8.12.18

Ċari u sodi fid-direzzjoni




1.    Huwa iktar minn ċar li l-Partit Nazzjonalista beda din il-ġimgħa b’ferm iktar saħħa.  Ma hemmx wisq fuq x’hiex tiddubita.  Il-Kunsill Ġenerali li seħħ fis-sebat’ijiem preċedenti kien determinanti.  Il-viżjoni, id-diskorsi, il-parteċipazzjoni, l-organizzazzjoni u l-kordinazzjoni wrew bis-sħiħ partit li qiegħed jirranka.  Partit li qiegħed iġib lura għad-diskussjoni l-linja politika li għandu jieħu.  Proċess li jibda minn isfel u jwassal lejn ħidma nazzjonali aqwa.  Huwa quddiemna, bil-provi, li l-lezzjonijiet ittieħdu, u d-direzzjoni politika stabbilita.  Oppożizzjoni fi triqitha tul leġislatura ta’ ħames snin.

Segwiti u approvati

2.    Id-diskorsi, fost l-oħrajn, l-ewwel tas-Segretarju Ġenerali Clyde Puli, u wara tal-Kap tal-Partit Dr Adrian Delia ġew segwiti u approvati ħafna.  L-Oppożizzjoni ssudat u għadha qegħda tissoda proprju għax għandha direzzjoni ġdida u differenti.  Hemm il-vantaġġ ta’ dak li għadda minnu ħaddieħor.  Hemm l-għarfien li l-bniedem irid jifhem ir-realtà li jrid jgħix fiha.  Irid jifhem l-istruttura, il-kompożizzjoni u l-kurrenti soċjali, ekonomiċi ta’ din il-komunità.  Irid ikollu sebgħu lura fuq il-polz.  Jifhem fejn u għala qiegħed iħabbat.  Proprju għal dan, li dak li ngħad wieġeb kontinwament għal dak li qiegħed jingħad fit-triq minn dawk li, indipendentement minn kif ivvutaw, jibqgħu dawk li jridu jifhmu, jgħarblu u jiddeċiedu għal rashom.

Proporzjonalità u razzjonalità

3.    Kien hemm, ċertament, linja li tindika li hemm proporzjonalità fl-impostazzjoni tal-argumenti nazzjonali. Mhux estremi fit-toni jew fl-għażla esklussiva ta’ suġġetti uniċi, imma moderazzjoni, sejħa għar-raġuni.  Il-partit huwa ta’ kull persuna f’kull klassi fis-soċjetà.  Proprju għalhekk li m’għandux jeħel ma’ argument uniku, imma jrid isemmi dak li qiegħed jolqot lill-bnedmin kollha.  Huwa proċess ta’ razzjonalità.  Huwa wieħed li jitlob l-umiltà.  Dan f’żewġ direzzjonijiet: l-ewwel, li jfittex jifhem lil dawk li ma jafux jitkellmu għalihom infushom; u t-tieni, li ma jippruvaw jimponi dak li ħaddieħor ma jħossx li għandu jimxi fuqu.

Stabbiltà

4.    Hemm proċess ta’ stabbiltà interna f’dan.  Għax il-kunsens jiġi meta l-partit jitkellem u jqiegħed fiċ-ċentru l-problemi u l-kumplikazzjonijiet tal-ħajja li l-bniedem jiffaċċja.  Il-persuna umana titlob, fir-rispett lejn id-dinjità li għandha, li dan isir.  Kull pass li jiġi identifikat bħala parti mill-progress uman iħalli miegħu dawk li jiġu żvantaġġati.  Dawk li jsibu ruħhom f’pożizzjonijiet li ma jieħdux gwadann minnhom.  Dan huwa li qed naraw.  Dak li qed immissu kuljum b’soċjetà li filwaqt li turi min-naħa statistika ekonomika b’avvanzi kbar, fuq l-oħra tibqa’ tirreġistra l-preżenza ta’ persuni fil-faqar jew fir-riskju tiegħu.  Bl-avvanzi tagħna kollha, m’aħniex kapaċi nwettqu dak li qed isir minn oħrajn li nidħlu fid-dettall u naqilgħu bi programmi speċjali, personalizzati, u mhux ġeneralizzati.

Tħares lejn il-problemi soċjali

5.    Il-poplu qiegħed jifhem iktar li meta l-Partit Nazzjonalista qiegħed jitkellem fuq dawn il-problemi, qed proprju jidħol f’dan il-proċess.  Hemm numru li juru l-istat tal-affarijiet.  Hemm ukoll l-abbiltà li jiġu stabbiliti  tajjeb u korrettement il-figuri.  Imma f’kull lok, il-bnedmin m’humiex oġġetti.  M’humiex dawk li jiġu msemmija biex issir il-kritika politika u daqshekk.  Anzi, il-kuntest tal-kritika li tkun diretta u impostata f’din il-linja.  Tħares lejn il-problemi soċjali u ekonomiċi, u kif jistgħu jiġu solvuti jew almenu l-impatt negattiv tagħhom imċekken.  Il-viżjoni lejn il-ħidma tagħna għall-proxxmu trid tkun kontinwa.

Linja tas-sewwa

6.    Ċertament m’aħniex perfetti.  Kemm ser jirnexxielna f’dan huwa ż-żmien li jrid isarraf għalina r-risposti.  Biss, meta wieħed jikkonsidra ċ-ċirkostanzi li qed ngħixu fihom u dak li qiegħed iberraq għal fuqna għandu jixprunana nsegwu din il-linja tas-sewwa.  Diġà għandna stat ċar fejn min qiegħed fil-poter moħħu iktar biex jikkuntenta flimkien ma’ dawk li għandhom u qed iżidilhom, milli li jinżel jifhem kif ser jgħolli lil dawk li huma minn taħt.  L-iskandli, ir-rapporti, iċ-ċirkostanzi li jixħtu dawl ikrah fuq l-iskop u r-raġuni ta’ wara numru ta’ proġetti għandhom jinkwetawna lkoll.  L-effett tagħhom huwa kbir, l-iktar fin-nuqqas ta’ tqassim ġust, kif ukoll fl-amministrazzjoni korretta ta’ dak il-ġid komuni.

Mhux jifhem biżżejjed

7.    Mhux biss, imma hemm ukoll iċ-ċirkostanzi li l-Gvern m’huwiex jifhem biżżejjed.  L-ewwel, dawk imwielda mill-effett negattiv li ser ikun hemm għad-dinja tagħna mill-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea.  Dak li l-poplu ser jgħaddi minn tbatija, però miegħu ser jiġu effettwati oħrajn.  Partikolarment aħna li għadna qed niġu għar-realtà ta’ dak li ser iseħħ.  M’hix “opportunità” li nieħdu minn ekonomija li għalina għandha tibqa’ soda.  Anzi, għandha tibqa’ tkun parti mill-istrateġija nazzjonali li dak il-pajjiż jibqa’ għaddej, u mhux imur lura.  Mhux biss dan, imma anki l-proċess fi “gwerer kummerċjali” li għaddejjin bejn stati determinanti għalina għandhom jinkwetawna.

Protezzjoniżmu

8.    Qisu hawn biss m’aħniex nifhmu li dak li għaddej fl-Istati Uniti tal-Amerika, bil-politika l-ġdida tagħha, l-ewwel ta’ protezzjoniżmu ekonomiku, u t-tieni tal-ħruġ minn numru ta’ trattati ser ikollu effett ekonomiku għalina.  Il-ġlieda u l-impostazzjoni ta’ tariffi fuq iċ-Ċina, ċertament li ser iżidu fil-prezzijiet.  Ser naraw żieda fl-għoli tal-ħajja.  Ser naraw il-bżonn ta’ iktar miżuri biex innaqqsu mill-impatt negattiv fuq l-ambjent tagħna.  Problemi u sfidi qawwija li qed naraw ġejjin, bl-impatti xejn pożittivi għalina.  Sitwazzjonijiet li aktar ma jgħaddi ż-żmien, iktar qed nifhmu li mhux ser jiġu għad-dibattitu politiku u parlamentari, għax hemm l-Oppożizzjoni qegħda tikber fl-abbiltà tagħha u qed tkun effettiva għall-kritika tagħha.  Waħda li tmexxiha ‘l quddiem, imma ddejjaq lill-Gvern.

Il-viżjoni tagħna

9.    L-isfida li għandna quddiemna mhix faċli.  Imma, minn dak li qiegħed iseħħ huwa ċar li d-direzzjoni nqabdet tajjeb ħafna.  Bdejna nissudaw fil-kritika.  Bdejna nkunu iktar pro-attivi u kreattivi f’ħidmietna.  Però, ċertament mhux immexxija minn ħaddieħor jew b’reazzjoni.  Il-viżjoni hija ċara.  Bħalma huma ċari l-valuri demokratiċi nsara tagħna.  L-elezzjonijiet ma jintrebħux f’ġurnata, b’mossa waħda, imma permezz ta’ proċess twil.  Wieħed li minnu tikber il-fiduċja.  Il-Partit Nazzjonalista, ma’ kull ġurnata qiegħed jissoda.  Qiegħed jikber fil-vuċi u fil-piż tagħha.  Dan għax huwa ċar u sod fid-direzzjoni.



No comments:

UNJONI EWROPEA U L-KUNSILL TAL-EWROPA - LAQGĦAT

22088. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI   staqsa lill- Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ: Jista...