29.12.23

FLIMKIEN FIL-VERITÀ U T-TAMA

1. M’hemmx messaġġ isbaħ minn dan, minn dak li jwasslulna l-kotba u kull ġrajja irrakkuntata minn din. Minn dak kollu li nkiteb fiż-żminijiet tal-eżistenza umana m’hemmx aħbar bħal din. Għada niċċelebraw Jum Partikolari Uniku: Il-Milied. Il-ġurnata li f’sekli twal il-bnedmin fakkru t-Twelid ta’ Sidna Ġesù Kristu. Fl-isfond ta’ dak li l-Evanġelisti jirrakkuntaw ma tistax ma tiqafx biex tifhem u tirrifletti fuq dak li seħħ. F’kif bniedem twieled fl-ifqar kundizzjonijiet immaġinabbli. F’għar f’Betlem, miftuħ għall-elementi mara welldet iben li għallem u mexxa ’l-bniedem. Biddel kollox ta’ taħt fuq u ġieb lura d-dinjità umana. Tana veritajiet li kull min iġarrab fil-ħajja jagħraf li jagħmel sew jekk isegwihom.

L-Għaqal

2. Il-messaġġ uniku tiegĦu jibdilna fil-bżonn li nfittxu l-verità u li f’din it-triq insibuha. Mhux kull min kiteb kotba li jixirqu attenzjoni għandu din is-sejħa fi ħsiebu u fi kliemu. Uħud jaħsbu li jistgħu jgħixu mingħajr verità. Oħrajn jaħsbu li l-verità ma tistax tinstab. Oħrajn li għandhom fihom il-missjoni li jħajru sabiex din it-tfittxija ma ssirx għal raġunijiet varji, fosthom li mhijiex utli. Għix li trid, aħseb li trid, imma tħabbilx rasek għax m’hemmx tama għall-futur. Mentri l-messaġġ Nisrani huwa proprju l-kontra. Tiftix tal-fatti, tas-sewwa, tal-verità sabiex wieħed jifhem aħjar il-ħajja u l-iskop li għalih twieled. Proċess li jinsab fil-fatt moħbi ġewwa kull persuna. Kull bniedem, f’xi mument iħoss dan il-bżonn: li jfittex u jiftaħ biex jinbidel. Isir, fl-għaqal tal-ħajja, aħjar milli kien sejjer lejn il-verità.

Dawl kbir

3. F’dan hemm il-pass sabiex il-bniedem jidħol aktar għal dan id-dawl tal-verità. Għax kull persuna trid tifhem u timxi ’l quddiem. Tifhem fid-dawl tal-ħajja. Tifhem fi kliem il-Profeta Isaija fejn jingħadilna: “Il-poplu li kien miexi fid-dlam ra dawl kbir; in-nies li joqogħdu f’art id-dlam, dawl idda fuqhom.” Fil-lejl li ser ngħaddu minnu hemm dan il-messaġġ qawwi li jingħadilna, imma mhux neċessarjament nagħtu wisq kas tiegħu. Mentri huwa parti mill-qofol dirett u b’saħħtu. Dak li jimmarka biex jibdel il-bniedem fil-qalb u l-moħħ tiegħu. Dak li, kif jiġi spjegat fil-kliem ċar tal-magħruf Monsinjur Dun Lawrenz Sciberras: “Fil-lejl qaddis tal-Milied id-dawl jixhed u juri r-rabta mas-saltna tas-sewwa u tal-grazzja. Id-dlam juri r-rabta mas-saltna tal-ħażen, mas-saltna tad-dnub, mas-saltna tal-mewt.” It-triq li kull persuna għandu fih u li jrid ifittex li jsib u jaqbad hi li jagħżel bejn id-dawl jew id-dlam. Dik li twasslu lejn il-verità u t-tama f’ħajtu u fil-futur.

Ferħ u hena

4. Mhux biss, imma f’dan hemm proċess aktar uniku li kull persuna tmiss miegħu: dak li ssib u li wara tixhed għall-verità. Kull bniedem, fl-użu ta’ kliemu, verbali jew miktub, għandu dan quddiemu. Għandu din l-għażla, li mhijiex dejjem faċli. Trid sforz kostanti. Iktar u iktar fiż-żewġ pożizzjonijiet. L-ewwel meta ma tafx il-verità, u t-tieni meta tkun tafha. Hemm, f’dan, bilanċ fil-qalb u fir-ruħ tal-bniedem, fil-paċi u r-responsabbiltà. Iktar u iktar meta taf il-verità u hemm taf li meta tiddikjaraha tħossok aħjar milli meta tiċħadha, jew taħrabha, jew toskuraha. Fil-verità, issir ħaġa waħda miegħed innifsek. Issir aktar dak li fid-dinjità umana tiegħek għandek tkun. Tagħraf l-hena ta’ dan. Tagħraf il-ferħ li jiġi mill-fatt uniku li tkun wettaqt is-sewwa, anzi, li f’dak il-mument partikolari ssir parti mis-sewwa.

Paċi u Responsabbiltà

5. Il-messaġġ li Jum il-Milied iwassal huwa ċertament dak li għandna nkunu fid-dawl u fil-verità. La nidħku bina nfusna u lanqas bl-oħrajn. Bina nfusna, l-ewwel, fl-illużjoni li mexjin jew sejrin tajjeb meta hemm, fil-fond tagħna nafu li mhuwiex minnu. Meta nibdew, jum wara jum, ngħixu dak li mhuwiex u ntawwlu sabiex ma niltaqgħux mal-verità. Nimxu naħsbu li nistgħu niddeċiedu aħna meta hu l-aħjar għalina li naċċettaw u ningħaqdu mal-verità. Meta, fil-frattemp, il-kumplikazzjonijiet jikbru u l-effetti jsiru aktar diffiċli biex jiġu lura lejn il-paċi. Fit-tieni, lejn l-oħrajn ħutna li lejhom għandna r-responsabbiltà. F’dawn li migħandna jridu l-verità u jħarsu, iduru lejna għaliha. Wara iktar diffiċli, iebsa u kkumplikata f’dawk li jafuk li tfittex il-verità li huma stess jafuha, imma li ma jridukx tgħidhielhom. Dawk li, anzi, jriduk tidħak bik innifsek bħalma jkunu qegħdin, sfortunatament għalihom, jagħmlu huma għalihom infushom. Tgħid xejn biex nibqgħu għaddejjin fid-dlam u għada pitgħada forsi naraw. Imma dan huwa għal kollox kontra l-paċi u r-responsabbiltà tagħna bħala bnedmin fil-ħajja u fid-demokrazija fejn irridu nagħtu kont ta’ għemilna. Fit-tfittxija tal-verità u fl-affermazzjoni tat-tama.

B’rispett u b’qalb miftuħa

6. Hemm, f’dan kollu, id-diffikultà imma finalment il-ferħ li twettaq dan kollu b’imħabba lejn il-proxxmu. M’intix fonti ta’ għerf: trid biss tassigura li tkun xhud tal-għerf. Tgħin fil-proċess uman sabiex wieħed jasal għal ħajja aħjar. Hemm il-pjaċir li jitwieled fil-bniedem li jkun parti minn dan il-proċess sħiħ. Jaħdem mal-bnedmin kollha ta’ rieda tajba. Jissielet b’perseveranza lejn kif għandna naħdmu u nkunu bħala bnedmin. Jaħdem u jinsisti li hemm bżonn ta’ iktar ġustizzja, ta’ iktar paċi, ta’ iktar dinjità. Jaħdem anki f’dan. Jikteb sabiex din il-gazzetta tkun hija wkoll xhud tal-verità u tad-dawl li din is-soċjetà tant, u dejjem, għandha bżonn. Għax għandna tant f’idejna. Tant għad-dispożizzjoni tagħna li ninjoraw li hemm bżonn li nsibu. Infittxu lura dak kollu li aħna fil-valuri Nsara li aħna nħaddnu. Dawk li jwelldu mill-ġdid fina dak li flimkien m’għandniex ninjoraw il-verità u t-tama.

Nawgura

7. F’dan, nieħu l-okkażjoni sabiex nawgura mill-qalb il-Milied it-Tajjeb, l-ewwel lil dawk kollha li jaqrawni u li jsegwuni fuq il-mezzi soċjali u t-tieni lilek, Sur Editur, u lill-ħaddiema kollha tagħna li jum wara jum, ġimgħa wara ġimgħa twettqu l-ħidma tagħkom b’tant dedikazzjoni u sagrifiċċji personali.

19.12.23

DAWK LI MA JIĠUX LURA

1. F’dawn ix-xhur xitwin li naqbdu, biex ngħidu hekk uffiċjalment għada, jiġu lura f’rasi numru ta’ esperjenzi umai li jekk ma nfakkarhomx naħseb li jissugraw li jintesew. Dak li fil-fatt bnedmin oħra qabilna għaddew minnu mertu tad-deċiżjonijiet żbaljati ta’ mexxejja daqshekk ieħor żbaljati. Dawk li mietu intortament f’kampijiet tal-battalji li dittaturi varji, fl-illużjonijiet tagħhom tal-glorja futura ġiebu. Dawk il-persuni li rajna, speċjalment fl-aħħar Gwerra Dinjija jitilfu ħajjithom, dik li għandna bżonn li nibqgħu nfakkru. Dik li għandna dmir biex naffermaw il-valuri li jsawwruna fid-demokrazija tagħna. Aktar u aktar fi ħdan il-Partit Nazzjonalista fil-valuri demokristjani tiegħu. Dawk li ħaddan sew mill-bidu tiegħu u afferma f’diversi dokumenti uffiċjali tiegħu.

Mument partikolari

2. Tul l-aħħar xhur qrajt wara xulxin żewġ kitbiet mill-iktar interessanti u li nissuġġerixxi lil dawk li jħobbu l-istorja li jaqraw. It-tnejn jirrakkuntaw minn perspettivi differenti dak li kellhom jgħaddu minnu s-suldati Taljani waqt li qed jirtiraw mill-front Russu. Żewġ rakkonti meħuda min-noti ta’ suldati li ġarrbu l-istess traġedja. Dawk li f’ħafna ħaduni lura, f’ċertu sens, għall-kitba mill-isbaħ ukoll ta’ Mario Rigoni Stern (1921-2008), Sergente nella Neve. Qrajt f’din il-linja l-ktieb ta’ Eugenio Corti (1921-2014) I Più non Ritornano (1947) u wara l-ieħor ta’ Nuto Revelli (1919-2004) La Guerra Dei Poveri – Il Fronte Russo (1962). It-tnejn ġejjin minn ambjent, trobbija u edukazzjoni differenti. It-tnejn f’pożizzjonijiet partikolari fi ħdan l-Armata Taljana. It-tnejn però salvaw u kellhom il-kuraġġ li jħarsu lura. Jirrakkuntaw b’mod ċar u preċiż dak kollu li, sfortunatament, għaddew minnu.

Linja differenti

3. Il-kitba ta’ dawn il-bnedmin tispjega tajjeb ħafna dak li għaddew minnu huma nfushom, kif ukoll f’dak li raw iseħħ b’għajnejhom lill-oħrajn. Taw xiehda ta’ dak li ħaddieħor ma riedx li jkun magħruf. Irrakkuntaw kemm l-Armata Taljana ma kienet ippreparata xejn, u anzi, fi stat ta’ abbandun, speċjalment fil-konfront ta’ diversi suldati u uffiċjali li sabu ruħhom jikkumbattu waħedhom aktar minn għadu wieħed. Fuq naħa s-silġ u x-xitwa Russa bit-temperaturi mill-iktar kiefra tal-1943. Fuq l-oħra l-Armata Tedeska, li ma kellha stima xejn lejn it-Taljani u u ttrattathom verament ħażin. Ma’ dawn aktar l-Armata Russa tavvanza fuqhom minn kull naħa. Sitwazzjonijiet mill-iktar diffiċli u li għalihom ħallsu b’ħajjithom diversi bnedmin. Mietu f’ċirkostanzi traġiċi. Ħafna fis-silġ li raqdu fih, imlibbsin ħażin u li għalhekk, fl-eżawriment fiżiku tagħhom baqgħu ma qamux minnu. Oħrajn feruti b’ximod li ħadd ma seta jgħabbihom u jeħodhom għall-kura. Diversi li nqatlu mill-għadu. Aktar u aktar għax l-armamenti Taljani ma kienu tajba xejn. Aktar u aktar minħabba l-inkompetenza ta’ diversi bnedmin fid-deċiżjonijiet militari. Aktar fil-vojt tal-pompożità u r-retorika ta’ Mussolini.

Eugenio Corti (1921-2014)

4. Kitbietu jixhdu l-għeruq Kattoliċi tiegħu. Bniedem li kellu jabbanduna l-istudji tiegħu biex isir avukat. Deċiżjoni li ġiet proprju minħabba l-gwerra li fiha għażel li jmur iservi fuq il-Front Russu biex jifhem aħjar il-Komuniżmu. Bniedem li mill-bidu kellu s-sejħa għal kitba tajba. Fil-fatt dan il-ktieb, għalkemm huwa mimli memorji iebsa ħafna, issibek taqrah b’ħeffa kbira. Rakkonti li fihom, f’ħafna drabi jirrikonoxxi li salva mertu tal-intervent Divin fit-talb kontinwu tiegħu għall-għajnuna. Diversi mumenti jdur fuqu nnifsu jistaqsi kif irnexxielu jibqa’ ħaj, jeżisti, minkejja dak li kien għaddej. Jirrakkonta mumenti u ħajjet bnedmin oħra miegħu. Imma jolqtok aktar għax jiddikjara, lejn l-aħħar ta’ kitbietu, li kif wasal lura l-Italja sab sitwazzjoni iktar gravi: “Cominciò il tormento delle lettere, innumerevoli lettere di madri disperate, di padri, di parenti che affannosamente cercavano notizie intorno a coloro che non tornavano. Alcune strappavano veramente il cuore. Chi non ha visto da vicino l’affanno delle famiglie, non può comprendere questa in tutta la sua crudeltà.”

Nuto Revelli (1919-2004)

5. Il-linja ta’ dan l-awtur hija differenti mhux fis-suġġett li jittratta, li huwa identiku, imma fid-direzzjoni li jieħu. Dan ġej minħabba l-fatt li kien hu li għażel li jieħu l-karriera militari. Ta’ għoxrin sena daħal f’dak li kien jissejjaħ ‘Regio Esercito’. Sab ruħu fi dmirijietu bħala uffiċjal tal-karriera fil-Front Russu. U hemm ra b’għajnejh diversi suldati, uffiċjali jinqatlu bl-aktar mod atroċi, abbandunati, ħafna inqas midfuna. Il-kitba hija mhux biss mimlija dettalji, imma l-iktar hija għajta kbira ta’ protesta. L-iktar kontra d-diskors vojt ta’ Benito Mussolini u l-illużjoni traġika tal-Faxxiżmu. Trid taqrah biex tifhem mill-aspett ta’ persuna li ġie mħarreġ għall-gwerra, bħala seħħ dan kollu. Il-kitba hija wkoll sabiħa u b’pinna daqshekk ieħor effettiva. Għax għalkemm is-suġġett huwa ikrah minnu nnifsu, huwa jispjegah b’mod luċidu, dirett, u f’ħafna, sempliċi. Ir-rakkont jagħlaq fl-aħħar tal-irtirata, b’eluf mejta quddiem l-insult li wara li mietu tant persuni, il-famuż Duċe bagħat konsenja ta’ tuffieħ bil-kliem: “Vi porto un pò di sole d’Italia” b’dawn il-kliem: “Quello che più conta, le mele del duce. Cialtroni! Più nessuno crede alle vostre falsità, ci fate schifo: così la pensano i superstiti dell’immensa tragedia che avete voluto. Le vostre tronfie parole vuote non sono che l’ultimo insulto ai nostri morti. Raccontatela a chi più pensa come voi: chi ha fatto la ritirata non crede più ai gradi e vi dice: “Mai tardi ... a farvi fuori.

Nibqa’ nistaqsi

6. F’dan iż-żewġ bnedmin, li daħlu lura pajjiżhom, ħadu sehem wieħed fl-Armata u l-ieħor fir-Reżistenza sabiex jilliberaw pajjiżhom mit-Tedeski. It-tnejn ma damux anqas biex kitbu dak li raw. Riedu, anzi, li jkunu xiehda ħajja ta’ dak li seħħ sabiex jikxfu biċ-ċar l-iżbalji u fl-istess ħin ifakkru fis-sagrifiċċju ta’ diversi Taljani li tilfu ħajjithom. Aġir erojku fih innifsu. Imma aktar minn hekk, xiehda ta’ dak li jseħħ meta d-dinjità umana tispiċċa. Meta l-bniedem isir oġġett. F’dan nibqa’ nistaqsi: kif jibqa’ jkun hemm min jammira dan l-iżball politiku. Min jibqa’ jaħseb li l-lemin estrem u l-lemin lemin li qed naraw illum iqum bil-libsa populista tiegħu huwa xi forma ta’ soluzzjoni għall-problemi soċjali tal-bnedmin.

Niftakruhom

7. Quddiem il-fatt li din is-sena kienet it-tmenin sena minn dik it-traġedja umana u li dik li ġejja ser tkun l-għaxar sena mill-mewt ta’ Corti u għoxrin sena minn ta’ Ravelli għandna dmir niftakru. Għandna dmir f’dan li nfakkru lil dawk li jridu, konvenjentement, jinsew u ninfurmaw lil dawk li ma jafux. Niftakru li bnedmin bħalna mietu issagrifikati f’kawżi politiċi żbaljati. Bnedmin li ma jistgħux jiġu lura magħna.

RAĦAL ĠDID: ĠNIEN SAN ALWIĠI – XOGĦLIJIET

14148. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 13938, jista’ l-Ministru jgħid jekk bediex ix-xogħol fuq Ġnien San Alwiġi, f’Raħal Ġdid?

 

07/12/2023

 

ONOR. OWEN BONNICI:  Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Raħal Ġdid li l-Kunsill kien ressaq applikazzjoni quddiem l-Awtorità kkonċernata sabiex isiru xogħlijiet fi Ġnien San Alwiġi, liema applikazzjoni infurmat li ġiet approvata x-xahar li għadda.

 

Fiċ-ċirkostanzi, infurmat illi l-istess Kunsill qed jaħdem sabiex fil-ġimgħat li ġejjin ikun jista’ jinħareġ it-tender relattiv għax-xogħlijiet.

 

Seduta  190

18/12/2023

RAĦAL ĠDID – PJAZZA ANTOINE DE PAULE – XOGĦLIJIET

14149. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 13940 jista’ l-Ministru jgħid x’tip ta’ soluzzjoni qed tiġi diskussa rigward ix-xogħlijiet li jridu jsiru mill-ġdid fil-Pjazza Antoine de Paule, f’Raħal Ġdid?

 

07/12/2023

 

ONOR. AARON FARRUGIANinforma lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għall-mistoqsija parlamentari 13940.

 

Seduta  190

18/12/2023

RAĦAL ĠDID – PACE GRASSO GROUND - ŻBIR TA’ SIĠRA

14147. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali: Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 13929 u ċjoè: B’referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 11554, 11555 u 11556, jista’ l-Ministru jara li jittieħdu l-passi neċessarji sabiex is-siġra li tinsab f'art tal-eks grawnd tal-futbol Pace Grasso tiġi miżbura?

 

07/12/2023

 

ONOR. ANTON REFALO:  Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

 

Seduta  190

18/12/2023

RAĦAL ĠDID – PACE GRASSO GROUND

14146. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Uffiċċju tal-Prim Ministru: Jista’ l-Prim Ministru jgħid taħt liema dekasteru jaqa’ l-eks ground ta' Pace Grasso, f’Raħal Ġdid?

 

07/12/2023

 

ONOR. ROBERT ABELA:  Nirreferi lill-Onor. Interpellant għall-Ministeru tas-Saħħa u l-Ministeru għall-Ekonomija, il-Fondi Ewropej u l-Artijiet.

 

Seduta  190

18/12/2023

IL-BELT VALLETTA – SKEMI GĦAL STABBILIMENTI

14145. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Ekonomija, il-Fondi Ewropej u l-Artijiet: Jista’ l-Ministru jgħid meta hi mistennija li tiġi reża pubblika l-iskema l-ġdida li permezz tagħha persuni li għandhom stabbilimenti kummerċjali mikrija fil-Belt, ikunu jistgħu jestendu t-termini tagħhom fi ċnus jew f’atti oħra?

 

07/12/2023

 

ONOR. SILVIO SCHEMBRI:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-iskema msemmija ser titħabbar fil-futur qarib. Ta’ min iżid illi din l-iskema mhux biss applikabbli għall-istabbilimenti kummerċjali mikrija tal-Belt Valletta biss imma ser tkun mifruxa fuq it-territorju Maltin u Għawdxi kollu hekk kif imwiegħed fil Manifest Elettorali.

 

Seduta  190

18/12/2023

QORTI TAL-APPELL SEDE SUPERJURI U QORTI KOSTITUZZJONALI - APPELLI

14036. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Ġustizzja: Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew preżentati appelli quddiem il-Qorti tal-Appell Sede Superjuri u l-Qorti Kostituzzjonali matul l-2021, l-2022 u l-2023 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

 

01/12/2023

 

ONOR. JONATHAN ATTARD:  Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tabella bl-informazzjoni mitluba hekk kif miġbura sas-7 ta’ Diċembru 2023.

 

Sena

Qorti tal-Appell Superjuri

Qorti Kostituzzjonali

2021

346

95

2022

391

220

Sas-7 ta’ Diċembru 2023

417

203

 

Seduta  190

18/12/2023

18.12.23

LEJN IKTAR ĦIDMA

1. Għaddejjin lejn l-aħħar jiem ta’ din is-sena. Dik li kienet, fil-kumplessità tagħha, waħda ta’ attività umana mill-iktar intensiva. Waħda li fiha, diversi bħali għamlu dak kollu li setgħu biex jgħinu lil dawk li huma l-iktar batuti fis-soċjetà tagħna. Dawk li jinsabu emarġinati u li ftit nisimgħu dwarhom fir-retorika politika tagħna. Hemm sofferenza qawwija li dawn il-persuni għaddejjin minnha. Tbatija li teżisti u li trid tweġiba. Teħtieġ rimedji ġodda fi stat soċjali li jiġġedded u mhux li jibqa’ wieqaf. Trid tmiss direttament ma’ kif tibdel iktar milli toqgħod tħares lejn ta’ min huwa t-tort ta’ dak li jseħħ. Hemm bżonn iktar attenzjoni u dawn, sija jekk huma Maltin u Għawdxin bħalna, kif ukoll jekk le.

Kitba

2. F’dan nibqa’ nemmen fil-forza tar-raġuni. Nibqa’ nemmen li l-pinna hija ferm iktar b’saħħitha minn kwalunkwe aġir ieħor fid-dinja politika. Dak li tgħid u dak li tagħmel jiġu ikkalkulati mal-kitba. Nibqa’, f’dan, nemmen li kull politiku għandu d-dmir li jikteb. Jikteb fil-gazzetti sabiex jinfluwenza b’dak li huwa ġie elett mill-poplu għalih. Meta jibqa’ lura minn dan jagħti spazju lil min għandu ideat differenti minn tiegħu li mhux neċessarjament ikunu tajba għall-ġid tas-soċjetà tagħna. Dawk li jafdawlna l-fiduċja jitolbu li jkunu jafu dak li naħsbu fuq dak li jkun għaddej u dak li naħsbu li għandu jsir. Fir-realtà din hija parti sabiħa mill-ħidma politika vera. Dik li tmexxina ’l quddiem fl-ideat li nesprimu u dawk l-oħra ta’ dawk li ma jaqblux magħna.

Sena ta’ artikli

3. F’dan żammejt l-appuntament magħkom f’dawn l-artikli tal-Ħadd, kif ukoll f’dawk li jidhru f’In-Nazzjon kull nhar ta’ Tlieta. Tiskanta kif jakkumulaw, u fl-istess ħin kif issib l-ispazju biex twettaq dan. Hemm, fuq naħa, l-aspett tal-komunikazzjoni u hemm, fuq l-oħra, dak tal-pjaċir tiegħek stess li taħseb, taqra u tniżżel dak li moħħok ikun qed jieħdok ġo fih. Ħafna drabi frott ta’ ġimgħat ta’ riflessjoni li jimmaturaw, b’xi mod, ġewwa fik. Dawk li jinbtu wkoll mill-kotba varji li jiġu f’idejja. Din is-sena, għalhekk, qbiżt il-mitt artiklu f’dan il-proċess u nħares lura lejn dak li bdejt u dak li nħoss f’qalbi u f’moħħi li għandi nibqa’ ninsisti fuqu. Forsi għandi dożi varji ta’ determinazzjoni fil-perseveranza sabiex isir dak li hu sewwa. Fil-linja li ma ngħixx f’dinja tal-ipokresija imma nħaddan dik tal-verità, kiefra kemm tista’ tidher għalija u bl-istess mod għall-oħrajn. Imma dejjem nipprova nkun sod fl-ideat li nikteb. Sod fir-raġuni u fil-fatti u mhux fl-illużjonijiet jew il-fantasija. Il-politika hija xjenza li trid tikkultiva l-abbiltajiet kbar tagħha biex twettaq il-ġid.

Preparazzjoni

4. Trid verament ħafna preparazzjoni fi triq li tibqa’ dejjem tħossok li għadek ma waslatx fejn tixtieq tasal. Imma dan ma jaqtax il-qalb imma jissudaha sabiex timxi u warajk tiġbed oħrajn, inkella almenu timxi ma’ oħrajn. Pajjiżna għandu bżonn ta’ politika ferm iktar bis-sens u fl-attenzjoni ta’ dak kollu li hemm bżonn. Qegħdin għas-servizz mhux tagħna nfusna imma tal-oħrajn li nirrappreżentaw. Għalhekk, filwaqt li ċertament il-ħajja tbaskatna sabiex insiru fuħħar aqwa f’idejn il-Fuħħari, għandna d-dmir nimxu aħna stess ’il quddiem. Fil-kriżi politika preżenti dan mhuwiex volontarju imma issa huwa iktar neċessarju. Nibqa’, f’dan, ninsisti sabiex isir dak li huwa sewwa u li nibqgħu nikkumbattu dak li mhuwiex.

Viżjoni

5. Dan huwa suġġett li fih innifsu jista’ jsir issa, fl-aħħar tas-sena, waqt li l-bnedmin jaqbdu t-triq ta’ dik li ġejja għalihom. Fil-mument meta mertu tat-Twelid ta’ Sidna Ġesù Kristu nieqfu mhux biss biex inżejnu. Mhux biss biex niltaqgħu mal-familja u l-ħbieb varji tagħna. Mhux biss biex nieklu flimkien u nixorbu grokk, imma f’li nieqfu naħsbu. Waqt diversi mumenti li fihom wieħed isib ruħu huwa u sejjer lejn naħa jew oħra jew li jiltaqa’ ma’ oħrajn fid-diskors u l-ideat li joħorġu, wieħed jipprepara aktar ruħu. Ninsabu fortunati f’dan li pajjiżna, għalkemm qiegħed jara kurrenti differenti, jibqa’ marbut mat-tradizzjonijiet Insara. Il-prinċipji etiċi li writna jibqgħu magħna u jibqgħu dawk li l-bnedmin iħarsu lejhom fis-sejħa tagħhom lejn il-ferħ.

Nifirħu

6. Fir-realtà, dan kollu huwa parti mill-perjodu li numru sew minna jassoċjawh mal-ferħ. Għalhekk norganizzaw tant u niġbru lil xulxin biex insibu lura l-ferħ li ħafna drabi, tul is-sena, ma nsibuhx kif nixtiequ. Kull persuna, kif jgħid sewwa Santu Wistin, ifittex il-ferħ, ikun xi jkun u jkollu xi jkollu f’qalbu. F’ħafna, din is-soċjetà qegħda tfittex li ssib lilha nfisha lura. Kif ġew żarmati numru ta’ prinċipji u valuri li aħna nbnejna fuqhom, flok infetaħ il-bieb tal-ferħ jew tal-libertà, morna l-kontra. Nara inqas persuni li għandhom il-burdata t-tajba. Inqas dawk li huma pożittivi. Iktar dawk li jsibu ruħhom ’il bgħid mid-dawl li jfittxu. F’dan, ċertament, bħala politiċi għandna missjoni. Dik li nagħrfu li l-bnedmin fis-soċjetà jsibu l-ferħ mhux fil-materjaliżmu li jibqa’ jipprova jaħkem, imma fil-valuri tas-sewwa.

Inħarsu ’l quddiem

7. F’dan nibqa’ nħares ’il quddiem sabiex il-pożizzjoni, sa fejn possibbli, tinbidel. Il-bniedem fis-soċjetà tagħna qiegħed ifittex dan ferm iktar milli naħsbu. Imma, kif nafu, dan ma jseħħx billi wieħed ma jagħmel xejn. L-affarijiet ma jiġux waħedhom bil-ħsieb ta’ dawk li kienu jgħidu “dare tempo al tempo”. Isiru u jiġu għax ikun hemm l-impenn dirett, xi drabi, kontra l-kurrent. F’dan nista’ nixhed fir-riżultati li nara minn ħidmietna fil-Gvern u fl-Oppożizzjoni. Proprju għalhekk li għandna dmir nifhmu x’inhu mistenna minna, kif ukoll lejn fejn għandna naħdmu minn issa. Iktar ma ndumu biex naffrontaw problemi determinanti, aktar se ndumu biex inkunu nistgħu nibdew nimxu ’l quddiem F’dan, għalhekk, illum nista’ naħdem u nsejjaħ oħrajn biex ningħaqdu f’din it-triq tant importanti. Proprju f’dan inħarsu lejn sena oħra ta’ ħidma li wettaqna u nħarsu ’l quddiem lejn oħra li hu mistenni minna li nwettqu.


TRAFFIKAR TA’ DROGA - KOMPILAZZJONIJIET PENDENTI

14035. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza: Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm kompilazzjonijiet pendenti matul is-sena 2022 marbuta ma’ kawżi ta’ traffikar ta’ droga?

 

01/12/2023


ONOR. BYRON CAMILLERI:  Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

 

Seduta  189

12/12/2023

TRAFFIKAR TA’ DROGA - KOMPILAZZJONIJIET PENDENTI

14034. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Ġustizzja: Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm kompilazzjonijiet pendenti matul is-sena 2022 marbuta ma’ kawżi ta’ traffikar ta’ droga?

 

01/12/2023

 

ONOR. JONATHAN ATTARD:  Ninforma lill-Onor. Interpellant illi matul is-sena 2022 kien hemm tliet mija u tmien (308) kumpilazzjonijiet pendenti marbuta ma’ kawżi ta’ traffikar ta’ droga fil-Qrati ta’ Malta u erbgħa u għoxrin (24) kumpilazzjonijiet pendenti quddiem il-Qrati ta’ Għawdex.

 

Seduta  189

12/12/2023

QORTI TAL-FAMILJA - TALBIET GĦALL-MEDJAZZJONI

14033. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Ġustizzja: Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew preżentati talbiet għall-medjazzjoni fil-Qorti tal-Familja minn Diċembru 2003 possibilment sena b’sena sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

 

01/12/2023

 

ONOR. JONATHAN ATTARD:  Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tabella bl-informazzjoni mitluba hekk kif miġbura minn Diċembru 2003 sas-7 ta’ Diċembru 2023.

 

Sena

Qrati ta’ Malta

Qrati ta’ Għawdex

2003

5

2

2004

1034

96

2005

878

93

2006

969

92

2007

963

68

2008

1125

92

2009

1158

105

2010

1237

109

2011

1292

85

2012

1271

105

2013

1442

94

2014

1463

109

2015

1452

111

2016

1512

128

2017

1527

116

2018

1659

105

2019

1689

113

2020

1333

88

2021

1410

93

2022

1770

103

2023

1363

79

 

Seduta  189

12/12/2023

ITTRI UFFIĊJALI LI JRENDU EŻEGWIBBLI KAMBJALI

14032. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Ġustizzja: Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew preżentati ittri uffiċjali li jrendu eżegwibbli kambjali minn meta ġiet introdotta sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari possibilment maqsuma sena b’sena?

 

01/12/2023

 

ONOR. JONATHAN ATTARD:   Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tabella bl-informazzjoni mitluba hekk kif miġbura sas-7 ta’ Diċembru 2023.

 

Sena

Qrati ta’ Malta

Qrati ta’ Għawdex

2004

382

0

2005

592

3

2006

292

4

2007

283

12

2008

232

6

2009

247

10

2010

253

13

2011

162

14

2012

129

4

2013

220

4

2014

164

3

2015

97

2

2016

73

3

2017

107

4

2018

186

6

2019

121

1

2020

329

2

2021

630

8

2022

320

6

Sas-7 ta’ Diċembru 2023

84

5

 

Seduta  189

12/12/2023

ITTRI UFFIĊJALI TAĦT L-ARTIKOLU 166A

14031. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Ġustizzja: Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew preżentati ittri uffiċjali taħt l-Artikolu 166A tal-Kodiċi ta' Organizzazzjoni u Proċedura Ċivili minn meta ġiet introdotta sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija maqsuma sena b’sena  u b’kemm ġew reżi eżegwibbli?

 

01/12/2023

 

ONOR. JONATHAN ATTARD:  Ninsab infurmat li l-informazzjoni ser tingħata f’seduta oħra.

 

Seduta  189

12/12/2023

UFFIĊĊJU TAL-AVUKAT TAL-ISTAT – KUNDIZZJONIJIET TAL-AVUKATI U PROKURATURI LEGALI

14030. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Ġustizzja: B’referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 8957 u 11573, jista’ l-Ministru jgħid jekk il-ftehim kollettiv fi ħdan l-Uffiċċju tal-Avukat tal-Istat huwiex konkluż jew le?

 

01/12/2023

 

ONOR. JONATHAN ATTARD:  Bi pjaċir ngħarraf lill-Onor. Interpellant li t-taħdidiet waslu fi stadju matur.

 

Seduta  189

12/12/2023

WAQQFU DAL-MASSAKRU

1. Mexxejja politiċi varji jiġu u jmorru fiż-żmien. Uħud jinfluwenzaw fis-sewwa, oħrajn il-kontra. Daqqa narawhom parti minn proċess sħiħ ta’ żvilupp u daqqa narawhom għaddejjin bħala forzi ta’ distruzzjoni. Min jibda naħa, kif ħafna drabi turi l-istorja, jkompli fiha u ma ġġibux biex ikun differenti. Aktar u aktar meta l-mewġa żbaljata tiergħu tiġi tfisser għalih tisħiħ tal-poter jew sempliċement iż-żamma tiegħu. Ikomplu għaddejjin fejn m’għandhomx għax jaħsbu li għandhom parti mill-elettorat warajhom jew volontarjament jew passivament. F’isem dawn il-politiċi nsibu li ħafna drabi, sfortunatament, jitwettqu atroċitajiet li jgħaddu kemm jgħaddu sekli xorta jibqgħu jimmarkaw popli u eżistenzi.

Sejħiet varji

2. F’dan il-proċess li qed naraw għaddej fil-preżent ġewwa Gaża, tammira għalhekk lil dawk li jappellaw għall-forza tar-raġuni. Dawk li kontra l-kurrenti, flok jibqgħu siekta jitkellmu biex juru li ma jaqblux ma’ dak li huwa għaddej. Dak li seħħ fis-7 ta’ Ottubru f’Iżrael jibqa’ f’dan ċertament kundannabbli fl-ogħla grad possibbli. Dak li seħħ m’għandu ebda forma ta’ ġustifikazzjoni. Imma issa, wara xahrejn kontinwi ta’ attakki f’din il-parti tad-dinja minn forza militari b’saħħitha u superjuri, m’għandhiex tkompli għaddejja. Kienu x’kienu l-objettivi oriġinali, sija politiċi u militari li l-Gvern ta’ Benjamin Netanyahu daħal għalihom, illum nafu x’inhuma l-effetti tagħhom fir-realtà tal-ħajja. Aktar minn sbatax-il elf maqtula li huma bnedmin, fil-maġġor parti tagħhom, mhux membri tal-organizzazzjoni kriminali u terroristika tal-Ħamas.

Massakri


3. Kienu x’kienu l-miri strateġiċi li ġew imħabbra, huwa ċar li issa qed jintilfu mill-piż morali f’kull forma ta’ ġustifikazzjoni tiegħu u qed jiżdiedu dawk biex dan l-attakk imdemmi jieqaf. Wieħed jistaqsi kemm għad fadal bnedmin innoċenti jew inqas biex jitilfu ħajjitom biex l-ostilitajiet jieqfu. Kemm għad irridu naraw tifrik f’post li huwa abbandunat mid-dinja u li jbati sew biex iżomm ruħu għaddej? F’liema mument ser ikun hemm min jirrealizza li dak li għaddej qiegħed huwa wkoll jiżra’ ż-żerriegħa ta’ iktar mibgħeda ħarxa u intransiġenti? Jekk qabel il-pożizzjoni kienet diġà ikkumplikata issa ser issir ferm u ferm iktar hekk. Kif jingħad tajjeb fl-editorjal prinċipali ta’ The Economist ta’ din il-ġimgħa: “If you want to understand how desperately Israelis and Palestinians need peace, consider what would become of them in a state of perpetual war.” (Jekk trid tifhem kemm l-Iżraelin u l-Palestinjani huma ddisprati għall-paċi, ikkunsidra biss x’jiġri minnhom jekk jgħixu fi stat kontinwu ta’ gwerra). Kliem li jitilqu biex jippruvaw iżidu d-doża ta’ dawk li huma kontra l-kontinwazzjoni ta’ dak li huwa għaddej mingħajr waqfien.

Massakri

4. Fil-jum tas-7 ta’ Ottubru, il-Ħamas ċappas idejh bid-demm innoċenti li ma jistax jiġi maħsul lura. Il-poplu Palestinjan mhuwiex il-Ħamas, imma d-dinja trid toqgħod attenta li mhix ser tkompli tixħtu f’ħoġorhom. Hemm vuċijiet varji li qed jitkellmu kontra dak li hu għaddej. Dak li qiegħed jidher ċar li biċċa biċċa qed jitlef il-ġustifikazzjoni li seta’ kellu fil-bidunett. Dibattitu li għaddej b’saħħa f’Iżrael u barra. Kif tkellem tajjeb riċentement l-istoriku Omer Bartov, awtur ta’ diversi kitbiet dwar dawk l-atroċitajiet li seħħew fit-Tieni Gwerra Dinjija. F’artiklu tas-7 ta’ Diċembru fil-gazzetta Haaretz, fost punti varji jgħid hekk: “Israel can rightly claim that its actions were in self-defence. What it cannot claim is that massacre justifies massacre.” (Iżrael jista’ ġustament isostni li għandu dritt għal-leġittima difiża. Li ma jistax isostni hu li massakru jiġġustifika massakru ieħor.)

Lejn fejn sejrin

5. Waqt li aħna spettaturi, ħafna drabi passivi, waqt li m’aħniex niġu nfurmati sewwa u nibqgħu maqsuma f’min jiġbed naħa u min oħra, hemm traġedja għaddejja. Kienet deċiżjoni f’postha tas-Segretarju Ġenerali tal-Ġnus Magħquda Antonio Guterres li jinvoka parti mit-Trattat, l-artiklu 99, sabiex ikun hemm waqfien fl-attakk. Hemm pożizzjoni ċara li qiegħed jieħu quddiem sitwazzjoni li qegħda tikkumplika dejjem iktar ruħha. Id-dinja ma tistax tibqa’ wieqfa u ma tasalx f’pożizzjoni ċara quddiem dak li ġara u li għaddu għaddej fil-preżent. Għandu jkun hemm iktar sforzi ċari u sostnuti sabiex ikun hemm waqfien, kemm jista’ jkun malajr, mill-ġlied. Hemm diversi ostaġġi meħuda inġustament, li qed jiġu ssugrati f’dan it-taħwid li l-vjolenza ġġib magħha. Hemm il-futur ta’ ġenerazzjonijiet ta’ bnedmin li ser ikomplu jgħixu fir-riskji ta’ attakki oħra mdemmija. Jista’ ma tkunx il-Ħamas, għax tinqered, imma b’dak li hu għaddej jafu jitwieldu oħrajn.

F’dan il-mument storiku

6. Waqt li għada ngħaddu biex niċċelebraw Festa Nazzjonali, dik li tfakkarna li sirna Repubblika fit-13 ta’ Diċembru 1974, għandna nżommu quddiemna dan kollu. Pajjiżna għandu pożizzjoni unika fi ħdan il-Ġnus Magħquda u bħalissa iktar importanti. Pajjiżna m’għandux jieqaf milli jkompli jsostni l-pożizzjoni li ħa sa issa, li nibqgħu ninsistu sabiex jieqaf il-ġlied u b’hekk forsi nibdew il-proċess lejn il-paċi vera. Jekk is-Segretarju Ġenerali ddeċieda li waħdu għandu jikteb lill-Kunsill tas-Sigurtà fejn aħna preżenti membri, dan ifisser li qiegħed jara inqas ħeġġa minn oħrajn li jiċċaqilqu. Ninsistu għas-sewwa ta’ żewġ popli viċin tagħna u dawk li ma narawx xi futur sħiħ fil-Mediterran mingħajrhom. Għandna storja li tagħmlilna l-ġieħ f’dan li rridu nassiguraw li ma noqogħdux lura u nabbandunaw. Għalhekk aħna li aħna fid-dimensjoni partikolari u speċjali tagħna.

Meta fl-aħħar

7. Hemm sejħa li għandna nkomplu nwieġbu għaliha b’iktar intelliġenza u dożi qawwija ta’ diplomazija. Hemm sejħa li kapaċi nwieġbu għaliha. Meta t-trab li qed tqajjem id-distruzzjoni jieqaf u jinġabar id-dinja ddur lura fuq dawk li ħadu d-deċiżjonijiet it-tajba minn dawk li le. Fuq dawk li ħabirku għall-paċi u dawk li le. Nappoġġjaw aktar ħidmet Guterres. Proprju għalhekk li f’dawn il-jiem li fihom nifhmu u napprezzaw id-demokrazija, il-paċi u l-libertajiet li ngawdu għandna ninsistu. Ninsistu li l-partijiet għandhom jibdew il-ħidma għal ftehim fit-tul. Ninsistu proprju f’dan kollu li wasal il-mument li wieħed jieqaf minn dan il-massakru.

FURJANA – FUNTANA TAL-ILJUN - XOGĦLIJIET

14029. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 12439, jista’ l-Ministru jgħid xi progress kien hemm fir-rigward tal-Funtana tal-Iljun fil-Furjana?

 

01/12/2023

 

ONOR. STEFAN ZRINZO AZZOPARDI:  Ninsab infurmat li qegħdin jitwettqu interventi fuq is-servizzi eżistenti waqt li qegħdin isiru t-tħejjijiet neċessarji għall-installazzjoni ta’ tagħmir ġdid u għax-xogħol ta’ restawr fuq l-iskultura nnifisha.

 

Seduta  188

11/12/2023

ŻEJTUN - “CLEAN AND UPKEEP” MOBILE APP – RAPPORTI

14028. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għat-Turiżmu: Jista’ l-Ministru jgħid kemm saru rapporti permezz tal-mobile app “Clean and Upkeep” u jekk humiex jingħataw widen u kemm qed idumu senjatament fiż-Żejtun?

 

01/12/2023

 

ONOR. CLAYTON BARTOLO:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li mill-1 ta’ Jannar sal-aħħar ta’ Ottubru ġew reġistrati total ta’ 147 każ fil-lokalità taż-Żejtun permezz tal-mobile app. Clean and Upkeep. Każ wieħed biss huwa pendenti.

 

Seduta  188

11/12/2023

TAX DEDUCTION FIL-PENSJONI

14027. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal: B’referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 9431 u 12437 jista’ l-Ministru jgħid jekk kienx hemm xi żviluppi ulterjuri dwar it-tax deductions fil-pensjoni maħruġa ai termini tal-Att dwar is-Sigurtà Soċjali?

 

01/12/2023

 

ONOR. MICHAEL FALZON:  Ġentilment ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba ser tingħata f’seduta oħra.

 

Seduta  188

11/12/2023

DEĊIŻJONI TA’ SENTENZA

14026. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża: Tista’ l-Ministru tgħid x’passi ulterjuri ser jittieħdu fir-rigward tal-impjegati varji wara u in konsegwenza tas-sentenza li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament deċiża fil-25 ta Frar 2021 u dan kemm għall-impjegati li kienu parti fil-kawża kif ukoll dawk li ma kienux parti imma li għandhom interess?

 

01/12/2023


ONOR. MIRIAM DALLI:  Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

 

Seduta  188

11/12/2023

DEĊIŻJONI TA’ SENTENZA

14025. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol: Jista’ l-Ministru jgħid x’passi ulterjuri ser jittieħdu fir-rigward tal-impjegati varji wara u in konsegwenza tas-sentenza li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament deċiża fil-25 ta' Frar 2021 u dan kemm għall-impjegati li kienu parti fil-kawża kif ukoll dawk li ma kienux parti imma li għandhom interess?

 

01/12/2023

 

ONOR. CLYDE CARUANA:  Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi din il-mistoqija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

 

Seduta  188

11/12/2023

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...