26.3.20

Lura ma’ Lazzru.




1.     Dan huwa mument ta’ prova kbira għal pajjiżna.  Mument diffiċli għall-poplu, li jipprova jħares saħħtu.  Kemm aħna preparati, għada pitgħada nsiru nafu.  Illum irridu nħarsu ‘l quddiem u nħarsu saħħitna u ta’ dawk li huma madwarna.  Ma nkunux kaġun għall-oħrajn.  Ngħinu lil dawk li huma l-iktar vulnerabbli.  Nassiguraw li l-proċeduri stabbiliti jiġu osservati.  Ħadd ma huwa aqwa minn ħaddieħor.  Il-mard jiġi fuq kull persuna.  Jista’ jgħaddi, u jista’ jibqa’ magħna.  Inħarsu ‘l quddiem, però b’fiduċja u tama.

Tul din il-ġimgħa

2.     Il-Ġimgħa, il-Papa Franġisku għalaq seba’ snin.  Għadda minn diversi mumenti diffiċli.  Imma żamm ‘il-Knisja Kattolika għaddejja.  Żammha rilevanti, attenta u ħajja.  Twieġeb għar-realtà, u fl-istess ħin tħares ‘il quddiem.  Jingħad x’jingħad, il-Kristjaneżmu jibqa’ ġdid.  Jibqa’ fonti ta’ għerf, ispirazzjoni u direzzjoni.  Għal dawk li jħarsu u jfittxu, jafu b’dan.  Tul din il-ġimgħa, u issa għal dak li ġej, bdejt insegwi l-quddies li l-Papa Franġisku qiegħed iqaddes mill-Vatikan.  Fis-7 ta’ filgħodu tibda, u jkun hemm riflessjoni qsajra tiegħu fuq il-qari tal-ġuranta, mimlija b’sens u sustanza.

Il-Ħamis li għadda

3.     Il-Ħamis, il-Vanġelu ħadna biex naqraw lura l-pożizzjoni tal-fqajjar Lazzru.  Kitbet San Luqa, l-osservatur attent u preċiż, tibda hekk: “Kien hemm raġel għani, jilbes il-porpra u għażel mill-ifjen; l-hena tiegħu kien li kuljum jagħmel ikla mill-aħjar.  U wieħed fqir jismu Lazzru, li kellu ġismu ġerħa waħda, kien imur jinxeħet ħdejn il-bieb ta’ daru, bix-xewqa li jixba b’dak li jaqa’ mill-mejda tal-għani.  Sa l-klieb kienu jmorru jilagħqu l-ġrieħi tiegħu.”  Sitwazzjoni li tmexxina biex nirriflettu.  Waħda li m’aħniex ‘il bogħod wisq minnha llum.

Kemm qed inħarsu?

4.     Kemm qed inħarsu madwarna sabiex nifhmu l-istat veru tas-soċjetà tagħna, għandi dubju.  F’dawn il-mumenti diffiċli, naħseb li ser ikollna nagħmlu dan.  Inħarsu, sabiex nifhmu iktar kemm għandna bnedmin magħna li huma abbanduanti.  Kemm għandna nies fis-solitudni, kemm persuni vulnerabbli, kemm dawk li m’għandhom biex jgħixu ser, forsi, insibu lura.  Ilna dawn is-snin naħarbu mir-realtà.  Naħarbu fejn ma narawx, u nidħku bina nfusna f’dak li huwa sewwasew għaddej.  Li għandna bnedmin li qegħdin ‘l isfel sew fl-iskala tal-ħajja.  Li m’għandhomx mezzi, anqas fejn jgħixu, u li jiddependu minn ħafna tikkiet madwarhom biex jeżistu.

X’forma ta’ stat għandna

5.     Irridu naċċettaw li bnejna Stat li fih hija l-ekonomija, u min għandu, li huma importanti.  Tlifna, u ħallejna warajna ħafna valuri umani.  Dak kollu li jagħmilna ħallejnih lura biex insiru dak li m’aħniex.  Diġà qed immissu mal-effetti tagħhom.  Diġà qed naraw fejn din il-kilba għall-flus qed twassalna.  Kemm qed ninjoraw lil dawk li għandna madwarna biex naqbdu linja politika liberali, li tħares biss lejn min għandu.  Li tiddisprezza lil min m’għandux flus.  Li tikkalkula ‘l-bniedem fil-linja ta’ kemm għamel suċċess billi għandu, u kemm jilbes il-porpra u għażel mill-ifjen. 

Mumenti ta’ riflessjoni

6.     Għall-jiem li ġejjin, waqt li ħafna ser ikunu kwarantina volontarja jew le, għandna forsi l-ħin nifhmu aħjar x’inhuwa importanti fil-ħajja.  Forsi nibdew nifhmu kif tlifna dak li għandna nerġgħu nġibu lura.  Nirbħu lura l-valur ta’ soċjetà li tħares u tqassam aħjar il-ġid komuni.  Waħda li tikkontrolla l-abbużi li qed iseħħu minn min tilef kull skruplu.  Waħda li tħares iktar il-ġustizzja soċjali fis-sewwa kontinwa ta’ proċess li ma jiqafx.  Proċess li jagħraf li rridu nibqgħu nfittxu li ngħinu lil min qiegħed l-iktar ‘l isfel.  Dan mhuwiex xi lussu, imma bżonn li jimmarka Ċiviltà vera minn dik li mhix.

Fejn qegħdin?

7.     Nittamaw li dan il-mument jgħaddi minn fuqna bl-inqas sofferenza għall-bnedmin.  L-ekonomija tista’ tistenna; ikollna żmien biex inħaddmuha lura.  Inħaddmuha aħjar.  B’iktar sens u għarfien ta’ dik li hija l-ħajja.  Il-valuri veri li jagħmluna Maltin u Għawdxin dejni ta’ dak l-isem.  Immorru lura ma’ Lazzru, biex nifhmu l-missjoni tagħna u naħdmu biex nibdlu dak li mhuwiex sewwa.  Nibdlu, sabiex pajjiżna jerġa’ jkun lura wieħed uniku.  Wieħed li jħares verament, u fis-sħiħ, lejn min qiegħed jistenna li jiekol minn dak li jaqa’ mill-mejda ta’ ħaddieħor.

No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...