14.3.20

Demokristjani bħalna: Konrad Adenauer (1876-1967)




1.     Wara, u flimkien ma’ Alcide de Gasperi, insibu numru ta’ politiċi demokristjani li ġew għad-dawl u t-tmexxija ta’ pajjiżhom wara t-Tieni Gwerra Mondjali.  Esperjenza politika kompletament ġdida.  Waħda li, għall-ewwel darba, kif qed naraw, demokratiċi Nsara konvinti daħlu għall-piż tar-responsabbiltà li jmexxu ‘l quddiem popli u pajjiżi li tkissru.  Konrad Adenauer kien hekk.  Wieħed minn dawk il-bnedmin li rrestawraw il-wirt Nisrani uniku fil-kontinent Ewropew.  F’dan l-artikolu nsegwi dan il-proċess, u nittama li bih inħajjarkom taqraw iktar dwaru.

Bniedem determinat

2.     Meta l-Ġermanja ġiet mirbuħa, imkissra w umiljata f’Mejju tal-1945, kien meħtieġ li jinstab xi ħadd li seta’ jerfa’ rasu għaliex ma kienx tħammeġ għax issieħeb mar-reġim Nażista, li lanqas kien ħarab jew eżilja ruħu, jew anqas kien ħasel idejh.  Kien hemm nuqqas ta’ politiċi wara l-Gwerra, għax Hitler kien ħeles minn diversi, saħansitra anki minn dawk il-militari, bħal Claus von Staffenberg, li kienu kkomplottaw biex joqtluh.  L-Oppożizzjoni politika kienet ilha li ġiet newtralizzata.  Madankollu, kien hemm min, bħal Konrad Adenauer, ex-Sindku ta’ Köln, Kattoliku, membru tal-Partit taż-Zentrum, li għalkemm kien sofra l-persekuzzjoni, u ġieli ġie internat fil-kampijiet ta’ konċentrament, żamm ‘il bgħid, jistenna b’determinazzjoni.

L-Anzjan

3.     Wara l-Gwerra, Adenauer, għalkemm avvanzat sew fiż-żmien kien, flimkien ma’ oħrajn, fehmu li dak li kien hemm qabel iż-Zentrumspartie kien kien żbalja u ddgħajjef, anzi ddestina ruħu għal minoranza.  Dan għax kien baqa’ partit Kattoliku, f’pajjiż bħall-Ġermanja, li kellu popolazzjoni fil-maġġoranza ta’ 67% Protestanti.  Adenauer u oħrajn iddeċidew li fil-Partit Demokratiku Nisrani tal-Ġermanja, l-Insara Protestanti, kemm Luterani u kemm ta’ twemmin ieħor, setgħu jieħdu sehem.  Kellhom jiġu flimkien f’formazzjoni politika ġdida li tifhem dak li kien hemm qabel u dak li għandu jkun hemm għall-futur.  Kienet deċiżjoni għaqlija, għaliex għaqqdet flimkien lill-politiċi u l-mases, kemm Kattoliċi u kemm Protestanti, li kellhom viżjoni politika komuni bejniethom.

Bażi elettorali soda

4.     Deċiżjoni li setgħet tieħu l-ħajja politika għax kellha bniedem bħal Adenauer li mexxiha ‘l quddiem, b’intelliġenza, jikkonsolida bażi elettorali soda.  Bażi li għadha sallum rilevanti għax baqgħet leali lejn il-valuri Nsara tagħna.  Nafu li minn dakinhar ‘il quddiem, is-CDU, l-Unjoni Kristjana-Demokratika saret il-forza politika determinanti.  Għadha sallum l-iktar forza politika qawwija fil-Ġermanja, u Merkel, Demokristjana-Protestanti hija l-Kanċilliera.

Annu Zero

5.     Fl-Annu Żero tal-Ġermanja, Adenauer u sħabu setgħu jerfgħu lil pajjiżhom mill-abbiss, għaliex għalkemm kienu żbaljaw fit-tattika fil-bidu tar-reġim tan-Nażi, baqgħu jżommu l-prinċipji Demokratiċi Nsara, li reġgħu bnew lill-pajjiż.  Pajjiż li wirtu maqsum f’erba’ biċċiet.  Wieħed imfarrak kompletament.  Wieħed li sab reżistenza biex iqum lura u jibda t-triq twila tiegħu biex jingħaqad f’dak li kien.  Triq xejn faċli, b’oppożizzjonijiet varji, l-iktar bil-preżenza tal-Komuniżmu Sovjetiku, li mhux biss kien il-kontra ta’ dak li d-demokrazija tagħti, imma assigura li jinbena ħajt li jifred lill-bnedmin u jxekkilhom fil-libertà sħiħa tagħhom.

Merti perseveranti

6.     Adenauer, u warajh Kohl u issa Merkel, setgħu mhux biss jaħdmu mal-partiti l-oħra, is-Soċjalisti Demokratiċi u l-Liberali biex jibnu demokrazija b’saħħitha, iżda wkoll biex jibnu ekonomija li hija fost l-aqwa fid-dinja.  Il-mirkalu tat-twelid mill-ġdid tal-Ġermanja wettquh dawn il-gvernijiet ta’ koalizzjoni bejn dawn il-forzi, iżda deċiżament bi tmexxija Demokristjana.  Helmut Schmidt u Willie Brandt, iż-żewġ Kanċilliera Soċjal-Demokratiċi u l-mexxejja Liberali ma biddlu xejn mil-linja ġenerali tal-politika li ssawret minn Adenauer u l-Ministru tal-Ekonomija Ludwig Erhard.  Il-bnedmin li sawru dak baqa’ magħruf bħala s-suċċess indiskuss tas-“social market economy”.  Dik li sabet bilanċ bejn il-forzi varji fis-suq.

Jibqa’ jiddiskuti sakemm tgħaddi tiegħu

7.     Mill-Kanċillier Adenauer kienu laqqmuh “der Alte”, “ix-Xiħ”.  Iżda Adenauer, barra milli kien anzjan fl-età, kien ukoll għoli fil-prinċipji u sod fit-tmexxija.  Fuq kollox, kien bniedem li jispira fiduċja: il-poplu tiegħu kien jafdah.  Kien dak li rnexxielu jirreġistra suċċess.  Dak li, bil-perseveranza tiegħu, kien baqa’ fuq il-mejda jiddiskuti sakemm fl-aħħar tgħaddi tiegħu.  Waqt li l-oħrajn, iżgħar minnu fl-età kienu jċedu, huwa kien isib aktar enerġija u forza interna biex jibqa’ għaddej.  Kienu jafdawh ukoll barra mill-pajjiż.  Karatteristika li kien jaqsam ma’ De Gasperi.  Għaliex il-bniedem politiku ta’ prinċipji sodi, bħalma huma dawk Demokratiċi Nsara, jispira fiduċja.

Ewropa magħquda

8.     Adenauer ħadem ukoll, bħal De Gasperi, għall-għaqda tal-Ewropa.  Id-Demokratiċi Nsara għandhom idea tal-bniedem li hija universali.  Għalhekk, qatt ma kellu  moħħu magħluq, li jqis li l-Ġermanja tikber billi tkisser lill-oħrajn.  Fehem li, fil-kollaborazzjoni mal-Ewropej l-oħra, l-ewwel iżda mbagħad anki ma’ oħrajn barra mill-Ewropa, hemm iċ-ċavetta ta’ progress komuni u paċi dejjiema.  Politika li servietna sallum, għalkemm kien hemm diversi li baqgħu jirreżistuha.

Serju u kuraġġuż

9.     Kien politiku serju.  Ħadd qatt ma seta’ jiddubita mill-onestà, mill-kuraġġ, mid-determinazzjoni tiegħu.  It-twemmin Nisrani għenu biex jegħleb id-diffikultajiet li ltaqa’ magħhom.  Il-Ġermanja kienet ixxurtjata li sabet lilu meta kienet qed titkagħweġ fit-trab tal-ħerba li sofriet bil-bumbardamenti u fl-invażjoni, umiljata l-iktar mid-delitti kontra l-umanità li nkixfu u li kienu wettqu l-mexxejja Nażisti, u meta sfat tallaba quddiem l-erba’ nazzjonijiet alleati li okkupawha.  Imma mertu tal-politika moderata, attenta u Demokratika-Kristjana tiegħu dawn l-isfidi ngħelbu bis-sħiħ, biex illum il-Ġermanja hija forza ta’ stabilità Ewropea.

No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...