26.11.19

Ġara dak li ħadd ma ħaseb




1.   Għal diversi bħali, li twelidna u trabbejna fid-dell tal-Ħajt ta’ Berlin.  Tlajna naħsbu f’dinja maqsuma.  Dinja Ewropea maqsuma.  Dinja ta’ ideat politiċi differenti, id-demokrazija, id-dittatura, il-libertà u t-tirannija.  Il-viżjoni politika tal-punent u dik tar-Russja Sovjetika.  Konna nifhmu dak li għaddej.  Kellna wkoll appartenenza ċara, ta’ ideat, ta’ kultura, ta’ impostazzjoni u struttura tal-Istat.  Kellna wkoll, fuq kollox, il-biża’ li ser iseħħ dak li ma seħħx, imma li f’dak iż-żmien konna nifhmu li seta’: gwerra nukleari li teqred kollox.

Nukleari

2.   Ħafna kienu jagħrfu li din il-pożizzjoni kienet tfisser ebda viżjoni, ebda tama lejn il-futur.  Biss, ħafna bħali kienu konvinti li xorta dmirhom huwa li jaħdmu għas-sewwa.  Jaħdmu sabiex, kemm jista’ jkun, din it-traġedja ma sseħħx.  Trid tkun hemm biex tifhem aħjar dak li qed ngħid.  Bħalma trid tmiss b’idejk il-Ħajt ta’ Berlin biex tifhem iktar xi jfisser.  Il-politika tal-Partit Nazzjonalista kienet dejjem ċara: li hija favur l-Ewropa ħielsa.  Ħaddieħor daħal iltaqa’ u ma ddejjaqx jiġi assoċjat ma’ diversi mexxejja komunisti ta’ dak iż-żmien.  Kien hawn ġlieda ta’ ideat f’pajjiżna fuq dan.  Bil-Partit Laburista ta’ dak iż-żmien jgħid u jirrakkomanda stil ta’ ħajja “soċjalista” f’dak li kienu jiddikjaraw li saret “rivoluzzjoni silenzjuża” magħna.

Dorna fil-każini

3.   Konna dorna kważi l-każini tal-Partit fil-gżejjer tagħna b’messaġġ dwar dan.  Kellna għad-dispożizzjoni tagħna film qasir li kont nissellef mill-Ambaxxata Amerikana.  Ma kellux kliem kumplikat.  Kien biss immaġini ta’ kif il-Ħajt inbena.  Kemm nies ħarbu jew tilfu ħajjithom jaħirbu.  Kemm djar sabu ruħhom filli naħa u filli oħra.  Niftakar li meta konna nerġgħu nixegħlu s-sala lura għad-dawl, l-uċuħ ta’ diversi.  L-uċuħ ta’ dawk li kienu semgħu, imma ma rawx, u anqas fehmu s-separazzjoni bejn il-libertà u t-tirannija kemm kienet netta.

Tletin sena ilu

4.   Illum infakkru t-tletin anniversarju mill-waqa’ ta’ dan il-Ħajt.  Infakkru li dak li għaddiet minnu l-Ewropa, issa spiċċa.  Ix-xenarju nbidel.  Dawk li kienu maħkuma mill-komuniżmu Sovjetiku qed jgħixu fid-demokrazija.  Mhux biss, anzi diversi Stati saru issa parti mill-Unjoni Ewropea, u oħrajn għandna nassiguraw li jsiru parti minnha iktar ‘il quddiem.  Il-Ħajt waqa’ meta ħadd ma kien jipprevedi.  Imma waqa’ għax iż-żmien kien sar.  Iż-żmien kien renda fix-xejn il-viżjoni totalitarja tal-Istat.  Kien hemm proċess li fih il-bnedmin fehmu li wasal il-mument tal-bidla għalihom ukoll.  Riedu f’qalbhom il-libertà u d-demokrazija.

San Ġwanni Pawlu II

5.   Kien proprju l-messaġġ li ħareġ mill-fatt li Kardinal Pollakk laħaq Papa.  Kien dan il-mument storiku li biddel ħafna.  Dak li kien jidher impossibbli sar issa possibbli.  Tkellem u mar fil-Polonja jiġbed il-folol, iwassal messaġġ li ħadd ma seta’ jiċħad.  Kien il-bniedem li influwenza lill-oħrajn.  Kien dak li ċaqlaq ‘l-popli u ‘l-politiċi. Ir-riħ tal-bidla lejn is-sewwa kaxkar kollox.  Niftakruh dan kollu.  Niftakruh iseħħ quddiemna.  Kien iktar u iktar “loġiku” li, kif waqa’ l-Ħajt, waqgħu miegħu l-ħakmiet l-oħra.

Niċċelebraw

6.   Għaxar snin ilu kelli x-xorti unika li nkun Berlin fiċ-ċelebrazzjonijiet tal-għoxrin sena.  Hemm iltqajt ma’ diversi protagonisti.  Kien hemm atmosfera differenti.  Dawk li qabel kienu avversarji, rajthom jieħdu b’idejn xulxin u jifirħu li kienu, bil-parti rispettiva tagħhom, wasslu għall-bidla.  Illum, id-dinja fiha l-isfidi ġodda tagħha, imma ċertament għandna għalfejn niċċelebraw.  Nifirħu li qed ngħixu f’art li hija parti mil-libertà u d-demokrazija, u mhux f’dik tad-dittatura li ħaddieħor kien imħajjar jeħodna fiha.




No comments:

UNJONI EWROPEA U L-KUNSILL TAL-EWROPA - LAQGĦAT

22088. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI   staqsa lill- Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ: Jista...