21.6.19

ĦAL TARXIEN – TRIQ IŻ-ŻEJTUN - TLESTIJA




10332. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali: Jista’ l-Ministru jgħid meta se tkun lesta u kemm se tiġi tiswa Triq iż-Żejtun, Ħal Tarxien?

30/05/2019

  ONOR. IAN BORG:  Ninnota b’sodisfazzjon li l-Oppożizzjoni qed tkompli tirrealizza l-bżonn li ninvestu bi sħiħ fit-titjib tat-toroq, wara li għal għexieren ta’ snin ma sarux l-interventi meħtieġa biex din l-infrastruttura tibqa’ tlaħħaq mal-ħtieġijiet u l-aspirazzjonijiet tal-familji u n-negozji Maltin, waqt li ssostni b’mod sħiħ il-progress ekonomiku u soċjali tal-pajjiż. Ninnutaw ukoll li l-istess Oppożizzjoni, inqas minn sena ilu, ivvutat kontra t-twaqqif ta’ Infrastructure Malta. Nifirħu lill-Oppożizzjoni li issa mhux biss qed taqbel mat-twaqqif ta’ Infrastructure Malta, iżda saħansitra qed tieħu interess fil-ħidma tagħha u taqbel li din l-aġenzija hija strumentali biex pajjiżna jkollu infrastruttura aħjar.

Il-Gvern dejjem poġġa t-titjib fl-infrastruttura ta’ pajjiżna fuq quddiem nett tal-ħidma tiegħu. Dan l-impenn qed jitwettaq permezz ta’ pjan ta’ ħidma b’investiment bla preċedent biex fis-snin li ġejjin inkomplu ntejbu l-kwalità, l-effiċjenza u s-sigurtà tal-infrastruttura tat-toroq f’Malta u Għawdex. Dan il-pjan qed jiġi mwettaq b’mod gradwali, iżda mingħajr telf ta’ ħin, sabiex nilħqu din il-mira mill-aktar fis.

F’Jannar li għadda, Infrastructure Malta bdiet tibni mill-ġdid 31 minn fost l-ewwel 120 mil-lista tat-toroq residenzjali li ser tkun qed tibni mill-ġdid din is-sena. Ħafna minn dawn it-toroq diġà tlestew jew waslu fl-aħħar xogħlijiet, u warajhom beda x-xogħol f’toroq oħrajn. Fl-istess waqt, tħabbret ukoll it-tieni sejħa għall-offerti sabiex aktar tard din is-sena jibda l-bini mill-ġdid ta’ madwar 170 triq oħra.

Triq iż-Żejtun f’Ħal Tarxien kienet inkluża fl-ewwel kuntratt b’valur totali ta’ €53.5 miljun iffinanzjati mill-investiment ta’ €700 miljun. Filwaqt li x-xogħol f’din it-triq għadu għaddej u diġà tlestew is-servizzi li hemm taħt l-art, bħal f’kull każ Infrastructure Malta qed tesiġi li l-kuntrattur iwettaq ix-xogħol mitlub fil-ħin u skont l-istandards stabbiliti ta’ kwalità u sigurtà. B’hekk jiġi żgurat li x-xogħlijiet fit-toroq residenzjali jsiru fl-inqas żmien possibbli, mingħajr ma jkunu kompromessi l-kwalità u s-sigurtà. Fejn ikun hemm dewmien mhux ġustifikat il-kuntratturi qed jiġu mmultati u meta x-xogħlijiet ma jilħqux il-livelli ta’ kwalità rikjesta, l-aġenzija qed iġġiegħel lill-kuntratturi jerġgħu jagħmlu x-xogħol mill-ġdid bi spejjeż tagħhom.
Fil-lokalità ta’ Ħal Tarxien hemm ukoll Triq is-Sorijiet fil-lista tal-ewwel 120 triq residenzjali li se jinbnew mill-ġdid din is-sena, waqt li Triq Santa Marija diġà tlestiet. Fit-tieni lista mbagħad hemm toroq oħrajn f’Ħal Tarxien - Triq Marjanu Gerada, Triq it-Tempji Neolitiċi u Triq Paola.

Seduta  237
17/06/2019


No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...