3.4.23

Żmien ta’ ħsieb u direzzjoni

1.     Wara ħafna żmien, mil-lum naqbdu lura dak li konna niċċelebraw f’din il-Ġimgħa Mqaddsa.  Bi spirtu ġdid u differenti.  Għandna l-okkażjoni li napprezzaw dak li kellna qabel, u fl-istess ħin nirriflettu fuq kif nistgħu nagħmluhom iktar speċjali.  Jiem ta’ ideat ġodda.  Jiem ta’għarfien f’dak li aħna u f’dak li għandna nkunu dejjem iktar.  Hemm proċess għas-sewwa li għandna l-ħin biex naqbdu.  Hemm toroq li jeħduna fejn għandna nkunu, u mhux fejn ninsabu.  Hemm sinjali li għandna bżonn nibdew nifhmu iktar.  Sinjali li jinsabu quddiemnan, imma li fil-ħajja ta’ kuljum ninjoraw u nittraskuraw.

Musbieħ għal riġlejna

2.    Għandna ferm iktar fid-dawl tal-kultura u t-tagħlim li l-Kristjaneżmu jagħti.  Anke jekk wieħed mhuwix prattikanti, jew jiddikjara li ma jemminx, xorta huwa parti sħiħa minn dan il-patrimonju uniku.  Xorta aħna ħaġa waħda f’soċjetà li nbniet f’demokrazija li hija mwielda, u tista’ tkun iktar issudata proprju minħabba l-prinċipji etiċi Nsara.  Prinċipji li kienu huma li taw ħajja ġdida biex inbniet sistema demokratika vera, li kienet bint il-Griegi, imma li ntilfet maż-żmien.  Sistema li bħal kull bniedem trid tiġi kkultivata, imsoqqija u kkurata jum wara jum.  Qatt ma tista’ tgħid li wasalt.  Qatt ma tista’ tieqaf tħaddimha u tirfinaha.  Id-demokrazija tagħna tikber iktar ma nkunu lkoll f’daqqa f’dan il-proċess ta’ tiġdid u qawmien.

Il-Passjoni

3.     Diversi ser jerġgħu jieħdu sehem f’wirjiet, purċissjonijiet u rappreżentazzjonijiet.  Diversi diġà niżlu fit-toroq għal Jum id-Duluri.  Diversi ħarġu minn darhom biex jieħdu sehem ma’ oħrajn bl-istess pożizzjoni ta’ Pellegrini.  Bnedmin li, flimkien fit-talb u fir-riflessjonijiet, iħarsu lejn dak li hija l-ħajja għalihom u kif jixtiequ li tkunilhom.  Dawk li għaddejjin minn diffikultajiet u l-passjonijiet personali tagħhom.  Dawk li għandhom bżonn l-għajnuna u kliem ta’ faraġ, isibu minjiera.  Isibu għajn friska ta’ għerf u intelliġenza.  Isibu għodod ġodda jew isonnu dawk li ilhom jużaw sabiex ikollhom ħajja li tagħmel iktar sens u jkun fiha iktar sustanza.  Poplu uniku bħal tagħna, kif kien iwettaq qabel, hekk kapaċi iktar illum.  Ħafna, fil-ħajja jibqgħu jfittxu biex isibu risposti għal domandi li jaffrontaw.  Waqt li jaħsbu, waqt li jirriflettu, jiksbu l-ġid li l-Passjoni ta’ Sidna Ġesù Kristu tagħti.

Għajnuna

4.     Hija għajnuna anki għal dawk li ma jħossuhomx Insara.  Dak li hemm rakkuntat fil-Vanġeli.  Dak li hemm spjegat f’diversi kotba u fil-priedki li jingħadu, xorta jmexxihom ‘il quddiem.  Xorta jwassalhom sabiex jirriflettu, anke jekk għandhom l-ideat differenti tagħhom.  Iktar u iktar hemm għal dawk li jridu jkunu iktar Insara.  Għal dawk li jridu jkunu iktar strumenti għas-sewwa.  Għal dawk li jixtiequ li jieħdu sehem fil-bini ta’ soċjetà aqwa milli għandna.  Għal dawk li jridu jaraw tibdil sabiex jingħataw eżempji tajba.  Dawk li jfittxu li jkunu hemm il-valuri tas-sewwa applikati fil-ħajja ta’ kuljum.  Dawk li jridu jkunu huma stess, imma li jippretendu aktar minn dawk li jmexxuhom li jagħtu eżempju u ma jaqgħux fit-tentazzjonijiet.

Disprezz

5.     Hemm min jipprova jwaqqa’ għaċ-ċajt lil dawk li jħarsu minn din il-lenti lejn is-soċjetà u lejn l-imġieba politika.  Hemm min jipprova jgħid li huma issa antikwati.  Hemm min, f’dan, jiċħad dak kollu li għandu l-wirt komuni Nisrani tagħna.  Dawk li, waqt li jiċħdu, ikunu qed jimlew b’dak li ġieb il-ħsara kbira fuq l-umanità.  Meta ċaħdu l-valuri Nsara sija dawk li ħaddnu l-Komuniżmu, kif ukoll dawk li marru għall-Faxxiżmu, ġiebu stati atei.  Niftakru partikolarment dak li seħħ fl-Albanija, fejn il-pajjiż iddikjara fuħu fil-kostituzzjoni tiegħu li huwa stat ateu.  Flok mexa ‘l quddiem, waqa’ lura fl-abbissi tal-iżbalji.  Flok ġieb ġid lill-poplu, ġieblu d-deni.  Anzi, kien huwa stess fattur ta’ deni għax daħlu miegħu valuri żbaljati.  L-ingann, il-gideb, il-ħruxija, iċ-ċaħda tad-dinjità tal-bniedem, il-korruzzjoni umana f’kull dimensjoni, li ġiebu magħhom tifrik.

Dawk ta’ rieda tajba

6.     Li tagħmel il-ħid mhix missjoni unika tal-Insara, imma hija miftuħa għall-bnedmin kollha.  Dawk li għandhom rieda tajba u li jfittxu s-sewwa huma strumenti għas-sewwa fis-soċjetà.  Dawk li jfittxu l-verità f’ħidmiethom u li jkunu onesti fi ħsibijiethom.  Dawk li huma umli verament fl-għarfien li minn dik it-triq wieħed jista’ jifhem iktar il-fatti, ir-realtà, u jsib dak li huwa minnu.  Kull bniedem, hi x’inhi l-fidi tiegħu, huwa msejjaħ biex ikun dan.  Huwa msejjaħ biex ikun awtentiku: ikun dak li huwa, u mhux isir falz jew kopja.  Ikun persuna li tingħaqad ma’ oħrajn biex flimkien tinbena soċjetà aħjar.  Soċjetà li tirrispetta aktar il-ħtiġijiet materjali u spiritwali tiegħu.  Fejn ma jibqax biss għodda fil-mezzi ta’ produzzjoni ekonomika, imma jkun iktar bniedem.

Dawk li huma

7.     F’dan, is-soċjetà tapprezza aktar lil dawk li huma magħquda, li jgħixu l-verità fl-umiltà.  Ħafna, fil-politika jiddikjaraw li jridu jsiru umli proprju għax ma tantx ikunu.  Jiddikjaraw li ser jibdlu għemilhom, mhux għax iridu verament, imma sabiex jinġiebu aħjar.  Sabiex il-pubbliku u l-elettorat forsi jitħajjar jarahom aħjar.  Imma forsi jkun aħjar jekk wieħed ma jgħid xejn u jibdel għemilu.  Il-kliem jispiraw, imma l-fatti jimmarkaw.  Jekk hemm verament umiltà, trid timxi lejn il-konverżjoni.  Bidla fl-imġieba fejn wieħed irid ikun umli fil-verità.  Il-bqija jidher biss bħala fażi temporanja li ma tingħatax importanza.  Dikjarazzjonijiet li ma jiġux fdati mill-poplu tagħna.

Inħarsu ‘l quddiem

8.     F’dawn il-jiem, partikolarment tul din il-ġimgħa, għandna iktar quddiemna l-bibien miftuħa biex nibdlu għall-aħjar dak li aħna.  Huwa żmien ta’ ħsieb.  Huwa żmien ta’ għarbiel intern.  Huwa mument meta wieħed jista’ jieqaf u jara t-travi li għandu f’għajnejh.  Huwa żmien ta’ ġabra biex il-bniedem jifhem kemm jista’ jkun aħjar milli huwa.  Dan il-pajjiż għandu dejjem iktar bżonn ta’ bnedmin li mexjin f’din it-triq.  Bnedmin li jfittxu s-sewwa verament, u jaħdmu għaliha.  Bnedmin li mill-ħajja privata tagħhom jimxu lejn dik pubblika.  Bnedmin li mis-silenzju tagħhom isiru vuċijiet tal-valuri fundamentali tagħna.  Bnedmin li jagħmlu użu minn dan il-ħin biex, fir-riflessjoni, jaħsbu u jaqbdu direzzjonijiet sodi lejn ordni soċjali ġdid fis-soċjetà tagħna.

No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...