10357. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-
Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali: Jista’ l-Ministru
jgħid x’xogħlijiet saru u huma previsti li jsiru tul din is-sena ġewwa Triq
id-Dejqa fil-Gudja? Jista’ jindika l-ispiża approssimattiva jew definittiva?
03/06/2019
ONOR. IAN
BORG: Ninforma lill-Onor. Interpellant li b’sodisfazzjon ninnota li
l-Oppożizzjoni qed tkompli tirrealizza l-bżonn li ninvestu bi sħiħ fit-titjib
tat-toroq, wara li għal għexieren ta’ snin ma sarux l-interventi meħtieġa biex
din l-infrastruttura tibqa’ tlaħħaq mal-ħtieġijiet u l-aspirazzjonijiet
tal-familji u n-negozji Maltin, waqt li ssostni b’mod sħiħ il-progress
ekonomiku u soċjali tal-pajjiż. Ninnutaw ukoll li l-istess Oppożizzjoni, inqas
minn sena ilu, ivvutat kontra t-twaqqif ta’ Infrastructure Malta. Nifirħu
lill-Oppożizzjoni li issa mhux biss qed taqbel mat-twaqqif ta’ Infrastructure
Malta, iżda saħansitra qed tieħu interess fil-ħidma tagħha u taqbel li din
l-aġenzija hija strumentali biex pajjiżna jkollu infrastruttura aħjar.
Il-Gvern dejjem poġġa
t-titjib fl-infrastruttura ta’ pajjiżna fuq quddiem nett tal-ħidma tiegħu. Dan
l-impenn qed jitwettaq permezz ta’ pjan ta’ ħidma b’investiment bla preċedent
biex fis-snin li ġejjin inkomplu ntejbu l-kwalità, l-effiċjenza u s-sigurtà
tal-infrastruttura tat-toroq f’Malta u Għawdex. Dan il-pjan qed jiġi mwettaq
b’mod gradwali, iżda mingħajr telf ta’ ħin, sabiex nilħqu din il-mira
mill-aktar fis.
F’Jannar li għadda,
Infrastructure Malta bdiet tibni mill-ġdid 31 minn fost l-ewwel 120 mil-lista tat-toroq
residenzjali li ser tkun qed tibni mill-ġdid din is-sena ffinanzjati
mill-investiment ta’ €700 miljun. Ħafna minn dawn it-toroq diġà tlestew jew
waslu fl-aħħar xogħlijiet, u warajhom beda x-xogħol f’toroq oħrajn. Fl-istess
waqt, tħabbret ukoll it-tieni sejħa għall-offerti li għadha fl-istadju ta’
aġġudikazzjoni, sabiex aktar tard din is-sena jibda l-bini mill-ġdid ta’ madwar
170 triq oħra, fosthom Triq id-Dejqa fil-Gudja.
Fil-lokalità tal-Gudja hemm
ukoll Triq Filippu Castagnia fil-lista tal-ewwel 120 triq residenzjali li diġà
tlestiet u Triq il-Lewż li qed tinbena mill-ġdid bħalissa. Fit-tieni lista
mbagħad hemm toroq oħrajn fil-Gudja - Triq Joseph Pace, Triq Santa Katerina u
triq bla isem li tinsab bejn Triq Joseph Gravina u Triq Ħal Għaxaq.
Seduta 238
18/06/2019
No comments:
Post a Comment