4.1.19

Biex Niċċelebraw.




1.    Wasalna fl-aħħar ta’ sena li għaddiet minn fuq wiċċ id-dinja.  Il-bnedmin li għexu fiha u tulha jistgħu jgħidu dak li għaddew minnu.  Dak li huma ġarrbu fit-triq li għandhom quddiemhom.  Dawk li għaddew minn diffikultajiet kbar.  Dawk li missew ma’ mard gravi, li kienu viċin il-mewt, li raw lil ħaddieħor ibati u jitlaq f’dinja oħra.  Dawk li jfittxu fil-ħajja.  Ifittxu s-sewwa, il-verità u l-għerf tal-ħajja.  Ifittxu għal rashom u jitolbu l-għajnuna varja mingħand l-oħrajn.  Mingħand dawk l-esperjenzi umani li jġarrbu, biex jippruvaw jifhmu dak li għaddej minn fuqhom.  Hemm min f’dan joqgħod pass lura, jaqta’ qalbu u min ikompli jfittex.

Leħen is-sewwa

2.    Nara f’dan diversi li jirrifjutaw li jiċċelebraw dawn il-festi fl-artifiċjalità.  Jirrifjutaw li jitilfu mill-messaġġ kbir li l-Milied u l-jiem ta’ qabel u ta’ wara jagħti.  Jagħti, jum wara l-ieħor, fis-sustanza li ħaqqha.  Fil-messaġġ tal-valuri li dan iż-żmien jirrappreżenta.  Ningħaqad ma’ dawk li jridu u jibqgħu determinati li l-Jum tat-Twelid ta’ Sidna Ġesù Kristu ma jittrasformax ruħu f’festa bla ruħ.  Ċelebrazzjoni mingħajr sens jew direzzjoni.  Sempliċement waqfien, divertiment, ħbieb u mistrieħ mingħajr il-boxxla vera umana.  Hemm impenn intellettwali.  Hemm, nittama dejjem, iktar għarfien li jekk dan jintilef, nitilfu s-sustanza tagħna stess.

Mingħajr diskors

3.    Għandna dmir li nħeġġu għall-għemil it-tajjeb.  Iktar u iktar f’soċjetà fejn, biċċa biċċa, fin-nuqqas ta’ vuċijiet akbar għas-sewwa, dak li huwa tajjeb qed jitlef mill-valur intrinsiku tiegħu.  Qed naġixxu mingħajr ma nagħrfu biżżejjed l-iskop tal-ħidma tagħna.  Anke jekk inkunu ġenerużi, altruwisti u nwettqu opri ta’ karità, bil-proċess li qegħdin fih qed nitilfu l-valur li dan fih, ma’ min inwettquh u għalina stess.  F’soċjetà li qegħda tiġi mħajra iktar lejn il-materjaliżmu.  F’waħda li kull ma nwettqu u għandna rridu nittrasformaw f’termini ekonomiċi.  Irridu nagħtuh valur mhux f’dak li hu verament, imma jekk huwiex rilevanti għalina mill-aspett monetarju.

Fid-dlam

4.    Qegħdin anki f’din il-pożizzjoni fl-istituzzjonijiet demokratiċi.  Għandna, f’aġendi varji, il-bżonn li nipproteġu d-drittijiet fundamentli tal-bniedem, il-bżonn li kull persuna titħalla tgħix fil-libertà, li kull persuna jkollha d-dritt li tivvota u li tesprimi l-opinjoni tagħha.  Hemm elenku twil li nisimgħu u drabi naraw dimostrazzjonijiet dwarhom.  Hemm insistenza fuq dawn il-miri.  Fi proċess fejn waqt li dan ikun qed isir, ikun qed jiġi abbandunat l-ispirtu oriġinali li mexxa dan kollu.  Is-sistema demokratika li għandna hija mibnija u bażata fuq il-valuri Nsara.  Kienu huma li tawhom id-dimensjoni partikolari tagħhom.  Li tawhom saħħa.  Li daħħluhom f’diversi kostituzzjonijiet u liġijiet.  Prinċipji uniċi u li jirbħu ż-żmien.  Huma l-pedament li nfluwenza dak li tlaqna minnu.  Illum dan qed jiġi abbandunat, fejn wassalna lilna nfusna fil-pożizzjoni li nippriedkaw esternament mingħajr ma nġorru magħna, internament, l-iskop u s-sens sħiħ ta’ dawn il-pilastri.

Il-boxxla

5.    Hawn mewġa ġdida ta’ materjaliżmu.  Hawn mewġa ta’ influwenzi soċjali u politiċi li huma mwielda taħt ismijiet ġodda.  Tabelli differenti ta’ forom strambi ta’ identità.  Fejn dawk li f’sekli oħra l-istoriċi kienu jsejħu “l-barbari” qed jerġgħu jidhru.  Meta tara dak li seħħ ftit jiem ilu f’partita sempliċi tal-ballun ġewwa l-Italja bejn l-Inter u n-Napoli.  Meta tikkonsidra dak li seħħ waqt il-partita, fejn bniedem ġie insulentat kontinwament għax ġej minn kontinent differenti.  Meta tikkunsidra l-vjolenza qawwija li seħħet wara u qabel il-partita.  Meta tiftakar li f’Ruma antika, parti determinanti mill-ħajja soċjali kienu dawn il-forom koroh ta’ “spettaklu” tifhem li qed immorru lura.  Hemm tifhem li fl-għeruq tagħna qed nitilfu mis-sens u s-sustanza li jagħmilna poplu ċivilizzat u Ewropew.

Nikkumbattu

6.    L-insistenza tagħna lejn is-sewwa, lejn il-valuri Nsara mhix kwistjoni unika ta’ identità, nittama ta’ identità nazzjonali, imma fuq kollox ta’ ċiviltà.  Għax hemm proċess li fih, kull darba li nitilfu mis-sustanza tal-ħajja u mmorru lejn il-materjaliżmu varju, nkunu qed nitilfu  Nitilfu mhux darba, imma fi proċess ta’ trasformazzjoni negattiva ta’ dak li huwa verament il-bniedem.  Anzi, forsi aħjar, dak li l-bniedem għandu dmir li jibqa’ jinsisti li jkun, u ma jintilifx f’dak li ser iwasslu biex isir dak li jistħi minnu.  Min ħa sehem f’Milan f’dan kollu huwa, volontarjament jew le, il-prodott ta’ dan il-proċess.   Proprju għalhekk li f’dawn il-jiem għandna ninsistul iktar li napprezzaw dak li aħna.  Ninsistu li ma nitilfux dak li aħna.

Awguri

7.      Mill-qalb nawguralkom ilkoll is-Sena t-Tajba, waħda mimlija għerf u tfittxija tas-sewwa, b’mod speċjali lilek, Sur Editur, u lill-ħaddiema kollha tagħna.

   




No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...