14.3.20

L-Għarfien tas-Sewwa




1.     Mhux kull bniedem jagħraf ġewwa fih dak li huwa sewwa minn dak li mhuwiex, anqas dak li huwa ġust minn dak li mhuwiex, dak li huwa bi dritt minn dak li huwa bi pjaċir.  Konsegwentement, anki fil-politika Maltija nsibu u nagħrfu persuni li għandhom dan.  Imma, kif nafu, il-politika t-tajba, dik li minnha jikber il-frott, tiddependi fuq persuni li jagħrfu s-sewwa minn dak li mhuwiex.  Jagħrfu li hemm valuri li d-dinja u l-kontinent tagħna huma mibnija fuqhom.  L-istituzzjonijiet demokratiċi t-tajba li għandna ġejjin proprju minn dawn il-valuri u prinċipji nsara.

Partit tal-moderazzjoni

2.     M’aħniex partit tal-estremiżmi; anqas m’aħna ġustizzjalisti.  Jista’ jkollna lil min jaħseb li dan ser iwassal lejn xi direzzjoni.  Imma r-realtà storika u l-esperjenza politika jippruvaw kontinwament kemm it-triq taċ-ċentru, dik li tħares lejn il-moderazzjoni fl-aġir u fid-diskors, tirbaħ.  Twelled minn fiha s-sens tas-sewwa.  Jikber fiha l-ispazju demokratiku biex isir dibattitu politiku veru.  Wieħed li għad irid jasal f’dan l-istaġun diffiċli u kumplikat, li daħħal lilu nnifsu fih il-pajjiż taħt dan il-Partit Laburista.  L-arja li nġabret hija mimlija “velenu” politiku li trid xita u żmien biex tibda jdub.  Trid bidliet varji.

Il-bidliet

3.     Il-bidliet li jridu jsiru huma kbar biex jidħol lura l-għarfien ta’ dak li huwa ġust u sewwa.  Irridu naraw ħafna kuraġġ mingħajr aggressività.  Dik id-doża ta’ reżistenza favur is-sewwa, li tiġi minn determinazzjoni, kalma, attenzjoni u direzzjoni.  Il-pajjiż għandu bżonn jinbena lura mill-ġdid.  Jinbena mhux f’dak li kien, imma f’dak li għandu jkun.  Mhux biss, imma l-iktar waqt li jifhem l-iżbalji kbar li saru f’dawn l-aħħar seba’ snin fil-Gvern Muscat.  Biex issir il-bidla trid tinqabad direzzjoni differenti.  Triq tinqabad waħda ġdida minn dak li għandna u rajna.  Iktar ftuħ, iktar parteċipazzjoni, iktar proċess li jassigura demokrazija li tifhem u tirrispetta, ċertament mhux li timponi.  Iktar ġustizzja soċjali u protezzjoni tal-ġid komuni tagħna, tal-wirt storiku u tal-ambjent sħiħ tagħna.

Maximilien de Robespierre

4.     Kif wieħed jistenna, u kif l-istorja nkitbet, bħalissa għaddejjin mumenti fejn il-mezzi tar-renju tat-terrur Franċiż qed jiġu użati.  Dak li kiber taħt il-Gvern ta’ qabel il-Prim Ministru Robert Abela qiegħed jinqata’ biċċa biċċa barra.  Il-giljottina, li Robespierre huwa assoċjat magħha, qed taħdem fil-verżjoni li s-sistema Maltija tagħti.  U wieħed jifhem, għax kif jista’ wieħed iħares lejn il-futur tal-Partit Labutrista fil-Gvern għas-sentejn li ġejjin, jekk dan ma jiġix ikkunsidrat?  L-argument qiegħed isir fil-linja ċara.  Kif, u b’liema mod tista’ tneħħi dak li taf li huwa ħażin, għax int ta’ ġewwa, jekk mhux b’dan il-mod u f’dan l-istaġun politiku partikolari?

Rikorrenza

5.     Ir-realtà, l-istat ta’ fatt huwa li hemm ħafna deċiżjonijiet żbaljati li ttieħdu fil-passat.  Deċiżjonijiet marbuta mal-iżball politiku li taħtar mhux lil min huwa tajjeb u kompetenti, imma lil min huwa tal-qalba tiegħek, bi preferenza personali żbaljata.  Deċiżjonijiet li l-Prim Ministru Abela qiegħed jagħraf fl-effett u fl-impatt tagħhom jum wara jum.  Hemm ripetizzjoni tal-istess sitwazzjonijiet.  Daqqa jkunu jafu bihom, u ħafna drabi jinqalgħu “minn taħt ir-riħ”.  Tant l-allejanza bejn il-poter u l-korruzzjoni istituzjonalizzata nfirxet, li għad fadal iktar u iktar każijiet biex joħorġu.  Kemm il-Gvern Laburista Abela ser jirnexxilu jnaddaf lilu nnifsu mill-Gvern Laburista ta’ Muscat ser narawh fix-xhur li ġejjin.  Dan fil-bilanċi u l-kompromessi żbaljati li ser ikollhom isiru.

Direzzjoni futura

6.     Ir-responsabbiltà fuq il-Partit Nazzjonalista, ċertament kibret.  Fl-appuntament elettorali li ġej, mhuwiex sempliċi tibdil fil-partit li jmexxi pajjiż, imma hemm ferm u ferm aktar.  Il-bidliet fid-direzzjoni tal-istat demokratiku u Ewropew tagħna jitolbu mpenn qawwi.  Wieħed irid jibni s-sistema minn dak li ser jibqa’.  Jibni sabiex jagħti aktar saħħa lis-sewwa.  Jibni sabiex ikollna l-pajjiż li fih il-ġust jintagħżel mill-inġust, it-tajjeb minn dak li mhuwiex.  Wieħed li jassigura iktar li jifhem ir-realtà li jgħixu l-bnedmin.  Wieħed li għandu viżjoni u direzzjoni ċara.  Wieħed li, fuq kollox, huwa bażat fuq l-għarfien ta’ dak li huwa sewwa.




No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...