagħraf jirrispetta lil dawk li ma jaqbilx magħhom. Irid jagħraf jieħu fil-kalatura l-ħsieb tal-oħrajn, u jispjega bil-fatti u l-argumenti veri għala ma jaqbilx. Ma jridx jattakkahom fil-persuna tagħhom, imma jirrispetta d-dritt fundamentali tagħhom li jgħidu dak li jidhrilhom. Ikun qiegħed imur lura jekk jattakka u jipprova jagħlaq ħalq jew ħidmet l-oħrajn. Għax kif diversi qed jgħidu, huwa tajjeb li għad għandna s-sistema tal-inkjesti maġisterjali legali kif għadha ħajja sal-lum. Huwa ħażin li titneħħa kompletament, kif ser iseħħ. Ikun, anzi, ferm aħjar jekk tiġi perfezzjonata aktar, sabiex tkun għodda iktar diretta li tiggarantixxi t-trasparenza, il-kontabilità u l-legalità. Waqt li f’dan inżommu quddiemna bħala gwida dak li kien qal Orwell, li fi żmien l-ingann huwa rivoluzzjonarju li wieħed jgħid il-verità, niftakru li d-dubbien u n-nemus ma tneħħihomx b’iljunfant.

20.2.25

KIEN JAGĦTINA PARIR

1. Fil-ħajja kostanti tiegħu, il-bniedem jaġixxi u jirreaġixxi. F’diversi setturi, l-azzjoni u r-reazzjoni jiġu f’daqqa wara xulxin. F’oħrajn le, speċjalment fil-kamp politiku, fejn diversi drabi jkun żball li wieħed iwieġeb immedjatament, u anzi, ħafna drabi jkun aħjar li jibqa’ jistenna u jipposponi. Mhux faċli, u l-bnedmin huma marbuta mal-imperfezzjonijiet tagħhom li jwassluhom jiżbaljaw. Imma tajjeb li jieħdu parir.

Ftit għarfien


2. Ħafna drabi, f’dawn il-pożizzjonijiet jiġu ssagrifikati dawk li m’għandhomx. Hemm wirt storiku, soċjali, kulturali, reliġjuż, legali li xi drabi jiġi mixħut għall-arja u distrutt. F’dan, mhux ħafna bnedmin għandhom l-arti tal-ġudizzju u jifhmu meta u kif, u jekk għandhomx jaslu għal dawn il-passi. L-istorja turi li dik il-linja aħjar jekk ma tinqabiżx, anke jekk tidher neċessità tant qawwija li hija inevitabbli. F’dan, meta wieħed iħares lura jibqa’ jirrealizza li kien ikun aħjar li ma wettaqx dak li għamel.

F’dawn il-jiem


3. Dan huwa iktar rilevanti f’dawn il-ġranet li niftakru mill-ġdid f’dak li seħħ fil-15 ta’ Frar 1944 ġewwa l-Italja. Meta ttieħdet id-deċiżjoni żbaljata li jiġi attakkat mill-ajru l-Monasteru ta’ Montecassino. Monument reliġjuż u storiku mwaqqaf fil-529 sena W.K. minn San Benedittu, il-fundatur tal-Ordni magħrufa bħala ‘tal-Benedittini’. Post mimli b’wirt li għadda minn ġenerazzjoni għal oħra. Kien il-post li għalkemm parti mil-linja tad-difiża Tedeska ma kienx okkupat jew użat militarment minnhom. Imma żbaljatament, kien hemm min fuq in-naħa allejata li kien konvint li kien hemm suldati Tedeski fih u li kienu libsin ukoll ta’ patrijiet. Ajruplani varji kissruh fix-xejn. Għax dak li ma kienx, sar wara. Sar kamp tal-battalja li eluf ta’ nazzjonijiet varji tilfu ħajjithom fih.

Neċessità militari


4. Kien żbaljat aktar u jibqa’ hekk proprju għax ftit xhur qabel, f’Diċembru tal-1943, il-Kap Kmandant tal-Forzi Amerikani, Dwight D. Eisenhower (1890-1969), li aktar tard sar huwa wkoll President tal-Istati Uniti, kien għadda direzzjoni lis-suldati magħrufa bħala ‘Protection of Cultural Property Order’, fejn waqt li fakkar li l-Italja kienet sinjura fil-patrimonju, ordna li din kellha tkun rispettata. Anzi, huwa kien qal: “Which by their creation helped and now in their old age illustrate the growth of the civilization which is ours.” Fl-istess kitba daħal fil-bilanċ li huwa ħass li jrid isir: “If we have to choose between destroying a famous building and sacrificing our own men, then our men’s lives count infinitely more and the buildings must go. But the choice is not always so clear as that ... Nothing can stand against the argument of military necessity. That is an accepted principle. But the phrase ‘military necessity’ is sometimes used where it would be more truthful to speak of military convenience or even personal convenience.”

Żball traġiku

5. Minkejja dan għamlu l-kontra, ċertament minħabba pressjoni kbira u b’nuqqas kbir ta’ informazzjoni korretta dwar dak li kien qiegħed jiġri verament f’Montecassino. Fatti ħżiena jwasslu għalhekk. Ittieħdet id-deċiżjoni biex jiġi bbumbardjat. Diversi kienu rreżistew. Oħrajn ukoll, bħall-Ġeneral Ingliż Mark Clark (1896-1984), li jidher li kien ukoll kontra, wara ddeskriva kollox bħala “a tragic mistake”. Wieħed li għadu magħda sal-lum. Niftakru fih proprju f’din i-sena fit-tmenin anniversarju tat-tmiem ta’ dak il-kunflitt. Monument li ħa għoxrin sena biex jinbena lura mill-ġdid u li nfetaħ fl-1964. Pass li seħħ ukoll mertu u kredtu tal-Patri Benedittin Malti u Senglean Dom Mauro Inguanez (1887-1955), li din is-sena nfakkru s-sebgħin sena mill-mewt tiegħu. Kien hu li ħa ħsieb li diversi dokumenti ta’ valur li kien hemm jittieħdu Ruma għall-protezzjoni. Kien hu wkoll li siefer fl-irkejjen tal-Istati Uniti jitlob l-għajnuna finanzjarja biex il-post jinbena mill-ġdid. Kien hu li għadda minn din it-traġedja.

Ftakart


6. Quddiem dan kollu ftakart iktar f’dak li ninsabu għaddejjin minnu fil-Parlament. Għax f’dan wieħed għandu jżomm quddiem għajnejh li huwa faċli li tkisser u żżarma patrimonju milli tissudah. Sija jekk dan ikunx f’monumenti storiċi li jkollhom bżonn ir-restawr, kif ukoll jekk ikunx parti mill-wirt legali tagħna li jkollu l-bżonn li jintgħaraf mill-ġdid. Il-prinċipju għas-sewwa huwa li s-sustanza żżommha, tippriservaha mingħajr ma tarmiha. Jekk fis-sekli ġbarna ħafna direzzjoni tajba kif norganizzaw ruħna fil-ġustizzja rridu nkunu attenti sew qabel nibdlu dak li għandna. Diversi drabi jsir l-argument li għax liġi ilha mijiet ta’ snin, dan fih innifsu jiġġustifika n-neċessità li tingħata f’ħakka t’għajn daqqa ta’ mannara. L-inkjesti maġisterjali nafu li ilhom magħna u huma parti mit-tessut legali tagħna. Jista’ jkun hemm min iressaq l-argument ‘komdu’ li xi ħadd qiegħed jabbuża. Punt li jrid jiġi eżaminat aħjar fid-dettall, fejn il-verità tinfired mill-perċezzjoni. Imma f’dan ma jfissirx li nkunu ġustifikati li neqirduha, kif fil-fatt ser nagħmlu.

Konvenjenza politika u personali


7. Kif kien qal Eisenhower: “il-frażi ‘neċessità militari’ hija użata fejn f’mumenti jkun iktar veritier li nitkellmu dwar konvenjenza militari jew dik personali’. Forsi f’dan hija ferm iktar konvenjenti li nippruvaw inrendu din l-iskuża fl-istess termini ta’ dik tal-bumbardament ta’ Montecassino. Konvenjenti politikament li ngħidu li hemm abbuż meta dan jista’ jiġi kkontrollat, għax huwa aħjar li tingħad il-verità u jkunu ppubblikati l-fatti. Konvenjenti daqshekk ieħor li trendi l-antipatija li nbniet lejn persuna bħala xi forma ta’ ġustifikazzjoni. Xejn f’dan, però, ma jista’ jiġġustifika li s-sistema kif inhija titneħħa u tiġi distrutta fi trab.

Telf fil-patrimonju legali

8. F’dan ser nitilfu patrimonju legali li għandna. Wieħed li jrid iż-żmien tiegħu aktar ’il quddiem biex jinbena lura. Nittama li fir-riflessjoni u fil-kalma li kull liġi titlob qabel issir, ikun hemm min jifhem aktar li dan huwa żball traġiku. Il-liġijiet isiru biex ikabbru l-ġid fl-ordni morali u soċjali, u mhux il-kontra. Forsi l-istorja tgħinna f’dan, għax kieku kien hemm min ħaseb u kien aktar attent fi Frar tas-sena 1945, kienu għadna ngawdu patrimonju oriġinali fis-sħiħ tiegħu. Kieku d-dinja kienet tagħraf aktar li ma kinitx il-konvenjenza imma l-għaqal li mexxa. Għad hemm żmien utli sabiex inkunu attenti f’dak li ser isir. F’dan ninsab aktar milli ċert illi Dom Mauro kien jagħraf jagħtina parir siewi.

ĦAL TARXIEN/RAĦAL ĠDID – TRIQ NAZZARENU – XOGĦLIJIET

35817. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijiet...