12.11.19

Il-messaġġ tagħna.




1.     Il-Partit, kull partit, imma tagħna b’mod partikolari, għandu bżonn strumenti, għodda effettivi sabiex iwassal il-messaġġ politiku tiegħu.  Il-ħidma politika ssir b’diversi mezzi, imma dak li l-iktar huwa effettiv huwa dak tat-tixrid tal-ideat.  Jekk qegħdin fil-politika, qegħdin hemm għax għandna viżjoni ta’ kif, u lejn fejn is-soċjetà għandha tikber u tavvanza.  L-ideat politiċi ma jitwieldux millum għal għada, imma jimxu biċċa biċċa.  Jiżviluppaw, jevolvu, jiġu mirquma, sabiex ikunu verament effettivi.  Effettivi fuq żewġ livelli li aħna ma nisseparawx.

Il-viżjoni

2.     L-ideat tagħna jwassluna sabiex jikkonvinċu lill-elettorat tagħna.  Iwassluna sabiex inġibu iktar bnedmin jaqblu ma’ dak li qed ngħidu.  Hawn, fis-sustanza, nistgħu noħorġu bil-ġdid, inkella nsegwu dak li jingħad.  It-tnejn fihom rilevanza: tista’ tibni fuqhom it-tnejn.  Biss, trid toqgħod attent li ma tinħakimx li tgħid dak li jgħidulek, mingħajr ma jkollok l-ideat tiegħek.  Dak li jingħad lill-politiku jrid jiġi mgħarbel u mqiegħed fil-kuntest sħiħ tiegħu.  Ser ikun effettiv, ser iġib ġustizzja, ser iġib tkattir fis-sewwa jew ser ikun għodda ta’ klassi kontra l-interessi ta’ oħra?

Kif twettaq

3.     Hemm il-qabża l-oħra li tul dawn l-aħħar żewġ leġislaturi nifhmu ferm iktar.  Dak li ngħidu jew għax nemmnu fih, jew għax ħaddieħor għandu dan irid, jekk irridu nwettqu politika tajba, jissarraf fil-konkret.  L-ideat li huma neċessarji jitolbu l-pass li jmiss: dak li nifhmu kif dawn ser jinġiebu fis-seħħ.  Hemm, ċertament, qabżiet bejn meta tkun fl-Oppożizzjoni u tidħol għar-responsabbiltà tal-poter.  Għax ser ikun hemm sitwazzjonijiet fejn min-naħa taħseb li tista’ twettaq, mentri wara ssib li kellek tort.  Imma, indipendentement minn dan, xorta għandna fuqna d-dmir li naraw, neżaminaw, niddiskutu sabiex dak li qed naħsbu li huwa ta’ ġid komuni jkollna kif ser inwettquh.

Road maps

4.     Ħaddieħor għadda minn dan, u sab soluzzjoni faċli: dik li ħoloq il-kliem “road-maps”, u allura rnexxielu jibgħat barra li huwa ġdid, frisk, mimli ideat ġodda ta’ kif ser iwettaq.  Illum nafu li dan ma kienx il-każ.  Hemm ħafna diskors li ngħad qabel l-2013 li ma ġiex fis-seħħ.  Ħafna kliem li bih l-elettorat iddeċieda li jafda lil dan il-Gvern fir-responsabbiltà politika.  M’għandniex naqgħu fl-istess nassa, u anqas għandna nwettqu dan fil-konfront tal-poplu.  Irridu ngħidu biċ-ċar kif, u sa fejn ser naslu biex jinbidlu l-pożizzjonijiet li qegħdin iġibu inġustizzji soċjali u tmexxija żbaljata tal-poter.

Il-linja tagħna

5.     Il-linja tagħna għalhekk tiġi.  Kif jidher ċar, anzi bdiet tinbena sabiex dak li qed ngħidu jkun jista’ jitwettaq.  Jitwettaq dak li bih nistgħu navvanzaw ‘il quddiem lill-poplu tagħna.  B’attenzjoni, b’moderazzjoni billi naqbdu l-linja taċ-ċentru politiku.  Għandna bżonn nifhmu f’dan iktar ‘l-elettorat tagħna u Malti.  Nifhmu li hemm ideat, bżonnijiet, inizjattivi li rridu nibdlu u nittrasformaw fi programmi politiċi tajbin.  Dan jista’ jsir iktar għax dak li qed jinbena jitlob li l-politika ssir minn isfel għal fuq, u mhux il-kontra.  Id-djalogu, id-diskussjonijiet, it-tixrid tal-ideat huma għalhekk għodda essenzjali sabiex naslu f’din il-mira.  Dan joħroġ iktar ċar fil-messaġġ li l-Kap tal-Partit, Dr Adrian delia, jrid li jseħħ.

Inxerrdu l-ideat tagħna

6.     F’dan, il-Partit jimxi ferm iktar ‘il quddiem jekk aħna nxerrdu l-ideat tagħna.  Jekk il-gazzetti tagħna jinxtraw iktar.  Jekk il-mezzi tat-teknoloġija moderna tagħna jaslu għand iktar nies.  Jekk nużaw il-mezzi soċjali għal dan ukoll.  Dan ikun ifisser li qed naslu fl-irkejjen tas-soċjetà sħiħa tagħna.  Il-politika ssir prinċipalment mit-tixrid tal-ideat.  Jekk wieħed jikteb dak li jaħseb u jippubblikah ikun qiegħed jaqsam mal-oħrajn, imma iktar minn hekk jifhem jekk dak li għandu f’rasu jistax iseħħ.  Jifhem iktar li l-poplu, wara li jaqrah, ser jgħidlu x’jaħseb u x’ma jaħsibx.  Ser jurih jekk jaqbilx jew le.  Ser jurih fejn jista’ jimxi iktar ‘il quddiem.

L-appell tiegħi

7.     Kull nhar ta’ Ħadd, u kemm nista’, jidhru l-artikoli li nikteb.  Dan inwettqu għal diversi raġunijiet.  Biss, inħossu li huwa proċess importanti għalija li tul din it-triq inżomm moħħi miftuħ għal ideat ġodda, differenti, u anzi, analiżi ta’ dak kollu li jkun għaddej.  Inħajjar, u nibqa’ f’dan inħajjar oħrajn biex jidħlu f’din il-linja.  Tmexxik ‘il quddiem u miegħek ikollok diversi oħra.  Imma, iktar minn hekk, għax huwa importanti li nħajru lill-poplu jipparteċipa fi ħdan il-linja politika tagħna.  Inħajru lil dawk li joqogħdu jaraw li jidħlu u jitkellmu.  Dan għax l-esperjenza turi li l-politika t-tajba ssir b’dan kollu.  Dan għax fi ħdan il-Partit Nazzjonalista hemm dejjem iktar bnedmin ta’ rieda tajba li jridu jwettqu s-sewwa lil dan il-pajjiż.







No comments:

UNJONI EWROPEA U L-KUNSILL TAL-EWROPA - LAQGĦAT

22088. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI   staqsa lill- Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ: Jista...