19.4.23

Kwistjoni ta’ kultura

1.   Dak li d-dinja għaddiet minnu, kif qed naraw, hemm min ma jinteressahx.  Hemm min jaħseb li jista’ jgħix mingħajr ma jħares u jifhem dak li bnedmin bħalna għaddew minnu qabilna.  Id-demokraziji li ngħixu u li aħna parti minnhom ilkoll qed jgħaddu minn din l-esperjenza.  Ġenerazzjonijiet li mhumiex jitħajru jaqraw u jindagaw il-fatti u jagħrfu dak li seħħ.  Ma jagħrfux l-atroċitajiet li saru f’isem ideoloġiji politiċi li rrendew biss diżastri lill-umanità.  Hemm, f’dan, periklu ieħor.  Dak li jitwieled fuq l-għarfien li għax ħaddieħor ma jaqrax, allura jista’ jikteb il-kontra ta’ dak li jkun seħħ.  Dak li kien żbaljat jipprova jiġġustifikah, jekk mhux jigglorifikah.

 

It-Tieni Gwerra Mondjali

 

2.   F’dan, għandhom jingħadu u jiġu ripetuti l-eventi ta’ dan l-aħħar kunflitt.  Dak li twieled minn ideoloġija politika li ċaħdet dak kollu li l-oċċident u l-valuri tiegħu sawwru.  Ċaħdet id-demokrazija.  Ċaħdet id-drittijiet fundamentali tal-bniedem.  Ċaħdet il-ħniena, u daħħlet minflok il-mibgħeda.  Ċaħdet id-dinjità umana u daħħlet id-disprezz lejha.  Kissret u farrket kemm felħet.  Qatlet daqshekk ieħor miljuni ta’ bnedmin.  Bniet magna sabiex il-Lhud, li għalihom kienu responsabbli tal-ideat kollha nkluż il-Kristjaneżmu, jinqatlu.  Bnew kampijiet tal-konċentrament sabiex jeliminaw bl-aktar modi u sistemi koroh.  Sistemi li qatt ma kellna qabel.

 

Wieħed irid ifakkar

 

3.   F’dan kollu wieħed għandu dmir ifakkar mhux biss fid-dati li nistabbilixxu, imma iktar bħala parti sħiħa mill-kultura tagħna dak li seħħ.  Sfortunatament, għad hawn min iħares li jqiegħed, żbaljatament fuq pedestalli, bnedmin bħal Hitler u Mussolini.  It-tnejn ħolqu dawn il-ħsibijiet anti-umani bit-toroq li n-Nażiżmu u l-Faxxiżmu mexxihom fihom.  Hemm min jipprova jimitahom u jimmaġina li l-politiku t-tajjeb għandu jkun bħalhom.  Qalbu iebsa.  Kapaċi jagħmel azzjonijiet ħżiena.  Kapaċi jkun bla qalb, idaħħal qisu xejn stalletti f’dahar ħaddieħor. Kapaċi jarmi l-bnedmin, jarmi l-esperjenza, jarmi l-istorja, jimxi u jmexxi poplu bħallikieku m’hemmx ħniena jew ġustizzja, imma ħdura u vendikazzjonijiet.  Kemm niddejjaq min jgħidli li mexxej, għalihom, ikun sod mhux fil-prinċipji demokratiċi, imma meta jwettaq dawn l-iżbalji.

 

F’dawn il-Gżejjer

 

4.   Billi aħna ma doqniex l-okkupazzjoni Tedeska jew Taljana f’dak il-kunflitt, m’għaddejniex minn dak li ħaddieħor għadda minnu.  Billi konna l-bgħid, uħud, jekk ma jaqrawx ma jifhmux x’barka kellna u għad għandna.  Ma jifhmux, anqas, kemm it-tmexxija Nażi-Faxxista kienet, u tibqa’, waħda żbaljata.  Ma jifhmux li huwa kontra l-ħajja tagħna bħala bnedmin li naqbdu u, b’xi mod, nimitaw direttament jew indirettament, volontarjament jew involontarjament ħidmiethom.  Biex twassal dan il-messaġġ trid iktar ħidma kulturali biex tfiehem.  Biex turi bil-fatti li dak li ġara kien ħażin fuq naħa, u fl-istess ħin biex tissoda lis-soċjetà demokratika tagħna trid tqiegħed dan bħala parti mill-aġenda u prijorità nazzjonali.

 

Biex inżommu

 

5.  Jekk irridu nżommu l-valuri demokratiċi u dawk li huma l-prinċipji etiċi Nsara li ffurmawna għandna nidħlu f’din il-ħidma.  Kif jistieden tajjeb Victor Vella lbieraħ f’It-Torċa, meta qal: “Fuq kollox, issa li xxandar, iqum il-punt ta’ x’rimedju se jkun hemm.  Wieħed jittama li jixxandar programm riċerkat li janalizza, jgħarbel u jikkoreġi dak li ntqal fil-programm oriġinali.”  Suġġeriment f’postu, imma forsi wieħed għandu jżid aktar.  Iżid li għandu jkun hemm programmi kostanti li jfakkruna dak kollu li aħna.  Ifakkruna fix-Shoah u fl-atroċitajiet kollha li seħħew.  Iġibu quddiem l-udjenza ta’ pajjiżna l-fatti veri u konkreti ta’ dak kollu li twettaq ħażin minn dawn il-bnedmin.  Fuq kollx, iżommu l-ġenerazzjonijiet il-ġodda mgħarrfa u mħajra jaqraw aktar.

 

Tom Holland

 

6.  F’dawn il-jiem kelli l-okkażjoni nisma’ dan l-awtur Ingliż emerġenti.  Dan aktar u aktar wara li qlajt il-ktieb tiegħu Dominion. The Making of the Western mind.  Nissuġġerilkom taqrawh, jew almenu tisimgħuh fuq il-programmi varji li hawn imxandra fuq l-Internet.  Huwa jispjega għala jifhem li d-demokraziji huma bażati fuq il-prinċipji etiċi Nsara u għala Hitler u Mussolini bnew ideoloġija politika kompletament il-kontra ta’ dan.  Waqt li llum qegħdin ingawdu mil-libertajiet u d-drittijiet li għandna, irridu nfakkru li dan seħħ għax dawn il-bnedmin tilfu dak il-kunflitt.  Kieku rebħu huma, id-dinja hija sewda faħam.  Hija dinja fejn m’hemmx sewwa u hemm biss arroganza u kefrija.

 

Mhuwiex waħdu

 

7.   Id-dinja tagħna llum hi li hi għax diversi bnedmin, wara dak li seħħ, riedu jibnu dinja ġdida, u rnexxielhom.  Riedu, l-ewwel, juru dak li ġara.  U hawn tajjeb li wieħed jaqra u jsegwi dak li seħħ fil-proċess ta’ Nurimberga, u aktar tard kontra Adolf Eichmann, biex jifhem.  Jifhem dak li hemm fil-ktieb ta’ Hannah Arendt, The Banality of Evil, fejn wieħed isib tant dettalji u fatti li ħaddieħor irid jaħbi.  It-tieni, riedu jibnu preċiżament il-kontra.  Bnew demokrazija iktar b’saħħitha li mhix, ċertament, perfetta.  Imma l-imperfezzjonijiet demokratiċi qatt ma jistgħu, b’xi mod, jiġġustifikaw l-ideoloġiji Nażi-Faxxisti.  Id-dittatorjat qatt m’huwa ġustifikat, imma dejjem kundannat.

 

Għandna x’nitgħallmu

 

8.  Għandna ħafna x’nitgħallmu u rridu naġixxu.  Irridu nkunu verament demokratiċi u naħdmu sabiex kull ċittadin f’pajjiżna jkun mogħti l-informazzjoni u l-edukazzjoni neċessarja.  Min ikollu dawn l-għodda f’idejh ikun kapaċi jifhem aħjar u jiddeċiedi hekk ukoll.  Il-parteċipazzjoni demokratika hija unika u ma tistax titwarrab, imma tiġi koltivata.  Din hija l-kultura tagħna.  Din hija l-linja li aħna rridu nikkumbattu għaliha.  Fejn għandna naħdmu sabiex nuru biċ-ċar li din hija l-aqwa għażla, u li dak li seħħ kien żbaljat u għandu jiġi abbandunat.  Pajjiżna għandu ħafna x’jitgħallem minn din l-esperjenza.  Nittama biss li biha nifhmu aktar min aħna u li għandna dmir inkabbru u nissudaw il-kultura demokratika fina.

 

No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...