26.11.19

Mumenti ta’ prova


 1.     Il-pajjiż tagħna għaddej minn mument diffiċli.  Dak li rajna għaddej quddiemna f’dawn l-aħħar jiem jitkellem waħdu.  Kif iseħħ f’dan, il-bnedmin f’dawn il-gżejjer jieqfu jistennew.  Jieqfu jaraw u jirriflettu fuq kollox.  Hawn inkwiet mas-saqajn.  L-attivitajiet soċjali qegħdin, biċċa biċċa, jnaqqsu mir-ritmu tagħhom.  Fir-realtà, dak li konna ilna nisimgħu snin u ftit tawh piż.  Dak li diversi kienu qed jistaqsu dwaru issa ġie fuqna lkoll.

Min għandu r-responsabbiltà

2.     Il-piż ta’ din ir-responsabbiltà hija deċiżament fuq il-partit fil-Gvern.  Hija t-tmexxija tiegħu li għamlet numru sew ta’ kompromessi mal-verità, mas-sewwa, li ġiebet din is-sitwazzjoni.  Hija wkoll in-nuqqas ta’ ħeġġa u determinazzjoni sabiex jittieħdu l-passi legali u neċessarji sabiex l-iktar delitti politiku faħxi, wieħed jipprova jsolvih.  F’pika żbaljata mal-Oppożizzjoni, il-Kabinett Laburista ddeċieda sabiex jinjora dak li kien qiegħed jiġi mitlub.  Ħassu iktar kunfidenti jiddependi fuq il-messaġġi ta’ propaganda tiegħu, milli fuq il-pedamenti ta’ dejjem: il-fatti, il-verità.

Hemm stat ta’ fatt

3.     Issa wasalna f’punt fejn xejn ma jista’ jmur lura.  X’imkien ser naraw pożizzjoni li ser ikollha ċċedi.  Iktar u iktar meta kellna numru ta’ passi li wasslu lil diversi li indipendentement mis-simpatija, jew nuqqas tagħha, bdew jiddubitaw sew mit-tmexxija tal-pajjiż.  Hemm rabtiet li n-nies jaraw fil-gazzetti u fl-aħbarijiet bejn politiċi u negozjanti.  Hemm involvimenti ta’ politiċi li daħlu fin-negozju fil-poter tal-Gvern.  Hemm iktar minn dan – li aħna pajjiż żgħir, u n-nies jafu lin-nies.  Il-pajjiż żgħir tagħna jagħti iktar informazzjoni u fatti milli ħaddieħor jaħseb.

Ġieb lilu nnifsu

4.     Din il-kantuniera politika daħal fiha l-Gvern.  Ilu jaħrab biex ma jwettaqx dak li kellu qabel.  Ilu jdur naħa jew oħra, u issa sab li għandu għoqda fil-pettne.  Jew jaqtagħha, inkella jibqa’ mdendel għaddej biha.  Tibqa’, kif diġà hija, evidenti f’rasu, imur fejn imur.  Imma dak li daħal għalih ħadd ma jista’ jgħinu sabiex joħroġ minnu.  Irid isolvi huwa stess il-problemi li daħal għalihom.  Dawn huma kumplikazzjonijiet li ma ġewx fuq ħoġru, imma kien huwa, dan il-Gvern stess li daħal għalihom, għax ma ħax id-deċiżjonijiet li kellu jieħu qabel.

Triq demokratika

5.     F’dan, anke jekk hemm rabja li nġabret f’dan il-proċess ta’ ċaħda, xorta waħda l-fiduċja tagħna tibqa’ waħda demokratika.  Tibqa’ waħda bażata fuq il-fatti.  Waħda bażata fuq ir-raġuni u l-persważjoni.  Fid-demokrazija ma hemmx spazju, la għal xi forma ta’ forza, u wisq anqas għall-vjolenza.  Dak li għandna ngħidu, ngħiduh.  Ngħiduh b’intelliġenza, b’attenzjoni, bil-kalma u fid-direzzjoni li rridu naraw li l-problemi li għandna jiġu determinati.  Infakkar li r-raġuni ma tridx forza, u li fil-passat tagħna hija baqgħet il-linja gwida li wasslet sabiex isiru tibdiliet progressivi.

Fil-Kamra tad-Deputati

6.     F’dan, il-Kamra tad-Deputati qed issir dejjem iktar il-lok fejn id-dibattitu politiku qiegħed iqum u jiġi stabbilit.  Hemm diversi pożizzjonijiet u mozzjoni li l-Gvern qiegħed isib ruħu konfrontat bihom, li preżentement qiegħed jaħrab, daqqa għal raġuni u daqqa għal oħra.  Imma iktar ma jgħaddi ż-żmien, iktar jiżdiedu, u mhux jonqsu, il-kumplikazzjonijiet.  L-Oppożizzjoni għandha tkompli timxi fil-linja li qabdet.  Għandha tkompli tmexxi ‘l-quddiem l-aġenda nazzjonali sabiex il-verità toħroġ, u dak li ilu biex isir jiġi, finalment, fi tmiemu.  Hawn huwa l-post tar-raġuni.  Hawn huwa l-post tal-persważjoni.  Hawn huwa l-post li, għal darb’oħra, il-pajjiż ser idur isegwih biex jifhem aħjar dak li għaddej.

Mument determinanti

7.     Bħal ma huwa mument ta’ prova għall-Gvern huwa wkoll, fi gradi inqas, għalina.  Dak li qed nagħmlu jrid jibqa’ fil-linja ċara, li ma nippermettux li nibdlu, jew naqilbu, l-argument.  Hemm bżonn iktar attenzjoni, umiltà u koordinazzjoni ma’ dak li qed iwettaq il-Partit.  Ħadd, infakkar, ma huwa partit waħdu.  Huwa hekk għax huwa ma’ oħrajn f’daqqa.  Ikollu xi jkollu ideat, irid jara jekk hemmx qbil ġenerali, u mhux partikolari.  Il-forza tal-argument tal-Partit jiddependi minn dan ukoll.  Il-pożizzjoni għandha tibqa’ marbuta mas-soluzzjoni ta’ dawn il-problemi.  Għandna nibqgħu ffukati kemm nistgħu fuqhom.  Dan għax huwa ċar li qed iżommu lura lill-pajjiż milli jimxi ‘l quddiem.

Il-linja hija ċara

8.     Għalhekk, il-linja hija ċara.  Id-direzzjoni tal-Kap tal-Partit, f’dan kollu, hija f’dik tas-sewwa.  Hija f’dik tal-għaqal politiku, li titlob li nżommu ruħna mar-raġuni.  Għax f’dan il-mument ta’ prova rridu nibqgħu niftakru li r-raġuni ma tridx forza, għax hija fiha nnifisha l-forza li twassal għas-sewwa.

No comments:

UNJONI EWROPEA U L-KUNSILL TAL-EWROPA - LAQGĦAT

22088. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI   staqsa lill- Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ: Jista...