10317. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Affarijiet Barranin u
Promozzjoni tal-Kummerċ: Jista’ l-Ministru jgħid x’inizjattivi ttieħdu minn
Trade Malta tul din is-sena?
30/05/2019
ONOR. CARMELO ABELA: Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-inizjattivi li ttieħdu minn
TradeMalta minn Jannar sa Mejju ta’ din is-sena kienu dawn:
1. Implimentat il-‘Go Global’ li
hu taħriġ dwar l-esportazzjoni mifrux fuq għaxar ġimgħat bejn Jannar u Marzu,
b’kollaborazzjoni mal-Universita’ ta' Malta u ma’ bank ewlieni.
2. TradeMalta akkumpanjat lill-Prim
Ministru b’delegazzjoni ta’ kummerċ lejn Gujarat, l-Indja, bejn il-15 u l-20
ta’ Jannar.
3. F’Jannar ukoll, TradeMalta,
flimkien mal-Kamra tal-Kummerċ, tellgħet delegazzjoni ta’ kummerċ lejn Istanbul
waqt iż-żjara statali fit-Turkija tal-President Emeritus l-E.T. Marie Louise
Coleiro Preca, fil-prezenza tiegħi bħala Ministru responsabbli mill-Promozzjoni
tal-Kummerċ.
4. Fl-istess xahar ukoll,
TradeMalta akkumpanjat lill-President Emeritus fuq żjara istituzzjonali ġewwa
l-Iżrael u l-Palestina.
5. Business Seminar fit-28
ta’ Frar dwar l-esportazzjoni ta’ prodotti ta’ ikel u xorb, kif ukoll ħejjiet
sessjoni ta’ informazzjoni fit-18 ta’ Marzu dwar it-Tieni Esebizzjoni ta’
Importazzjoni fiċ-Ċina (Second China Import Expo), flimkien mal-Kamra
tal-Kummerċ.
6. TradeMalta kkumplimentat
iż-żjara statali tal-President Ganiż f’Malta waqt il-Malta-Ghana Business
Forum fl-26 ta’ Marzu fejn tħejjew ukoll numru ta’ B2Bs bejn
intrapriżi Maltin u dawk Ganiżi.
7. TradeMalta ħadet sehem
f’delegazzjoni ta’ kummerċ lejn Seoul u Singapore bejn it-2 u l-10 ta’ April.
8. TradeMalta ħadmet mal-Ambaxxata
Maltija f’Ruma biex intrapriżi Maltin jattendu taħriġ speċjalizzat fuq
opportunitajiet ta' kummerċ man-Nazzjonijiet Magħquda fis-16 ta’ Mejju.
9. F’Mejju
wkoll, fuq stedina tal-Gvern Etijopjan, il-Kap Eżekuttiv ta’ TradeMalta
akkumpanja lill-Ambaxxatur Malti għall-Etijopja, l-E.T. Ronald Micallef,
sal-Etijopja fuq żjara esplorattiva.
Seduta 234
10/06/2019
No comments:
Post a Comment