4.1.19

Il-mument tal-prova.




1.  Kif qegħdin naraw, kull demokrazija tiġi fil-mument tal-prova tagħha.  Dak li qiegħed iseħħ fir-Renju Unit u fl-Istati Uniti tal-Amerika huwa iktar ċar għalina li anki dawk li għandhom l-iktar esperjenza jsibu ruħhom f’din il-pożizzjoni.  Proprju dawn iż-żewġ stati welldu f’diversi oħra, direttament jew indirettament, id-demokrazija.  Għal snin twal kienu l-mudell li ħafna popli jridu jimitaw.  Imma ħadd ma jista’ jserraħ moħħu li kiseb id-demokrazija, u għalhekk mhuwiex ser ikollu kurrenti, movimenti kuntrarji.  Id-demokrazija hija ħajja u għax hija hekk titlob attenzjoni kontinwa.  Titlob ħarsien u mġieba korretta.

F’pajjiżna

2.  Nafu b’dan, anki aħna.  Sar ħafna xogħol minn naħa tal-Partit Nazzjonalista sabiex iservi u jissodaha.  Tixraq għax bid-difetti umani u legali tagħha tibqa’ l-aqwa waħda.  Waħda li fiha valur.  Tibqa’ dik li tiggarantixxi l-libertà u d-drittijiet fundamentali tagħna.  Dawk id-drittijiet li tant drajna, li jkun hemm min ma jemminx li jistgħu jitnaqqsulu jew jittiħdulu.  Imma kif rajna, u naraw, hemm bżonn ta’ viġilanza u attenzjoni.  Dak li qed immissu hawn, f’ħidmet il-Gvern preżenti, qed naraw li ma tantx qiegħed juri li din għalih hija prijorità bħal ma kienet, u għadha, għalina.  Jiddispjaċina f’dan.  Id-demokrazija m’għandhiex kuluri politiċi.  Qegħda hemm għal kull persuna u trid titħaddem bis-sħiħ, ikun hemm min ikun hemm fil-poter.

Trid issir il-ħidma

3.  Ma hemmx bżonn esaġerazzjonijiet jew estremiżmi fil-metodu li wieħed jersaq sabiex iqiegħed dan il-każ quddiem il-poplu.  Il-linja tal-moderazzoni u tal-kelma hija neċessarja.  Magħha dik tal-kelma diretta ċara, sempliċi u spjegattiva.  Il-pajjiż irid jisma’, irid jiġi konvint, imma mhux lest jidħol għal dan meta min qiegħed jitkellem ma jindirizzahx fid-dinjità li jitlob.  Ħafna, bl-edukazzjoni li għandna, iridu jisimgħu argumenti sodi u differenti, li bihom jaħsbu.  Hawn, anzi, moviment kontra min fil-politika ma jirrispettax l-intelliġenza ta’ min qiegħed jisimgħu.  Il-poplu jrid jara iktar loġika, iktar linji ċari fiċ-ċentru tal-politika.

Politika serja

4.  Jekk għandna argumenti sodi, jekk għandna proposti u linji politiċi differenti m’għandna bżonn xejn, ħlief li nressqu dawn.  Kif jgħidu, u kif ċertament nafu, ilhom jgħidu li r-raġuni ma tridx forza.  Proprju għalhekk li qed ninstemgħu iktar bħala Oppożizzjoni.  Il-linja tagħna hija dik li tħares fit-tul.  Hija dik li biha, b’dak li ngħidu, inkunu qed nibnu u nħarsu lejn il-futur.  L-Oppożizzjoni qegħda tiddistingwi ruħha iktar bil-fatt li tibqa’ tippromwovi u tressaq ideat anke jekk mhix fil-Gvern.  Tibqa’ tagħmel il-kritika lejn dak li jkun qiegħed isir biex tifhem: l-ewwel, li mhux kull ma jingħad mill-Gvern huwa tajjeb; it-tieni, li hija għandha ideat differenti, viżjoni oħra ta’ kif għandhom jitmexxew l-affarijiet.  Il-politika tagħna hija serja, ċertament.  Biss, trid tasal għand min lest li jismagħna bħala hekk.

Brexit

5.  Għax huwa ċertament mument ta’ prova politika kbira għar-Renju Unit.  Il-pożizzjoni tal-Gvern Konservattiv mhi waħda faċli xejn.  Dak li għaddejjin minnu huwa wieħed komplikat, fejn il-proċess demokratiku qiegħed jitqiegħed għall-eżami.  Aħna ma nistgħux nieħdu pjaċir b’dan.  Nistgħu nittamaw fl-aħjar u, fl-istess ħin, nieħdu lezzjonijiet.  Dak li seħħ diġà qiegħed jaffettwana u ser jolqotna iktar fil-futur li ġej.  Proprju għalhekk li aħna ħassejna u tkellimna sabiex ikun hemm iktar attenzjoni min-naħa tal-Gvern ta’ pajjiżna.  Proprju għalhekk li l-Kap tal-Oppożizzjoni, Dr Adrian Delia, ħass li anki fi ħdan il-Partit Popolari Ewropew ftit jiem ilu jitkellem fuq dak li qed naraw ġej għalina.

Kredibilità

6.  Il-kredibilità ta’ partit politiku f’demokrazija tiddependi minn dan.  Tiddependi biex tingħata piż u konoxxenza.  Dan jgħodd għal dawk fil-poter u dawk li mhumiex.  Għax iktar ma jkunu loġiċi fl-argumenti, f’dan iktar tkun ħajja d-demokrazija tagħna.  Min qiegħed f’dawn il-pożizzjonijiet għandu piż u responsabbiltà sabiex b’ħidmietu jiggarantixxi d-demokrazija.  Irid jispjega u jkun ċar.  Nisimgħu ħafna stejjer għaddejja mingħajr ma l-poplu jsib spjega.  Ħafna drabi ssibek tagħraf li l-pajjiż, taħt din it-tmexxija, sar parti minn telenovela interminabbli.  Programm wara ieħor, fejn ftit li xejn jimxi ‘l quddiem.  Imma ħafna aljenati b’dak li huwa għaddej.

Alternattiva

7.  Hawn bżonn ta’ bidla.  Hawn bżonn li d-demokrazija tieħu lura r-ruħ.  Dan huwa fil-moħħ ta’ diversi li jħaddnu ideat politiċi differenti.  Però, ħareġ b’mod iktar ċar u dirett fid-diskors tal-President tar-Repubblika ta’ Jum ir-Repubblika.  Kien diskors li jindirizza din il-linja politika.  Wieħed li jaffronta l-bżonn fundamentali li soċjetà tmexxi lilha nnifisha b’iktar ġustizzja soċjali milli hija.  Wieħed li mess direttament mal-abbużi li s-sistema għaddejja minnhom, ċertament dawk li jiġu mis-sistema klijentelari li nbniet, żbaljatament, f’dawn is-snin.  Wieħed li jafferma l-bżonn li fid-demokrazija tiġi rispettata d-dinjità umana.  Diskors li jimmerita li jinqara’ direttament, u mhux jiġi distillat skont l-aġendi politiċi ta’ min qiegħed fil-Gvern.  Għax huwa diskors li huwa skomdu għal xi wħud li jibqgħu ma jridux jiċċaqilqu.  Għax il-pajjiż demokratiku tagħna għaddej minn mument ta’ prova qawwija, li jixraqlu ideat u linji politiċi li jissudawh.  Linji alternattivi għal dawk li dan il-Gvern qiegħed imexxi bihom.
   

No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...