9.12.18

Fit-triq tagħna.




1. Tul dan il-Ħadd il-partit ser jkun qiegħed jiġbor iktar fondi sabiex jisostni l-ħidma tiegħu. Ser ikun qiegħed iwettaq dan billi jitlob mingħand dawk li jridu jaraw oppożizzjoni b’saħħitha. Jitlob li jingħata mezzi finanzjarji biex jassigura li l-messaħħ tiegħu jkompli jasal. F’dawn ix-xhur minn l-aħħar elezzjoni ġenerali nbeda proċess ġdid. Wieħed li filwaqt li jirrikonoxxi dak li għaddejna minnu, nieħdu kont tiegħu, għarfien tal-effetti negattivi tiegħu, xorta nimxu ‘l quddiem. Ma hemmx dubju li ma kienx u m’huhiex faċli. Wisq inqas li ser jseħħ ħabta u sabta kif xi wħud żbaljatment jippretendu li jsiru l-mirakli mill-bnedmin.

Passi ‘l quddiem

2. Ftit jiem ilu ġew quddiemi kelmtejn tal-Papa Franġisku f’waħda mill-ewwel intervisti tiegħu. Preċiżament fil-bidu taż-żmien mogħti lilu biex imexxi l-Knisja Kattolika. Fejn jgħid “You can have large projects and implement them by means of a few of the smallest things. Or you can use weak means that are more effective than the strong ones.” Kliem li qed naqleb għall-lingwa tagħna hekk: “Jistgħa jkollok proġetti kbar li tista’ twettaq permezz ta’ ftit mill-iktar ħwejjeg żgħar. Jew tista’ tuża mezzi dgħajfa li huma iktar effettivi minn dawk b’saħħithom.” Kliem li għandhom jiggwidawna, speċjalment għalina li ninsabu fil-politika li titlob minna l-proġetti.

Mhux ser naqtgħu qalbna.

3. Fl-esperjenza tal-ħajja ngħaraf li min ikollu proġetti għas-sewwa u min ikun dirett sabiex ikun strument għaliha, jsib ħafna ostakli. Jsib ħafna rwiefen, baħar imqalleb, ċaqliq u attentati varji ta’ gambetti. Iktar ma l-progett ikun fuq id-direzzjoni li minnu jista’ jseħħ l-ġid komuni, l-ġustizzja soċjali l-bnedmin jgħarfu li aktar ikun hemm min irid jżommhom milli jseħħu. It-Taljani jgħidu “Chi sta bene non si muove”. Min jinsab komdu ma jiċċalaqx. Anzi mhux biss ma jidħolx għall-moviment imma jara kif jagħmel biex iżomm lil min irid jibdel, b’kemm għandu saħħa u ħila. Iktar ma wieħed ikun qiegħed jibdel iktar ħaddiehor jirrikorri għal mezzi żbaljati biex ma jħallihx.

Dak li rajna

4. Proprju għax il-partit ma’ kull mewġa qiegħed joħroġ tajjeb u jibgħat l-messagg tiegħu kif għandu barra li aktar qed naraw azzjonijiet żbaljati. Fil-ħajja hemm varji azzjonijiet ħżiena li jsiru minn bnedmin lill-oħrajn. Hemm min jiġġustifikhom għax jgħidu li l-mezz mhux importanti. Hemm min huwa lest li jakkuża falzament lil ħaddieħor. Hemm min juża terzi biex iwettaq dan. Min jixħet il-ġebla u jaħbi idu. Jinħeba wara paraventu. Jinħeba sabiex jidher li dak li jrid jinsinwa u joħroġ huwa qiegħed joħorġu ħaddiehor. Ċertament nafu b’dan. Nafu għax drajna l-ewwel bl-istil ta’ kif jitwettqu dawn l-azzjonijiet, it-tieni t-toroq li jiġu użati, it-tielet d-daqs u l-proporzjon tagħhom, li jiġu kważi kollha dejjem l-istess.

“X’alleanza”

5. Rajna dan tul din il-ġimgħa. Attakk lill-Kap tal-Oppożizzjoni fuq akkuzi foloz għall-aħħar. Imma f’dan ngħarfu l-ewwel li min huwa daharu mal-ħajt jirrikorri għal mezzi simili, t-tieni l-bżonn li wieħed jipprova jibni argument fejn ma hemmx wieħed, it-tielet li anki jekk jaf li m’huhiex minnu li huwa biss duħħan ser iservi lil ħaddiehor biex jibdel l-argument minn fuqu. Jneħħi temporanjament l-attenzjoni pubblika minn fuqu. Ir-rapport tal-Awditur Ġenerali li ġab ‘l-Gvern f’pożizzjoni iebsa ma kellux ħafna difiżi x’wieħed iġib għalih. Anki jekk ġew sagrifikati fil-kamp tal-battalja politika żewġ politiċi ġodda, wieħed deputat u l-ieħor ministru, l-poplu xorta m’ emminx.

Tiskanta

6. L-agħar f’dan mhux tant li n-naħa tal-Gvern jinxehet f’din it-triq li kienet prevedibbli mill-bidu, imma li ħaddiehor m’għarafx dan. Anki jekk hawn ħafna bnedmin intelliġenti. Anki jekk hawn ħafna li żokrithom nippretendi li waqgħet fl-għarbiel tal-aħbar xorta jkun hemm min jemmen li aħbar falza hija minnha. Ngħarfu li qedhin fi żmien fejn il-verità trid tikkumbatti iktar minn qabel. Ngħarfu li huwa faċili iktar minn qabel li wieħed jibgħat biċċa, nofs jew ebda forma ta’ verità. Imma dan ma jfissirx li wieħed ma għandux jistenna u jara wara li jgħaddi d-duħħan x’inhuwa minnu u x’ m’huhiex.

Dixxerniment

7. Kif qegħdin hawn nibqa naħseb u nirrifletti fuq kif l-Papa Franġisku jispjega l-proċess intern li kull bniedem jiffaċċja fid-dixxerniment ta’ dak li huwa sewwa u veru minn dak li m’huhiex. Huwa jgħid hekk “But I am always wary of decisions made hastily. I am always wary of the first decision, that is, the first thing that comes to mind if I have to make a decision. This is usually the wrong thing. I have to wait and assess, looking deep into myself, taking the necessary time.” “Noqgħod lura milli nieħu deċizjonijiet ta’ malajr. Noqgħod lura mill-ewwel deċizjoni, jiġifieri dik li tiġi l-ewwel f’moħħi, jekk għandi nieħu deċizjoni. Din is-soltu tkun l-iżbaljata. Irrid nistenna u ngħarbel, inħares fil-fond fija nnifsi, nieħu l-ħin tiegħi.”

Iż-żmien li ġej

8. Nifhem dejjem iktar li l-Partit Laburista qed jgħaraf dak li ser ikun qiegħed fih. Fuq naħa ser jgħaddi minn proċess intern li jagħzel mexxej differenti bil-komplikazzjonijiet tiegħu. Fuq l-oħra l-probabilità li l-Kap tal-Oppożizzjoni jkompli jissoda fil-frattemp. Meta l-partit fil-Gvern joħroġ finalment minn din it-triq, jrid jibqa kif kien fl-aħħar elezzjoni ġenerali. Mhux biss, imma iktar min hekk irid jara lil min qiegħed imexxih illum joħrog bl-unuri. Iktar li f’dak l-mument li jċedi x-xettru politiku jkun fl-aqwa tal-karriera tiegħu. Proprju għalhekk li l-prezz jgħola. Proprju għalhekk li jsir iktar legittimu għalihom li jużaw kull mezz anki dawk li ma humiex moralment jew politikament korretti biex iżommu lura l-oppożizzjoni.

Nifhmu dan

9. Bħala partit irridu ngħarfu dan. Ikun żball politiku tagħna jekk naħsbu li kollox nieżel mis-sema. Għax anzi, kif qed naraw kollox huwa tiela l-fuq mill-art. Li tara dawn il-mossi , li tismagħhom , li taqrhom wieħed jifhem imma li jidħol fit-trabokk tagħhom dak huwa mod ieħor fuqna. U dan ma huwiex l-ewwel darba l-iktar fil-konfront tal-kap tal-partit. Il-Partit Laburista għandu polz tal-poplu bhal m’għandna aħna. Jgħaraf jum wara l-ieħor li l-popolarità tagħna qed tinfirex. Jgħaraf li s-sustanza tad-diskors tagħna qiegħed jiżdied u għalhekk jrid jżommna lura. Għax qed jgħarfu li qegħdin fit-triq t-tajba li jridu jwaqqfuna.

Nappellaw

10. Proprju għalhekk li ma għandniex inħalluhom. Proprju għalhekk li f’dawn il-jiem għandna nassiguraw li l-Partit Nazzjonalista jkollu l-mezzi finanzjarji biex imexxi u jissoda l-politika tiegħu. Proprju għalhekk li nappellaw sabiex kull min huwa f’pożizzjoni jgħati, jgħati milli jista’.


No comments:

UNJONI EWROPEA U L-KUNSILL TAL-EWROPA - LAQGĦAT

22088. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI   staqsa lill- Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ: Jista...