14.3.20

Lezzjonijiet tal-Istorja




1.     L-anzjani tal-Partit jgħidu li meta fl-1956 il-Gvern Laburista ta’ dak iż-żmien ried li jgħaddi r-referendum dwar l-Integration, kien qassam il-ġobon u l-butir.  Ir-riżultat kien li, teknikament, ġab maġġoranza ta’ dawk li vvutaw.  Iżda bejn dawk li obdew id-direttiva tal-Partit Nazzjonalista li ma jivvutawx u dawk li marru u vvutaw “le”, il-maġġoranza tal-“iva” ma kenitx konvinċenti għaliex kienet ta’ inqas minn ħamsin fil-mija tal-voti.  Storja antika, li fiha biss tagħlim.

Ħidmet George Borg Olivier

2.     Għalkemm kompla bin-negozjati mal-Gvern tar-Renju Unit biex iwettaq din l-għaqda, bil-mod il-mod beda jinduna li, kif kien qal George Borg Olivier, ma kienx jaqblilna.  Għax bl-Integration konna niġu li dejjem naqdu l-interessi tar-Renju Unit, għax aħna, bħall-Iskoċċiżi, l-Irlandiżi ta’ Fuq, in-nies ta’ Wales, konna nkunu dejjem f’minoranza.  Fi kliem ieħor Mintoff, bl-intelliġenza tiegħu kollha, spiċċa biex ġie fi kliem il-Kap Nazzjonalista.  Irreżista ħafna, imma ż-żmien bidillu fehemtu.

Break with Britain

3.     Tajjeb niftakru proprju llum, li fl-1957 beda jdawwar ir-rotta: għamel ir-riżoluzzjoni “Break with Britain”, li għaddiet mill-Parlament Malti unanimament, għaliex fl-għaqal politiku ta’ Borg Olivier, hu u sħabu ivvutaw favur.  Wara l-inkwiet tal-1958, u mbagħad is-sospensjoni tal-Kostituzzjoni, kellna nistennew sal-1964 biex tiġi l-Indipendenza bi Gvern Nazzjonalista.  Ir-referendum tal-1964 favur l-Indipendenza rebħuh in-Nazzjonalisti u n-nies kollha ta’ sens komun, u Borg Olivier ma kellu ebda ċejċa, la ta’ ġobon, la ta’ dqiq, kif lanqas tal-għasel jew ħalib, xi jqassam.  Kien irnexxielu jikkonvinċi anki lil ħafna li ma kienux miegħu, għax kellu raġun.  Għax ir-raġuni ma tridx forza, u anqas ma tista’ tinxtara.

Tajjeb li niftakru

4.     Tant għadda żmien, li nistħajjel lil min jistaqsini: x’inti taqla’?  L-istorja tagħtina xi lezzjonijiet.  Jekk ninsewhom, inkunu qegħdin nagħmlu att żbaljat lid-demokrazija tagħna.  Fl-1946, il-Perit Dom Mintoff kien fl-aqwa tiegħu u kellu, barra l-kelma qawwija li tqanqal il-pjazez, l-enerġija ta’ raġel ta’ erbgħin, u ħafna fatturi favur tiegħu.  Fosthom, li lill-Gvern Ingliż kienet togħġbu u taqbillu li l-Integration, li l-Gvern Amerikan kien għadu jqassam il-ġid tal-C.A.R.E. u li l-Oppożizzjoni kienet maqsuma, u spiċċat f’ħames partiti.

Ir-raġuni tirbaħ

5.     Mintoff ma kellux raġun.  Ma kellux raġun fis-sustanza, iżda kellu r-riħ fil-qala’.  Fil-kampanja kontra l-Integration, ir-riħ kien jonfoħ kontra n-Nazzjonalisti.  Mill-1958 ‘il quddiem, il-pajjiż bata taħwid u firda.  Dak li bdejna għaddejjin b’iktar saħħa minnu aħna wkoll f’dan iż-żmien.  Sakemm, fl-1962, il-Partit Nazzjonalista kiseb maġġoranza (relattiva), u beda jmexxi lejn l-Indipendenza.

Meta l-argumenti jixxuttaw

6.     Ma niskantawx li l-Gvern Laburista tallum, mimli b’kumplikazzjonijiet u f’dell politiku mill-iktar ikrah jerġa’, bħal dak ta’ qablu, jipprova jakkwista l-voti fl-elezzjonijiet li ġejjin, billi jqassam iċ-ċejċiet.  Mhux l-ewwel darba li l-Partit Laburista ma emminx fir-raġun.  Fil-mentalità ta’ xi wħud f’dak il-partit, lill-poplu trid tagħmih, u mhux tispjegalu u tikkonvinċih x’inhi l-aħjar triq.  Naturalment, huwa ħafna iktar diffiċli li tikkonvinċi meta ma jkollokx iċ-ċejċa xi tqassam, jew bżar xi troxx fuq il-kromp.  Mhux l-ewwel darba fl-istorja tiegħu li l-Partit Nazzjonalista kellu jistinka biex jikkonvinċi meta ħaddieħor, għall-kuntrarju, kellu lil min jgħinu, għax hekk kien jaqbillu.

Niddependu fuqna nfusna

7.     Illum ukoll: għandna r-raġun magħna.  Ma nixtrux voti, u ma naqtgħux qalbna meta naraw li xi wħud jinxtraw.  Nafdaw fis-sens komun u r-raġuni.  Naħdmu biex infehmu u nsostnu r-raġuni.  Dejjem emminna li s-sewwa jirbaħ, u li r-raġuni ma tridx forza.  Il-lezzjonijiet tal-istorja prezzjużi.  Ma nistriħux biss fuq li għadda: nimmiraw għal żmien aħjar, meta l-pajjiż jerġa’ jitmexxa bis-sewwa u bil-għaqal.  Fuq kollox, naħdmu sabiex fil-liġi jidħol il-proċess sabiex il-Gvern li jkun ser jispiċċa, ma jibqagħlux iktar id-dritt li jagħti l-pjaċiri, mill-iktar skandalużi, li rajnih iqassam fl-aħħar appuntamenti elettorali.  Ejja nieħdu l-lezzjonijiet tal-Istorja.






No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...