26.3.20

Forsi nibdew nifhmu.




1.     Forsi tul il-ġimgħa li ġejja ser ikollna l-poplu, kollu kemm huwa, li jifhem li s-sitwazzjoni hija waħda gravi u diffiċli.  Forsi tul din il-ġimgħa, dawk li għadhom ma fehmux biżżejjed, jidħlilhom kompletament f’rashom li għandhom jobdu d-direttivi mediċi u tal-Gvern li qegħdin jingħataw.  Hemm bżonn, neċessità assoluta li kull persuna fuq dawn il-gżejjer jifhem li dak li ser jagħmel, jew li għamel, għandu effett pożittiv jew negattiv fuqu u fuq l-oħrajn.  Din mhix marda normali.  Mhix influwenza li nieħdu u tgħaddi.  Hija ferm iktar.  Tattakka direttament il-ħajja ta’ dawk li huma l-iktar għal qalbna u tagħna.

Nifhmu sehem ħaddiema

2.     Forsi wkoll, tul din il-ġimgħa, nifhmu kompletament xi sforzi kbar u erojċi qegħdin isiru minn dawk li jaħdmu biex iżommu l-istat tas-saħħa tagħna kontrollat.  Id-diversi persuni li jinsabu fl-isptarijiet tagħna.  Dawk li qed jissugraw ħajjithom biex isalvaw tal-oħrajn, hemm bżonn li nifhmu biex napprezzawhom sew.  Fuqhom, aħna niddependu.  Fuqhom irridu noqogħdu għad-direzzjonijiet li jgħaddulna.  Huwa dmir nazzjonali ta’ dawk li jikkunsidraw ruħhom tal-kelma, li jġibu ruħhom, fil-ħaja ta’ kull ġurnata, kif jgħidulna.  Ma hemmx ċajt jew logħob fuq dan.

Nifhmu l-Forzi tal-Ordni

3.     Forsi wkoll nifhmu iktar kemm huwa determinanti li naħdmu flimkien u f’koperazzjoni mal-forzi tal-ordni.  Diversi membri qegħdin fuq quddiem, iwettqu huma wkoll atti altruwisti.  Iwettqu atti li jżommu, lil dawk li għadhom ma jridux jifhmu, f’posthom.  Min huwa fi kwarantina, għal raġunijiet varji, irid jifhem li għandu jobdi.  Kif joħroġ, u jxerred barra l-mikrobi, ikun qiegħed jaġixxi b’mod mill-iktar żbaljat u irresponsabbli.  Forsi ħafna li ddeċidew li għandhom huma liġi għalihom, jibdew jifhu li għandhom joqogħdu għal dik ta’ kull persuna oħra.

Napprezzaw ‘l-Ispiżjara u d-Diplomatiċi

4.     Forsi f’dan napprezzaw ukoll ħidmet diversi li mhix tidher jew tissemma, jum wara jum.  Hemm ħafna bnedmin li qegħdu ħajjithom għas-servizz tal-oħrajn.  Jew biex jgħinuhom, billi jixtrulhom jew biex iżommu s-servizzi essenzjali għaddejjin.  Forsi nifhmu kemm l-ispiżeriji ta’ pajjiżna huma determinanti.  Nifhmu aħjar ħidmet l-ispiżjara li tul dawn il-jiem li għaddew, u li ġejjin, qed iżommu servizz uniku għaddej.  Ħafna drabi f’ħinijiet twal u f’sogru kontinwu f’min imur u jattendi għandhom.  Forsi wkoll nibdew napprezzaw ukoll id-diversi diplomatiċi tagħna li baqgħu għaddejjin iservu fl-ambaxxati, konsolati u rappreżentanzi tagħna.  Persuni, li minkejja d-diffikultajiet li għandhom, iżolati f’dinja barranija, f’postijiet fejn is-servizz tas-saħħa mhuwiex bħal tagħna, li jibqgħu jagħtu s-servizz tagħhom.

Laudato Sì

5.     Forsi wkoll, tul din il-ġimgħa, nibdew nifhmu kemm hemm bżonn inbiddlu l-politika ekonomika tagħna.  Kemm hemm bżonn nagħtu iktar attenzjoni għal dak li ma nagħtux kasu.  Kemm irridu nkunu iktar attendi għall-ekosistema tagħna, kif kien fetħilna għajnejna Papa Franġisku ħames snin ilu, meta kien qal: “Biex nieħdu ħsieb l-ekosistemi hemm bżonn ta’ ħarsa li tmur lil hemm mill-immedjat, għax meta nfittxu biss il-profitt ekonomiku mgħaġġel u ħafif, ħadd ma jinteressah tassew fil-preservazzjoni tagħhom.  Imma l-prezz tal-ħsara li ssir minħabba fit-traskuraġni egoistika, fis-sewwa kollu hu bil-wisq ogħla mill-profitt ekonomiku li wieħed jista’ jaqla’.”

Forsi nifhmu fil-politika

6.     Forsi, tul din il-ġimgħa, nibdew nifhmu iktar li dan iż-żmien ser itul.  Mhuwiex ser jispiċċa malajr.  L-attivitajiet umani, iridu jieqfu magħhom dawk tal-ħidma ekonomika.  Huwa, fiż-żgur, li l-ekonomija kif nafuha ser tieħu daqqa ta’ ħarta.  F’dan nittama li aktar jifhmu li mhuwiex ser ikun hemm soluzzjonijiet ta’ malajr.  Forsi l-Gvern jifhem iktar kemm huwa vitali għall-pajjiż li jdaħħal lill-Oppożizzjoni fil-ħidma nazzjonali.  Forsi tul din il-ġimgħa nifhmu iktar li rridu nibdlu l-istituzzjonijiet fil-ħidma u l-aġenda tagħhom biex niddiskutu iktar dak li huwa għaddej, u kif nistgħu nkunu strumenti għas-sewwa ta’ dan il-poplu.  Nittama li nibdew nifhmu iktar x’qed niffaċċjaw, sabiex insibu soluzzjonijiet għal din l-isfida nazzjonali li qegħda thedded il-ħajja tagħna lkoll.



Lura ma’ Lazzru.




1.     Dan huwa mument ta’ prova kbira għal pajjiżna.  Mument diffiċli għall-poplu, li jipprova jħares saħħtu.  Kemm aħna preparati, għada pitgħada nsiru nafu.  Illum irridu nħarsu ‘l quddiem u nħarsu saħħitna u ta’ dawk li huma madwarna.  Ma nkunux kaġun għall-oħrajn.  Ngħinu lil dawk li huma l-iktar vulnerabbli.  Nassiguraw li l-proċeduri stabbiliti jiġu osservati.  Ħadd ma huwa aqwa minn ħaddieħor.  Il-mard jiġi fuq kull persuna.  Jista’ jgħaddi, u jista’ jibqa’ magħna.  Inħarsu ‘l quddiem, però b’fiduċja u tama.

Tul din il-ġimgħa

2.     Il-Ġimgħa, il-Papa Franġisku għalaq seba’ snin.  Għadda minn diversi mumenti diffiċli.  Imma żamm ‘il-Knisja Kattolika għaddejja.  Żammha rilevanti, attenta u ħajja.  Twieġeb għar-realtà, u fl-istess ħin tħares ‘il quddiem.  Jingħad x’jingħad, il-Kristjaneżmu jibqa’ ġdid.  Jibqa’ fonti ta’ għerf, ispirazzjoni u direzzjoni.  Għal dawk li jħarsu u jfittxu, jafu b’dan.  Tul din il-ġimgħa, u issa għal dak li ġej, bdejt insegwi l-quddies li l-Papa Franġisku qiegħed iqaddes mill-Vatikan.  Fis-7 ta’ filgħodu tibda, u jkun hemm riflessjoni qsajra tiegħu fuq il-qari tal-ġuranta, mimlija b’sens u sustanza.

Il-Ħamis li għadda

3.     Il-Ħamis, il-Vanġelu ħadna biex naqraw lura l-pożizzjoni tal-fqajjar Lazzru.  Kitbet San Luqa, l-osservatur attent u preċiż, tibda hekk: “Kien hemm raġel għani, jilbes il-porpra u għażel mill-ifjen; l-hena tiegħu kien li kuljum jagħmel ikla mill-aħjar.  U wieħed fqir jismu Lazzru, li kellu ġismu ġerħa waħda, kien imur jinxeħet ħdejn il-bieb ta’ daru, bix-xewqa li jixba b’dak li jaqa’ mill-mejda tal-għani.  Sa l-klieb kienu jmorru jilagħqu l-ġrieħi tiegħu.”  Sitwazzjoni li tmexxina biex nirriflettu.  Waħda li m’aħniex ‘il bogħod wisq minnha llum.

Kemm qed inħarsu?

4.     Kemm qed inħarsu madwarna sabiex nifhmu l-istat veru tas-soċjetà tagħna, għandi dubju.  F’dawn il-mumenti diffiċli, naħseb li ser ikollna nagħmlu dan.  Inħarsu, sabiex nifhmu iktar kemm għandna bnedmin magħna li huma abbanduanti.  Kemm għandna nies fis-solitudni, kemm persuni vulnerabbli, kemm dawk li m’għandhom biex jgħixu ser, forsi, insibu lura.  Ilna dawn is-snin naħarbu mir-realtà.  Naħarbu fejn ma narawx, u nidħku bina nfusna f’dak li huwa sewwasew għaddej.  Li għandna bnedmin li qegħdin ‘l isfel sew fl-iskala tal-ħajja.  Li m’għandhomx mezzi, anqas fejn jgħixu, u li jiddependu minn ħafna tikkiet madwarhom biex jeżistu.

X’forma ta’ stat għandna

5.     Irridu naċċettaw li bnejna Stat li fih hija l-ekonomija, u min għandu, li huma importanti.  Tlifna, u ħallejna warajna ħafna valuri umani.  Dak kollu li jagħmilna ħallejnih lura biex insiru dak li m’aħniex.  Diġà qed immissu mal-effetti tagħhom.  Diġà qed naraw fejn din il-kilba għall-flus qed twassalna.  Kemm qed ninjoraw lil dawk li għandna madwarna biex naqbdu linja politika liberali, li tħares biss lejn min għandu.  Li tiddisprezza lil min m’għandux flus.  Li tikkalkula ‘l-bniedem fil-linja ta’ kemm għamel suċċess billi għandu, u kemm jilbes il-porpra u għażel mill-ifjen. 

Mumenti ta’ riflessjoni

6.     Għall-jiem li ġejjin, waqt li ħafna ser ikunu kwarantina volontarja jew le, għandna forsi l-ħin nifhmu aħjar x’inhuwa importanti fil-ħajja.  Forsi nibdew nifhmu kif tlifna dak li għandna nerġgħu nġibu lura.  Nirbħu lura l-valur ta’ soċjetà li tħares u tqassam aħjar il-ġid komuni.  Waħda li tikkontrolla l-abbużi li qed iseħħu minn min tilef kull skruplu.  Waħda li tħares iktar il-ġustizzja soċjali fis-sewwa kontinwa ta’ proċess li ma jiqafx.  Proċess li jagħraf li rridu nibqgħu nfittxu li ngħinu lil min qiegħed l-iktar ‘l isfel.  Dan mhuwiex xi lussu, imma bżonn li jimmarka Ċiviltà vera minn dik li mhix.

Fejn qegħdin?

7.     Nittamaw li dan il-mument jgħaddi minn fuqna bl-inqas sofferenza għall-bnedmin.  L-ekonomija tista’ tistenna; ikollna żmien biex inħaddmuha lura.  Inħaddmuha aħjar.  B’iktar sens u għarfien ta’ dik li hija l-ħajja.  Il-valuri veri li jagħmluna Maltin u Għawdxin dejni ta’ dak l-isem.  Immorru lura ma’ Lazzru, biex nifhmu l-missjoni tagħna u naħdmu biex nibdlu dak li mhuwiex sewwa.  Nibdlu, sabiex pajjiżna jerġa’ jkun lura wieħed uniku.  Wieħed li jħares verament, u fis-sħiħ, lejn min qiegħed jistenna li jiekol minn dak li jaqa’ mill-mejda ta’ ħaddieħor.

Aħbar mill-isbaħ.




1.     Għall-bnedmin tal-ġenerazzjoni tiegħi, ngħid li f’ċertu sens trabbejna fil-linja tal-ħsieb li għalkemm konna viċin tal-Vatikan, ebda Papa ma kien ser jgħaddi għandna.  Imbagħad ġie l-1990 u smajna l-aħbar li ma konniex qed nistennew.  Il-Papa, illum il-Qaddis San Ġwann Pawlu II, iddeċieda li jiġi hawn fostna.  F’Mejju ta’ dik is-sena ġie dar it-toroq tagħna, u pajjiżna waqaf.  Waqaf jistenna, jisma’, u fuq kollox jifraħ ma’ dak il-bniedem straordinarju.

Pollakk u Tedesk

2.     Kellu jkun Papa Pollakk li fetaħ il-bieb.  Ġie darbtejn jarana.  Kull darba ħalla marka qawwija.  Diskorsi preċiżi, markati biex imexxu lejn is-sewwa, lejn il-verità, lejn l-għarfien sħiħ tal-messaġġ nisrani.  Messaġġ li jintilef jekk ma jkunx hemm min jagħti xiehda għalih.  Warajh ġie l-Papa Benedittu XVI.  Bniedem differenti – aktar akkademiku, imma huwa wkoll mimli b’messaġġi.  Kull diskors tagħhom it-tnejn jimmerita li jinqara mill-ġdid.  Jimmeritaw li nirriflettu fuq il-kontenut tagħhom.  X’qalu u x’riedu jgħidulna.  Xi smajna, u wara wettaqna.

Mhux Taljan

3.     Għal snin twal kellna Papiet Taljani.  Bnedmin mimlija huma wkoll b’ideat u ħsibijiet.  Waqt li naqraw iktar ħidmiethom, nifhmu iktar dak li wettqu u dak li ppreparaw.  Ideat, enċikliċi, messaġġi, ittri u direzzjoni li l-proċess tal-Konċilju Vatikan it-Tieni sarraf fi Knisja mġedda.  Dan huwa kollu għad-dispożizzjoni tagħna, jekk irrdu.  Nistgħu nidħlu f’iktar dettall.  Nistgħu niġbdu l-attenzjoni ta’ din is-soċjetà, anke jekk inkunu f’minoranza; forsi nemmnu iktar fina nfusna, li aħna nistgħu nkunu żerriegħa tal-mustarda.  Biss, il-fatt jibqa’ li għal raġuni jew oħra, ma rajnihomx viċin aktar tagħna fuq dawn il-gżejjer.  Forsi l-fidi tagħna kienet ikbar?

Aħbar sabiħa oħra

4.     Ċertament l-aħbar li l-Papa Franġisku ser jiġi f’viżta pastorali f’Mejju ta’ din is-sena hija mill-isbaħ.  Papa li għandu għeruq Taljani, imma li ġej mill-Arġentina.  Papa li huwa espost lejna b’termini u mezzi differenti ħafna.  Bniedem li tista’ ssegwih il-Ħadd waqt l-Angelus, imma wkoll fuq Facebook u Twitter.  Kull jum għandu messaġġ li jingħata fil-quddiesa f’Santa Marta.  Wieħed li ma jħarisx lejn diskorsi twal.  Anqas elaborati u “akkademiċi”, imma fil-qosor.  Fehem, iktar minn diversi, in-nuqqas ta’ paċenzja ta’ dinja li ma taqrax, anki jekk il-messaġġ ikun taħt għajnejha.  Veloċità fix-xejn, f’telf ta’ direzzjoni li hemm bżonn li tinstab.

X’ser jgħidilna?

5.     Diġà għandna numru ta’ “profeti” li qed jgħidulna x’ser jgħidilna l-Papa meta jiġi hawn.  Diġà hawn min jipprova jċekken, jew iqiegħed f’kaxxa partikolari, sabiex ma jkollux bżonn jisma’.  Iqegħda biss fid-dimensjoni unika.  Imma hemm bżonn li nisimgħu.  Għax dan huwa Papa li l-vuċi tiegħu hija diretta u rilevanti ħafna għad-dinja kumplikata tagħna.  Huwa, f’ħafna, parti mill-proċess li fih tikber fi kliemu.  Tifhmu aħjar.  Tħares iktar fil-fond lejn kliemu.  Forsi ma nagħrfux biżżejjed li huwa iktar aċċessibbli milli naħsbu.  Jekk infittxuh, insibuh.

Intervisti

6.     Jekk qabel kien hemm bżonn enċiklika, jew udjenza, jew xi diskors speċjali, Jorge Mario Bergoglio huwa miftuħ f’intervisti varji, fi priedki qosra, diretti.  Jum wara jum niskopri dejjem iktar.  Bħalma kelli dan f’intervista twila ma’ Dominique Wolton, fil-ktieb “The Path to Change”.  Wieħed li qiegħed naqra biċċa biċċa.  Fih minjiera sinjura oħra ta’ ideat.  Fosthom, diskors tiegħu tal-5 ta’ Novembru 2016, li laqatni l-iktar, fejn jgħid: “At our last meeting, in Bolivia, we listed three tasks essential for progressing towards a humane alternative to the globalisation of indifference: 1. Placing the economy at the services of the people; 2) Working for peace and justice; and 3) defending Mother Earth.”

Missjoni

7.  Il-missjoni f’pajjiżna tal-Papa hija waħda reliġjuża.  Hija waħda diretta biex twassal messaġġi varji sabiex il-bnedmin jimxu mingħajr biża’ lejn it-triq tas-sewwa.  Biss, ma niżbaljawx jekk aħna, bħala politiċi, nagħtu widen akbar.  Nispiraw u niggwidaw ruħna biex nippruaw inkunu strumenti għall-ġid tal-proxxmu tagħna.








24.3.20

UFFIĊĊJU TAL-AVUKAT ĠENERALI – ĠBIR TA’ FLUS GĦAD-DRITTIJIET U SPEJJEŻ DOVUTI


13393. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza u l-Governanza: B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 12871 jista' l-Ministru jindika kemm kien hemm arretrati pendenti sal-aħħar tas-sena li għaddiet f’drittijiet u spejjeż dovuti?

09/03/2020

  ONOR. EDWARD ZAMMIT LEWIS:  Ninsab infurmat li sal-aħħar tas-sena 2019 l-Uffiċju tal-Avukat Ġenerali kellu €244,157 fi drittijiet li jikkonsistu fi spejjez legali li dan l-Uffiċju irid jiġbor. 

Jekk bi spejjez dovuti, l-Onor interpellant qed jirreferi għal spejjez amministrattivi tal-uffiċju tal-Avukat Ġenerali, sal-aħħar tas-sena l-oħra dan l-uffiċju kellu €72,000 fi spejjeż dovuti li huma biss spejjeż amminstrattivi li jinkludu kirjiet ta’ uffiċini, spejjeż dovuti lill-Qorti u ħlasijiet ta’ servizzi ta’ security u tindif.

Seduta  312
18/03/2020


ATT DWAR IL-ĠUSTIZZJA RIPARATTIVA – TALBIET GĦALL-PAROLE

13392. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi: B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 12875 jista' l-Ministru jindika kemm persuni kkwalifikaw fit-talba tagħhom għall-parole u kemm raw it-talba tagħhom miċħuda u dan min meta ġiet fis-seħħ l-Att dwar il-Ġustizzja Riparatriċi sena b’sena?

09/03/2020

 ONOR. BYRON CAMILLERI: Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba minnu dwar kemm persuni kkwalifikaw fit-talba tagħhom għall-parole u kemm raw it-talba tagħhom miċħuda u dan minn meta ġiet fis-seħħ l-Att dwar il-Ġustizzja Riparatriċi sena b’sena, tinsab fit-tabella hawn taħt:



Sena                     persuni li kkwalifikaw fit-talba                    talba  miċħuda

2013                       13                                                                           37
2014                       20                                                                           52
2015                       24                                                                           47
2016                       19                                                                           57
2017                       19                                                                           28
2018                       18                                                                           28
2019                       21                                                                           37




Seduta  312
18/03/2020

ĠBIR MILL-ISPEJJEŻ PERITALI F’KAWŻI KRIMINALI


13391. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza u l-Governanza: B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 12873, jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm spejjeż peritali f’arretrati fl-aħħar tas-sena li għaddiet?

09/03/2020

  ONOR. EDWARD ZAMMIT LEWIS:  Ninsab infurmat li fil-Qorti ta’ Malta kien hemm pendenti l-ammont ta’ €314,640.03 f’arretrati ta’ spejjeż peritali f’kawżi kriminali sal-aħħar tas-sena 2019. Filwaqt li fil-Qorti ta’ Għawdex kien hemm pendenti l-ammont ta’ €4,681.03 f’arretrati ta’ ispejjeż peritali  f’kawzi kriminali sal-aħħar tas-sena 2019.

Seduta  312
18/03/2020


FAĊILITÀ KORRETTIVA TA’ KORDIN – PERSUNI LI ATTENDEW KORSIJIET AKKADEMIĊI


13390. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi: Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni ġewwa l-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin li attendew korsijiet akkademiċi jew li ngħataw il-permess li jattendu barra u jista’ jiġi indikat in-natura tas-suġġetti li ġew offruti jew studjati?

09/03/2020

 ONOR. BYRON CAMILLERI: Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li bejn l-2018 u sakemm qed tiġi mwieġba din il-mistoqsija hemm sitt persuni attendew korsijiet akkademiċi jew li ngħataw il-permess li attendu korsijiet ta’ studju barra. Il-korsijiet li attendew kienu kif ġej:

·      BComm fl-Università ta’ Malta
·      Advanced Diploma fl-Inġinerija – MCAST
·      Advanced Diploma Business and Administration – MCAST
·      Advanced Diploma in Sports (Development coaching and Fitness) - MCAST
·              Advanced Course in Horticulture – MCAST level 3

Seduta  312
18/03/2020


ŻONA TA’ KORDIN – FAĊILITAJIET SPORTIVI – IRRANĠAR TA’ BANKINI


13389. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Ekonomija, Investiment u Negozji Żgħar: Jista’ l-Ministru jara li fil-parti ta’ Kordin senjatament fejn hemm faċilitajiet sportivi varji, jiġu rranġati u msewwija d-diversi bankini, li tkissru għal numru ta’ drabi minn vetturi kbar u tqal u minħabba traskuraġni u trapass taż-żmien?

09/03/2020

ONOR. SILVIO SCHEMBRI: Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn verifiki li saru minn Malta Industrial Parks Ltd (MIPL) jirrizulta li ħafna mill-ħsarat li qed isiru referenza għalihom mhumiex f’propjetà tal-kumpanija u għaldaqstant ma tistax tagħmel interventi fuqhom.

L-MIPL ġieli ddiskutiet din is-sitwazzjoni mal-Awtoritajiet kompetenti, kemm bil-għan li jkun hemm l-infurzar neċessarju u kif ukoll biex tara kif tista’ tkun ta’ assistenza fiċ-ċirkostanzi. 

Fil-fatt, MIPL qed tevalwa l-possibilita’ ta’ investiment fi proġett ta’ trailer holding area biex tindirizza din is-sitwazzjoni mhux biss f’Kordin, imma wkoll f’żoni oħrajn.

Seduta  312
18/03/2020

MUŻEW MARITTIMU – ŻJARAT




13388. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid kemm persuni żaru l-Mużew Marittimu fil-Birgu tul is-sena 2019, kif ukoll xi spejjeż saru u xi dħul kien hemm mill-istess post?

09/03/2020

  ONOR. JOSÈ HERRERA:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru ta’ persuni li żaru l- Mu¿ew Marittimu fil-Birgu tul is-sena 2019 kien jammonta għal 21,459.

Id-dħul finanzjarju ammonta għal €63,335.66. Id-dħul finanzjarju huwa relatat ma gift shop sales u entrance fees.

L-iSpejjeż ġenerali fuq l-istess sit ammontaw għal €102,249.24. Dawn huma relatati ma’ manutenzjoni, telefonija, tindif, dawl u ilma, kirja tal-bini, stationery, saħħa u sigurtà u organizazzjoni ta’ attivatijiet oħra.

Seduta  312
18/03/2020

CORONAVIRUS – PROTEZZJONI GĦAD-DIPLOMATIĊI U IMPJEGATI FL-AMBAXXATI




13448. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej: Jista’ l-Ministru jgħid x’passi qed jittieħdu mill-Ministeru biex jiġu protetti d-diplomatiċi u impjegati li għandna fl-Ambaxxati u rappreżentanzi diplomatiċi quddiem l-isfida tal-pandemia preżenti tal-Coronavirus (COVID-19)?

12/03/2020

  ONOR. EVARIST BARTOLO: Il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej ħa l-passi li ġejjin sabiex jiġu protetti d-diplomatiċi u impjegati li għandna fl-Ambaxxati u rappreżentanzi diplomatiċi quddiem l-isfida tal-pandemia preżenti tal-Coronavirus (COVID-19):

1. Limitazzjoni tal-interazzjoni fiżika mal-pubbliku ġenerali:Il-missjonijiet ġew avżati biex jillimitaw l-interazzjoni fiżika mal-pubbliku ġenerali għal każijiet ta' emerġenza u biex jevvitaw li l-membri tal-pubbliku ġenerali li juru sintomi ta’ riħ, jew influwenza, milli jidħlu fil-bini tal-Missjoni. Is-servizzi mhux essenzjali li jeħtieġu prezenza fiżika, jistgħu jiġu posposti.

2. Telework: Id-Direttiva 13 tal-Uffiċċju tal-PPS ġiet ċirkolata lill-missjonijiet. Il-missjonijiet ġew mistiedna biex jikkonsidraw jaħdmu bit-telework. It-talbiet kollha għat-telework ġew milqugħa.

3. Prodotti Kimiċi għas-Sanità - oġġetti tas-sanità, pereżempju alkoħol rub għat-tindif tal-idejn, qed jinxtraw mill-missjonijiet bħala miżura preventiva.

4. Istruzzjonijiet tal-awtoritajiet lokali: il-missjonijiet ġew mistiedna biex jibqaw aġġornati u jsegwu l-istruzzjonijiet tal-awtoritajiet rilevanti fil-pajjiż fejn jinstabu.

5. Safar: Għalkemm is-Safar mhux rakkomandat, kull haddiem li jsiefer (għax-xogħol jew għar-raġunijiet personali) irid jinforma ‘l-Kap tal- Missjoni sabiex dan jiżgura li r-regolamenti lokali, pereżempju ta’ kwarantina, jiġu rispettati.

6. Laqgħat:Il-missjonijiet ġew avżati biex jevitaw li jattendu jew jagħmlu avvenimenti b'aktar minn ħames persuni, ħlief jekk assolutament neċċessarju.

Seduta  314
24/03/2020

ŻONA TA KORDIN - ŻIEDA FID-DAWL ĦDEJN IL-FAĊILITAJIET SPORTIVI


13401. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Enerġija u Immaniġġar tal-Ilma: Jista' l-Ministru jara li fiż-żona ta' Kordin senjatament fejn hemm faċilitajiet sportivi jiġi installat iktar dawl pubbliku, għax hemm nuqqas ta’dawl b’perikolu għat-tfal u l-familji li jiffrekwentaw il-post filgħaxija?

09/03/2020

 ONOR. MICHAEL FARRUGIA: Ninforma lill-Onor. Interpellant li ż-żona ta’ Kordin, fejn hemm faċilitajiet sportivi ma taqax taħt ir-responsabbilta tal-Enemalta.

Seduta  314
24/03/2020


HOME EQUITY RELEASE FOR PENSIONERS




13400. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Prim Ministru: Jista' l-Prim Ministru jindika liema ministeru huwa inkarigat biex jimplimenta 'l hekk imsejħa l-Home Equity Release for Pensioners?

09/03/2020

  ONOR. ROBERT ABELA:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru li huwa inkarigat, huwa dak tal-Finanzi u s-Servizzi Finanzjarji.

24/03/2020

ŻONA TA' KORDIN - FAĊILITAJIET SPORTIVI - IRRANĠAR TA' BANKINI


13399. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista' l-Ministru jara li fil-parti ta' Kordin senjatament fejn hemm faċilitajiet sportivi varji jiġu rranġati u msewwija d-diversi bankini li tkissru numru ta' drabi minn vetturi kbar u tqal, traskuraġni jew trapass taż-żmien?

09/03/2020

ONOR. JOSÈ HERRERA: Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Paola li skont l-Att 363 dwar il-Gvern Lokali, l-akwata ta' Kordin ma taqax fir-responsabiltá tal-Kunsill Lokali.

Seduta 313
23/03/2020


ĊENTRI TA' DETENZJONI - PERSUNI B'REATI TA' TEĦID JEW TRAFFIKAR TAD-DROGA


13398. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi: Jista' l-Ministru jindika jekk kienx hemm uffiċjali fiċ-Ċentri ta' Detenzjoni li kienu b’xi mod involuti f’reati marbuta ma' teħid jew traffikar ta' droga tul dawn l-aħħar disa' xhur?

09/03/2020


ONOR. BYRON CAMILLERI: Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ma kienx hemm uffiċjali li nstabu ħatja ta’ teħid jew traffikar ta’ droga. Iżda, kien hemm persuna li nstabet ħatja ta’ reati oħra u li kienet obbligata mill-Qorti li tibda u tkompli sa tmiemu programm ta’ riabilitazzjoni mill-vizzju ta’ droga.

Seduta 313
23/03/2020

ŻONA TA' KORDIN - FAĊILITAJIET SPORTI - RAPPORTI DWAR VETTURI ABBANDUNATI


 13397. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi: Jista' l-Ministru jara li jittieħdu l-passi neċessarji sabiex f’Kordin, senjatament fl-akkwati fejn hemm faċilitajiet sportivi jiġi assigurat li ma jkunx hemm vetturi abbandunati jew trailers li jimblukkaw il-faċilitajiet lit-tfal u l-ġenituri tagħhom? Jista' jiġi indikat kemm kien hemm rapporti dwar dan fl-Għassa tal-Pulizija tal-lokal?

09/03/2020

ONOR. BYRON CAMILLERI: Ninsab infurmat illi  dwar is-sitwazzjoni f’Kordin, kif elenkata mill-Onorevoli Interpellant, il-Pulizija tad-Distrett flimkien ma  Transport Malta,  qegħdin f’taħditiet sabiex jinstabu mezzi u jiġi kkontrollat kull imblokk fl-akkwati fejn hemm faċilitajiet sportivi bi trailers u/jew vetturi abbandunati, b’detriment għall-pubbliku inġenerali, inkluż tfal u ġenituri li jiffrekwentaw dawn il-faċilitajiet.

Seduta 313
23/03/2020


ĠURIJIET U APPELLI SUPERJURI MINN ĠURIJIET PENDENTI

 13396. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza u l-Governanza: Jista' l-Ministru jindika kemm kien hemm ġurijiet pendenti sal-aħħar tas-sena 2019 u kemm kien hemm Appelli Superjuri minn Ġurijiet sal-istess 2019?

09/03/2020

  ONOR. EDWARD ZAMMIT LEWIS:  Ninsab Infurmat li fil-Qorti ta' Malta kien hemm 79 ġuri pendenti sal-aħħar tas-sena 2019 u kien hemm 13il-apell superjuri pendenti sal-aħħar tas-sena 2019

Seduta  313
23/03/2020

UFFIĊĊJU TAL-AVUKAT TAL-ISTAT - ĦADDIEMA




13395. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza u l-Governanza: Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni jaħdmu mal-Uffiċċju tal-Avukat tal-Istat sal-aħħar tas-sena li għaddiet?

09/03/2020

  ONOR. EDWARD ZAMMIT LEWIS:  Ninsab infurmat li sal-aħħar tas-sena 2019 fl-Uffiċju tal-Avukat tal-Istat kien hemm 27 persuna jaħdmu. Dan l-ammont jinkludi 6 persuni li jaħdmu fil-Legislation Unit li jagħmel parti mill-Uffiċju tal-Avukat tal-Istat

Seduta  313
23/03/2020


UFFIĊĊJU TAL-AVUKAT ĠENERALI - ĦADDIEMA




13394. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza u l-Governanza: Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni jaħdmu mal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali sal-aħħar tas-sena li għaddiet?

09/03/2020

  ONOR. EDWARD ZAMMIT LEWIS:  Ninsab infurmat li sal-aħħar tas-sena 2019 fl-Ufficju tal-Avukat Ġenerali kien hemm 32 persuna jaħdmu

Seduta  313
23/03/2020

18.3.20

ARRETRATI PENDENTI TA’ MULTI





13387. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza u l-Governanza: Jista’ l-Ministru jindika kemm kien hemm arretrati pendenti ta’ multi (wara sentenzi penali) fl-aħħar tas-sena li għaddiet?

09/03/2020
  ONOR. EDWARD ZAMMIT LEWIS:  Ninsab infurmat li fil-Qorti ta’ Malta kien hemm €7,110,241.11 arretrati pendenti ta’ multi (wara sentenzi penali) sal-aħħar tas-sena 2019. 

Filwaqt li fil-Qorti tal-Magistrati ta’ Għawdex kien hemm €299,003.96 ( arretrati pendenti ta’ multi (wara sentenzi penali) sal-aħħar tas-sena 2019.

Seduta  311
17/03/2020


FAĊILITÀ KORRETTIVA TA’ KORDIN – DONAZZJONI TA’ KOTBA FIL-LIBRERIJA





13386. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi: Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew mixtrija jew ingħataw b’donazzjoni kotba lil-librerija li tinsab fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin?

09/03/2020



ONOR. BYRON CAMILLERI: Nitlob lill-Onor. Interpellant jindika għal-liema perjodu qiegħed jirreferi.

Seduta 311
17/03/2020

PRIM AWLA TAL-QORTI ĊIVILI U L-QORTI TAL-MAĠISTRATI – MANDATI TA’ QBID

 13385. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza u l-Governanza: Jista’ l-Ministru jindika kemm ġew ippreżentati mandati ta’ qbid fil-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili u l-Qorti tal-Maġistrati f’Malta u Għawdex tul is-sena 2019?

09/03/2020

  ONOR. EDWARD ZAMMIT LEWIS:  Ninsab infurmat li matul is-sena 2019, 57 Mandat ta’ Qbid ġew ippreżentati fil-Prim’ Awla tal-Qorti Ċivili li minnhom 39 kienu Manadati Kawtelatorji u 18 Mandati Ezekuttivi, filwaqt li 111-il Mandat ta’ Qbid ġew ippreżentati fil-Qorti tal-Maġistrati (Malta) – 37 Mandat Kawtelaktorju u 74 Mandat Ezekuttiv.

Kien hemm ukoll 3 Mandati Kawtelatorji ta’ Qbid ipprezentati fil-Qorti Civili (Sezzjoni tal-Familja).

Matul is-sena 2019, 4 Mandati ta’ Qbid ġew ippreżentati fil-Qorti tal-Maġistrati, Għawdex, Ġurisdizzjoni Superjuri, li kollha kienu kawtelatorji; filwaqt li 12-il Mandat ta’ Qbid ġew ippreżentati fil-Qorti tal-Maġistrati (Għawdex), Ġurisdizzjoni Inferjuri. Minn dawn tal-aħħar 8 kienu eżekuttivi u 4 kienu kawtelatorji.

Kien hemm ukoll 2 Mandati ta’ Qbid ippreżentati fil-Qorti tal-Maġistrati Għawdex, Ġurisdizzjoni Superjuri, (Sezzjoni tal-Familja), li t-tnejn kienu kawtelatorji,

Seduta  311
17/03/2020

GĦAJNUNA SOĊJALI - PERSUNI






13384. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali: Jista’ l-Ministru jindika kemm kien hemm persuni li kienu qed jirċievu l-Għajnuna Soċjali fl-aħħar tas-sena li għaddiet? Jista’ jindika s-sess tagħhom u kemm kien hemm applikanti ġodda?

09/03/2020

ONOR. MICHAEL FALZON: Ninforma lill-Onor. Interpellant li, n-numru ta’ benefiċċjarji tad-diversi tipi ta’ Għajnuna Soċjali, fl-aħħar tas-sena 2019, maqsumin bejn nisa u rġiel, kien kif indikat fit-tabella t’hawn taħt:
Benefiċċji
Irġiel
Nisa
Total
DAD - Drug Addict Dependence
21
1
22
SA - Għajnuna Soċjali
1,107
2,964
4,071
SUP - Għajnuna Soċjali għal ġenitur singlu
31
2,212
2,243
SUA - Għajnuna għal Diżimpjieg sussidjarja
676
103
779
UA - Għajnuna għal diżimpjieg
472
136
608
Total
2,307
5,416
7,723

In-numru ta` applikazzjonijiet ġodda li daħlu fl-2019 kienu kif indikat fit-tabella t’hawn taħt:

DAD
Drug addict Dependence
SA
Għajnuna Socjali
SUP
Għajnuna Soċjali għal ġenitur singlu
SUA
Għajnuna għal diżimpjieg sussidjarja
UA
Għajnuna għal diżimpjieg
Total
40
543
246
201
402

Mhux l-applikazzjonijiet kollha ġodda li daħlu fl-2019, li qed issir referenza għalihom fit-tabella t’hawn fuq, ġew aċċettati.

Seduta 311
17/03/2020

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...