26.4.23

Ħajja stramba

1.   Hemm min jikteb ktieb wieħed li fih jirrakkonta ħajtu. Hemm min jikteb diversi riflessjonijiet awtobijografiċi. Daqqa mxerrda f’kitbiet qosra u daqqa f’kotba varji li jitwieldu biċċa biċċa tul il-mixja ta’ ħajtu. Titgħallem kif il-bniedem iressaq lilu nnifsu lill-oħrajn. Titgħallem sew fir-rakkonti ta’ dak li jkun ġarrab, il-fatti li joħorġu, il-lezzjonijiet u d-direzzjonijiet li wieħed jista’ jieħu minnhom. Tara, ċertament, jekk tafdax dak kollu li jingħad. Tipprova wkoll tifhem dak li jixtieq jgħid u ma jgħidx, jew dak li tistennih li ser jgħid imma ma jgħidux. Tapprezza però dejjem li l-bnedmin, ġejjin minn fejn ġejjin, huwa tajjeb li jaqsmu ħafna minn dak li qabel ikun jinżamm fl-intern tagħhom.

Osservazzjonijiet

2.   Ħafna drabi naraw kitbiet awtobijografiċi jew semi-bijografiċi li jaqbdu t-triq ‘il fuq. Rari dawk i jkunu ‘l isfel. Jibdew minn bidu umli sakemm jieqfu fl-aqwa tal-karriera jew tal-ħajja tal-bniedem. Dan jiddependi minn min ikun qiegħed jikteb u f’liema fażi ta’ ħajtu jkun qiegħed iwettaq dan. Ħafna drabi, bnedmin iħallu għal ta’ warajhom biex jiktbu dwarhom. Dan jew għax ikunu jixtiequ jiktbu imma ma jsibux il-ħin. Inkella wkoll għax jidhrilhom li m’għandhomx jibqgħu mfakkra, mentri tajjeb li jitfakkru. Oħrajn ikollhom bżonn lil min jimbuttahom u jgħinhom. Biex ukoll, fil-fatt, jiftakru korrettement dak li għaddew minnu. Biex forsi jniżżlu dak li verament ġarrbu minn oħrajn, u hemm jiġihom id-dubju jekk humhiex jiżbaljaw li jiżvelaw kif ittrattahom ħaddieħor, u kemm ipprova jċekkinhom.

Għadni kif lestejt ktieb

3.   Missejt iktar ma’ dan mal-aħħar ktieb ta’ Romano Prodi, Strana vita, la mia. Ktieb maħruġ reċentement, fl-2021, u miktub f’forma ta’ domanda ‘moħbija’ ta’ Marco Ascione, ġurnalista tal-Corriere Della Sera. Qrajt kitbiet oħra tiegħu, però naħseb li dan huwa uniku fuq żewġ livelli. L-ewwel: miktub b’kelma faċli. It-tieni: mimli b’riflessjonijiet ta’ qabel, kif ukoll mill-iktar riċenti. Prodi jeħodna miegħu fil-vjaġġ ta’ ħajtu mingħajr dettalji żejda jew pedantiċi, imma fl-istess ħin mhux nieqsa mill-kontenut qawwi tagħhom. Għandu, f’dan, żewġ livelli. L-ewwel: il-karigi prestiġġjużi li okkupa, u dawk li le. It-tieni: dawk marbuta mal-protagonisti attwali ta’ dak li qiegħed iseħħ fil-politika internazzjonali. Ideat, fatti u riflessjonijiet uniċi.

Karriera

4.   Prodi għadda minn toroq varji sabiex iservi ‘l-proxxmu. Kattoliku konvint, ħadem sabiex jibdel u jirriforma dak li ħass li hemm bżonn. Oriġinarjament parti mid-Demokrazija Kristjana, aktar tard il-fundatur tal-Ulivo. Serva darbtejn bħala Prim Ministru ta’ pajjiżu, bejn l-1996 u l-1998, u bejn l-2006 u l-2008. Fil-frattemp ġie maħtur u mexxi lill-Unjoni Ewropea, bejn l-1999 u l-2004. F’kull darba, ħadem b’ideat ġodda u differenti. Iktar u iktar meta taqra u tifhem kemm il-bniedem għandu viżjoni soċjali u ekonomika li jġorr miegħu. Bniedem organizzat u loġiku f’ħidmietu. Persuna li fl-umiltà tiegħu ried dejjem iktar djalogu u inqas pożizzjonijiet riġidi. Fil-konvinzjoni li kull pajjiż jitlob li jkollu l-għajnuna ta’ kulħadd. Huwa, hemm jgħid: “Questo Paese a volte sembra dimenticare che tutti i compiti propri della politica, del governo e delle imprese debbono essere svolti con rettitudine, con competenza ma, sopratutto, con un quotidiano e faticoso lavoro di squadra.”

Missjoni storika

5.   Interessanti r-riflessjonijiet tiegħu dwar il-ħidma tiegħu bħala President tal-Kummissjoni Ewropea. Hemm diversi punti ta’ fatti li ftit kienu jafu bihom, u li ħarġu. Diversi li jispjegaw is-suċċess jew le ta’ diversi inizjattivi Ewropej u demokratiċi. Dehret ukoll iktar il-konvinzjoni tiegħu u l-abbiltà li jifhem li l-Unjoni Ewropea m’għandhiex tibqa’ wieqfa, imma trid timxi ‘l quddiem. Daħal f’mument meta kellu libertà akbar fl-għażla tar-responsabbiltajiet lill-Kummissarji l-oħra. Jgħid li ried li kull wieħed ikun protagonista, b’tifħir partikolari għal dak Tedesk li f’pajjiżna kien magħruf sew. Huwa jgħid hekk: “Se è per questo, ho cercato sempre di lasciare ai singoli commissari anche la ribalta della conferenza stampa. Così la penso, così ho agito. Un progetto, un idea cammina se ogni componente del gruppo si sente non solo coinvolto, ma protagonista. L’allargamento a Est dell’Europa non ci sarebbe mai stato se non avessi affidato quel compito a un Tedesco Gunter Verheugen, perché lui era l’uomo giusto e perché la Germania doveva sentirsi per prima impegnata in quella missione storica.”

Cattolico adulto

6.   Hemm kapitoli varji dwar il-politika barranija li huma minjiera ta’ informazzjoni għal min isegwi dak li għadda, u dak li għadu għaddej, speċjalment fil-gwerra tal-Ukrajna. Imma għandu partikolarment wieħed li jmiss mar-relazzjonijiet tiegħu mal-Kardinal Camillo Ruini, li għadu bil-għomor. Minn ħbiberija kbira għal nuqqas ta’ qbil daqshekk ieħor qawwija. Il-Kardinal, li huwa wkoll ċertament bniedem intelliġenti ħafna, quddiem id-deklin tal-Partit Demokristjan qal: “... avrebbe voluto la trasformazione della DC sul modello della CDU tedesca; un partito secolarizzato, ma vicino alle posizioni dei cattolici conservatori.” Mentri Prodi, minflok ried: “... puntavo a riunire i riformisti che proprio dalla Guerra fredda erano stati divisi.” Punti li setgħu jingħaqdu, imma li f’dak il-mument storiku ġiebu kunflitti politiċi.

Demokrazija fraġli

7.   Il-ktieb, li nħajjarkom taqraw, jagħlaq b’kapitolu dwar id-demokrazija. Wieħed li l-kontenut tiegħu jimmerita artikolu ieħor fil-futur, imma li fih imiss ma’ numru ta’ punti ta’ riflessjoni f’dan iż-żmien fejn id-dinja ħierġa mill-pandemija. Huwa jfakkarna li l-affarijiet inbidlu. Waqt li wara t-Tieni Gwerra Mondjali t-trijonf tad-demokrazija ma seta’ jżommu ħadd, illum dan m’għadux aktar hekk. Mhux biss għax m’għadx hemm din l-ammissjoni fl-aġendi Ewropej u Amerikani, imma wkoll għax hemm, kif jgħidha hu: “Un crescente degrado delle campagne elettorali, sempre più dominate dalla quantità di denaro e della Potenza di fuoco che i vecchi e i nuovi media riescono a mobilitare, anche attraverso un’esorbitante quantità di risorse finanziarie.

Bidliet

8.   Il-bniedem jibqa’ dak li dejjem kien: persuna li trid tibdel għas-sewwa. Persuna li jrid jirriforma dak li jara l-bżonn veru tiegħu. Persuna li jafda fid-djalogu, għax: “Chi dialoga non ha nessun bisogno di abbandonare i principi e le proprie convinzioni. Semplicemente non li impone ed è pronto ad ascoltare le opinioni degli altri.” Persuna li, għal darb’oħra, kiteb ktieb li ħaqqu jinqara. Bniedem li għamel il-ġid u għadu għaddej. Bniedem li kellu sehem determinanti sabiex pajjiżna jsir membru tal-Unjoni Ewropea. Bniedem normali li ħaddem it-talenti tiegħu sew, u li ħajtu hija ċertament differenti, però mhix tant stramba.

No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...