30.6.19

Għażiż Mikiel




1.   Nammetti li ddispjaċieni ferm bl-aħbar tal-mewt ta’ Michael Bonnici.  Kien ħabib li nikkosidrah tal-qalb.  Dan għax fit-triq li l-Ħallieq għażel għalih u għalija, kelli jien ix-xorti kbira li nsir nafu mill-qrib ħafna.

2.   Kif dħalt fl-Kamra tad-Deputati f’Settembru 1998, fit-territorju ġdid li sibt kien hemm Michael.  Laqagħni mill-ewwel bi ħlewwa u b’imħabba.  Hu, li kien ilu diġà mill-1987 elett, u li għamel il-ħajja parlamentari kważi kollha fuq in-naħa tal-Gvern, kien mimli b’esperenzi u pariri.  Fit-tnax-il sena ta’ qabel kien ra minn kollox.

3.   Kien mimli b’memorji validi dwar dawk li ħadu r-responsabbiltà tal-poter f’dik il-bidla.  Mimli b’tifħir għall-Kap Eddie Fenech Adami u għall-mexxejja l-oħra, inkluż missieri.  Kien josserva mis-siġġu tiegħu.  Jifhem is-sehem li ngħatalhu u ma jqajjimx kwistjonijiet.  Ma kellu pretensjonijiet ta’ xejn, imma mimli b’borża enormi ta’ umiltà.

4.   Fetaħli għajnejja u għallimni kif għandi nġib ruħi meta kont naħsibhom ferm inqas mil-lum.  Mhux darba jew tnejn, fuq xi domanda jew xi diskors tiegħi, kien jiġbidli bi ħlewwa, imma b’ċertezza, l-attenzjoni għall-iżbalji tiegħi.  Ma stajtx ma naċċettahomx u miegħu, naturalment, bnejn rapport mill-isbaħ.

5.   Kellu għal qalbu lil Ħaż-Żebbuġ u lil San Filep.  L-eletturi tiegħu kien jafhom personalment.  Wieħed wieħed, b’isimhom u x’kienu jridu jew x’kienu l-kwalitajiet tagħhom.  Kien maħbub sew u qatt ma smajt lil ħadd jgħid kontra tiegħu b’xi mod.  Anzi, kienu jgħiduli li, tmur meta tmur għandu, kont taf li ser jilqgħek jew id-dar jew fl-ispiżerija.  Kien onest u trasparenti.  Jgħidlek x’jista’ jagħmel, u jipprova jgħin, fid-determinazzjoni tiegħu li jwettaq opri ta’ karità.

6.   Ma kienx marbut ma’ din id-dinja, u f’ħafna kien jimxi fuq il-passi tal-mibki Demokratiku Kristjan Giorgio La Pira.  Kont ċert li kien iwettaq atti ta’ karità ma’ dawk li kienu l-iktar ‘l isfel.  Ma kienx jiddejjaq b’dawk li m’għandhomx, imma kien jipprova jgħinhom.  Kien qalbu f’idu.

7.   Fuq kollox kellu dik il-kwalità ta’ dawk li għalkemm ikunu qed jifhmu l-manuvri politiċi li jkunu għaddejjin fil-konfront tagħhom, xorta jibqgħu jaħsbu tajjeb fil-bnedmin.  Anki jekk ma ġiex dejjem trattat tajjeb, kellu wkoll rispett u mħabba għall-Partit Nazzjonalista u għal Eddie Fenech Adami.  Għalih il-Kap kien ħabib rispettat li lest li jisimgħu.  Il-bniedem li jappella lejh għal rimedju effettiv meta kien jara lil ħutu fil-grupp jaġixxu kontra dak li kien qiegħed jara li huwa tajjeb.

8.   Ġejna iktar viċin, għax kif ġejt elett, huwa kien reġa’ ġie konfermat Deputat Speaker, mentri jien taħtu ġejt maħtur, għall-esperjenza tiegħi, Chairman tal-Kumitat.  Dan kien ifisser li waqt li jkunu qed isiru d-dibattiti parlamentari fuq l-estimi tal-Budget fil-Kumitat, kien jew jippresjiedi hu jew jien.  Fl-1998, il-Partit Laburista kien tilef il-Gvern wara tnejn u għoxrin xahar u kien hemm, biex ngħidu, inqas diffikultajiet.  Is-seduta kienet issir jew filgħodu jew filgħaxija, u ma’ kull ministeru jittieħed vot mill-ewwel.  Dak il-ħin l-inkwiet kollu kien jinqala’.  Point of Order wara l-ieħor.  Interruzzjonijiet u diskors mhux proprju preċiż kien isir.  Michel, ta’ bniedem onest, kienu jaraw kif jistgħu jinkwetawh u jivvintaw.  Għalhekk konna ftehemna li jibda hu kull seduta, u lejn l-aħħar tagħha nidħol jien għax billi avukat stajt niddeċiedi u nikkontrolla d-diversi allegati Points of Order.  Ma fallejniex waħda u anqas ma naqsu r-Rulings.

9.   Konna mmorru tajjeb ħafna flimkien.  Niftehmu b’daqqa t’għajn, u kien jifhem dak li ser nagħmel qabel nibda nitkellem.  Din ir-rabta żdiedet meta spiċċa l-mandat tiegħu mill-MEPA bħala rappreżentant tal-Partit.  Kont ġejt magħżul, mhux b’ħafna entużjażmu da parti tiegħi, biex nidħol f’dak is-siġġu skomdu.  Hemm erġajt sibtu mimli pariri u direzzjonijiet.  Kien jaf sew dak li jkun għaddej.  Kien jaf il-proċeduri, l-intoppi u l-kumplikazzjonijiet li kien hemm.  Iggwidani tajjeb ħafna.

10. Mort għandu wkoll numru ta’ drabi, u niftakar li kellu, b’mod partikolari, presepju mill-isbaħ għal qalbu, bil-pasturi tax-xemgħa.  Niftakru huwa u jurini l-figuri varji li kellu.  Kull wieħed kien sabiħ, u ma stajtx ma nammirax l-ispjega tiegħu għal kull wieħed minnhom.  Kien verament bniedem kalm, seren, ferħan u li ma għamel ħsara lil ħadd.

11. Kif waqaf iservi ta’ deputat, ma bqajniex niltaqgħu bħal qabel, imma meta konna, kien qisu qed inkomplu fejn ħallejna.  Illum il-Ħallieq sejjaħlu lura fi ħdanU.  Qiegħed fejn xtaqt li jkun, u qiegħed igawdi l-wirt tat-tajjeb kollu li wettaq f’ħajtu.  Minn qalbi nsellimnu u ngħaddi l-lungi giorni lill-familja.



No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...