19.4.23

Nillapazzaw fil-medjokrità

1.   Forsi m’aħniex naraw ċar biżżejjed.  Forsi wkoll m’aħniex nagħrfu l-verità u r-realtà ta’ madwarna.  Ngħidu li hija mod mentri hija l-kontra.  Forsi wkoll ma rridux insiru nafuha u minflok irridu nkomplu nkunu fost dawk in-nikkiera li jaraw biċċa mill-istampa.  Forsi iktar, f’dan kollu m’aħniex inkunu ġusti fil-qies tal-affarijiet u nnikkietu fejn m’hemmx lok jew bżonn tiegħu.  Fi proċess li għandna nistaqsu lilna nfusna jekk aħniex naraw id-dinja ta’ taħt fuq, jew aħniex infittxu li ninċensaw ideat li mhumiex minnhom jew tagħna.  Fi triq li fiha għandna nistaqsu u nagħrfu liema huma l-fatti u liema huma t-tastieri tax-xenarju politiku li mhumiex jidhru quddiemna.

 

Kemm aħna kapaċi

 

2.  F’dan għandna nistaqsu lilna nfusna fuq kemm aħna kapaċi nħarsu lejn id-dawl tal-fatti.  Kemm aħna kapaċi nżommu sod mal-punti determinanti fil-ħajja tas-soċjetà jew aħniex, minflok, lesti mmorru lejn dawk it-truf li ma jwasslu mkien.  F’iktar minn dan, kemm aħna preparati mmorru lejn l-aħbarijiet li huma fid-dawl ta’ dawk madwarna, imma huma miżmuma mistura fil-pubbliku.  Il-poplu jippretendi iktar mingħandna li nassiguraw li l-fatti jinkitbu, jixxandru u li ma jingħatawx interpretazzjoni differenti minn dak li huma.  Il-pajjiż qiegħed imiss iktar f’dan bħala l-kejl u l-qies ta’ dawk li huwa għandu jafda.  Il-fiduċja fid-dinja politika hija essenzjali, imma daqshekk ieħor fraġli.

 

F’kull riżultat

 

3.   Huwa evidenti aktar dan kollu mill-fatt li, stħarriġ wara stħarriġ, qiegħed jiġi ndikat li qed jiżdiedu dawk li tilfu l-fiduċja li kellhom fil-partiti politiċi.  Qed naqbżu t-terz tal-elettorat li ma jridx jieħu sehem f’dak li għaddej.  Bnedmin li qisu ħadd ma jrid jikkultiva u jifhem għax għall-verità tagħhom m’għandniex risposta, jew ir-risposta tfisser sagrifiċċji kbar.  Hemm, żgur, l-effett u r-reazzjoni ta’ politiċi li għandhom il-kelma faċli, imma bla fatti sodi għall-wegħdiet tagħhom.  Kif kont qrajt xi żmien ilu, dawk fostna li f’qalbhom qed jiddikjaraw, bħal John Cassar White: “I fear more the smooth talking politicians who prefer to be surrounded by spin doctors and manipulate the media to depict them in a favourable light with the electorate.

 

Żomm il-kelma

 

4.   Hemm xettiċiżmu f’dak li qed jisimġħu u kiber aktar il-bżonn li wieħed ikollu politiċi li dak li jgħidu jżommuh fil-ħidma tagħhom.  Diġà għaddejna minn esperjenza politika qarsa ħafna, meta għaxar snin ilu dawk li kienu fl-Oppożizzjoni wegħdu l-ġenna fl-art, imma li waqgħu tant għaċ-ċajt wara.  Wegħdu, fost l-oħrajn, politika nadifa, onesta, fejn il-medjokrità tiġi attakkata.  Wegħdu soċjetà aħjar, iktar ġusta, iktar effiċjenti, iktar viċin tal-poplu.  Minflok sabu riżultati oħra, fejn għandna differenzi ekonomiċi u soċjali ferm ikbar fis-soċjetà bejn il-bnedmin.  Fejn minflok trasparenza għandna dejjem iktar lista ta’ każijiet ta’ korruzzjoni.  Każijiet li bħalhom qatt ma rajna qabel u qatt ma konna, jew kellna naħsbu li ser jitwettqu.  Imma lil min ingħatat il-fiduċja dak iż-żmien abbuża minnha, u issa hemm min kull ilma qed jarah misħun.

 

L-istorja tgħallem

 

5.  Meta l-poplu jitlef il-fiduċja tiegħu fil-partiti politiċi għandu żewġ toroq: jew idur lejn dawk li jużaw ir-retorika populista, inkella jibqa’ jistenna li l-affarijiet jinbidlu.  M’għadux iktar moda li wieħed jafda f’mexxejja politiċi mingħajr ma dawn ikollhom il-fatti magħhom.  Din hija dik il-parti mill-elettorat li qed tgħid li qed tippreferi tibqa’ fil-gallarija tara u tqis fir-reqqa qabel tinżel timxi barra fit-triq.  Dik il-parti li saret iktar kapaċi tħares lejn l-istampa sħiħa.  Fejn għalkemm għandha rispett lejn politiċi partikolari, xorta tqis li hija ma tridx tinqabad fil-proċess li tħares biss lejn il-paraventu u mhux x’hemm warajh.  Tivvota għal  min tarah tajjeb biex tissoda dawk li tara li mhumiex.

 

Għaddiet il-moda

 

5.  Waqt li qed naqra kitbet Romano Prodi, u waqt li Silvio Berlusconi jinsab fl-isptar għall-kura sibt din ir-riflessjoni dwar dak li wassal għar-rebħa elettorali tiegħu fl-1994: “Quello era il clima che si respirava in Italia.  Berlusconi appariva come un uomo nuovo, l’uomo del fare, capace di parlare alla pancia del Paese, suscitando emozioni e quindi anche tanti consensi.  Dall’analisi della situazione si arriva alla necessità di reagire con azioni concrete.” (Dik kienet il-klima politika li kien hemm fl-Italja.  Berlusconi deher bħala l-bniedem il-ġdid, dak li kapaċi jwettaq, kapaċi jitkellem dwar il-bżonnijiet tal-poplu, iqanqal emozzjonijiet u għalhekk ħafna kunsens.  Mill-analiżi tas-sitwazzjoni wieħed jasal fin-neċessità li jirreaġixxi b’fatti konkreti.)  Dak li seħħ f’dak iż-żmien ħa lezzjoni minnu l-istess Prodi iktar tard, u forsi f’libsa differenti llum ngħid il-Prim Ministru attwali.


Imma kemm inbidlu r-realtà u ċ-ċirkostanzi?


6.      Dak li seħħ, hemm min imitah hawn f’pajjiżna.  Imma kif kienu jgħidulna fl-Università: Colorem habet, substantiam vero nulla.  Tidher mod, rabta kontrattwali mentri fil-fatt ma fiha xejn.  Għax il-prova tal-fatti tiġi mill-abbiltà li tmexxi l-affarijiet tal-istat.  Il-prova tiġi meta ma taqax għat-tentazzjonijiet, u meta jaqgħu dawk ta’ madwarek tieħu l-miżuri neċessarji.  Il-prova tiġi meta tiffaċċja r-realtà, u mhux taħrab minnha.  Meta tkun kapaċi tirriforma verament u tibdel dak li huwa ħażin.  Meta ma tibqax tissaporti lil dawk li huma nkapaċi għas-sewwa.  Meta tibgħat barra l-prova li kapaċi għax għandek valuri fil-kontenuti politiċi tiegħek.  Li għandek warajk track record ta’ konsistenza u attenzjoni, mhux il-kontra.  Dawk il-valuri li fil-fatt iġibu lura rispett u fiduċja elettorali.

 

Minflok mexjin

 

7.   Il-pożizzjoni nazzjonali din hija.  Inqas nies għandhom fiduċja u iktar huma ppreparati jistennew.  Biss, l-elementi tal-bidla jibqgħu bażikament l-istess.  Jibqgħu dawk li jħarsu lejn il-bnedmin “ġodda”, li jagħrfu jwettqu u jitkellmu dwar il-bżonnijiet veri tas-soċjetà.  Għax fil-proċess li wieħed jagħmel analiżi tas-sitwazzjoni, wieħed jasal fin-neċessità li jirreaġixxi b’fatti konkreti.  Din hija l-isfida u l-opportunità nazzjonali li tippreżenta ruħha għalina.  Dik li titlob mhux li wieħed jibqa’ jipprova jillapazza dak li huwa ħażin fil-medjokrità tiegħu, imma li jibni mill-ġdid.  Din hija t-tama tiegħi.  Din hija l-ġebla tax-xewka li ġġib lura l-fiduċja tal-elettorat fil-politiċi.  Din hija s-sejħa li l-Partit Nazzjonalista għandu quddiemu, u li kapaċi jġib fis-seħħ.

No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...