12.1.19

Una Percentuale di Amore




1.    Tul dawn l-aħħar jiem irnexxieli nlaħħaq ma’ ktieb li kont xtrajt.  Wara li kont smajt lill-Papa Franġisku jfaħħarha, iddeċidejt nixtri żewġ kotba ta’ Dorothy Day.  Wieħed, li qrajt, bl-isem “Loaves and Fishes”, u l-ieħor “The Long Loneliness”, li għadni rrid naqra.  Din il-mara biddlet lilha nnifisha u magħna lil diversi bnedmin oħra.  Ikkonvertiet għall-Kattoliċeżimu f’mumenti diffiċli f’ħajjitha.  Għamlet il-ħajja tgħix mal-oħrajn.  Hija, flimkien ma’ diversi oħra, ispirata inizjalment minn Peter Maurin (bniedem mimli b’ideat u li kont qrajt dwaru qabel), kienet tassigura l-ikliet b’xejn lil dawk li ma kellhomx, issib fejn jorqdu għal diversi.  Mimlija b’ideat paċifisti u favur il-ħidma soċjali tal-Knisja, kienet tassigura l-pubblikazzjoni ta’ gazzetta influwenti: “The Catholic Worker”.

2.    Forsi x-xahar ta’ Novembru huwa marbut iktar magħha proprj għax twieldet fit-8 ta’ Novembru 1897, u mietet fid-29 ta’ Novembru 1980.  Forsi wkoll ħaqqha artiklu sħiħ, għax wettqet ferm iktar, u għandu jingħad ukoll li hemm ukoll proċess ta’ beatifikazzjoni għaddej.  Imma llum ser nillimita ruħi għal din is-silta li ġejja.  Waħda li sibt u qed nirriproduċi għall-ġieħ tas-saċerdoti sodi u tajba li dejjem kellna.  Iktar u iktar f’dan iż-żmien li qed jiġu attakkati inġustament u mqegħda f’keffa waħda.  Il-Knisja għandha wirt twil, u b’saħħtu, ta’ bnedmin li ddedikaw ħajjithom għall-oħrajn.  Day, li kienet oriġinarjament viċin il-komuniżmu u l-anarkiżmu, kelljha l-kuraġġ u l-onestà li tiċċertifika dan.  Proprju għax hi, li għexet għall-oħrajn, kienet tifhem iktar lil dawk li għexu bħalha.

3.    Fil-kapitolu “Spiritual Advisors” tal-ktieb li semmejt “Loaves and Fishes” tgħid hekk: “Father McSorley was extraordinary, yet at the same time he was like thousands of other priests throughout the country, intent on their spiritual job.  They were bogged down, perhaps, in temporal concerns, such as building schools and churches, but they were also the firm, strong timber and the solid stones in the building which is the Church.  They never criticized others, although they did lay down strong and clear principles which by implication might be considered criticism.  They encouraged the best there was in you and were silent about what they could not remedy.  Above all, they left laymen the concerns of laymen.”

4.    Iċċitajt din is-silta proprju għax hija xhieda ħajja u veritiera ta’ dak li kienet ir-realtà fi żmienha.  Iktar u iktar għax laqtitni direttament meta stqarret hekk: “... they were also the firm, strong timber and the solid stones in the building which is the Church”.  Kemm dan għadu u jibqa’ veru nixhduh aħna.  Dan, iktar u iktar irid jingħad f’kuntest fejn qegħda ssir kampanja medjatika li fiha ħidmet dawn il-bnedmin u diversi qed tipprova tiġi oskurata minħabba d-dnubiet mortali ta’ oħrajn.  Huwa għalhekk, fl-opinjoni tiegħi, li hu tajjeb li wieħed iġib il-pożizzjoni lura fil-kuntest.  Għandna nagħtu ġieħ mill-ġdid lid-diversi li ddedikaw ħajjithom għall-proxxmu.  U, fl-istess ħin, nifirħu li kien hemm tant eżempji tajba li nistgħu nsegwu llum.

5.    Ngħid iktar dan fid-dawl ta’ dak li qal il-Papa Franġisku l-Ħadd li għadda, 14 ta’ Ottubru 2018, waqt li rajna lill-Papa Pawlu VI u l-Isqof Oscar Romero jiġu dikjarati qaddisin.  Issa jridu jingħadu, f’dan il-kuntest, żewġ punti għalija importanti.  L-ewwel: il-Knisja Kattolika ma tiqafx f’ħidmietha, ma tiqafx taħdem, issofri u tħobb.  Fuq kollox, li tassigura li tiddikjara bnedmin li għexu fi żmienna, u f’kull wieħed, qaddisin.  It-tieni: li l-Papa Franġisku kull ġurnata jitkellem, jgħallem u jispjega.  Biss, mhux kull ma jgħid, sfortunatament, jiġi rappurtat.  Ħafna minn dan qiegħed jintilef.

6.    F’dik il-ġurnata, il-Papa Franġisku tkellem fuq kull wieħed minn dawn il-qaddisin, imma preċiżament, fuq Pawlu VI qal hekk: “Ha testimoniato in modo appassionato la bellezza e la gioia di seguire Gesù totalmente”.  Kien xhud appassjonat tal-isbuħija u tal-ferħ li wieħed isegwi totalment lil Sidna Ġesù Kristu.  Huwa kompla u żied id-doża meta qal: “I santi invece hanno fatto la scelta di mettere Gesù al centro della loro vita, Gesù è radicale.  Egli da tutto e chiede tutto.  Gesù non si accontenta di una percentuale di amore”.  Il-qaddisin għamlu l-għażla li jqegħdu lil Sidna Ġesù Kristu fiċ-ċentru tal-ħajja tagħhom, Ġesù huwa radikali.  Huwa jagħti kollox u jitlob kollox.  Ġesù ma jikkuntentax ruħu b’parti mill-imħabba tagħna.”

7.    F’dik it-triq ta’ mħabba ma jiġux imfaħħra, anzi, kif nafu, imkasbra.  Kif nafu, Oscar Romero nqatel waqt li kien qiegħed jiċċelebra l-quddies.  Fl-ogħla mument fil-ħajja reliġjuża.  Imma, wara mewtu, kien hemm min ipprova jnaqqaslu l-ġieħ.  Kien hemm min immalafamah, ikkritikah u qal li dak li kien qiegħed jippriedka u jgħix ma kinux fil-linja tal-Knisja.  Ħajtu ġiet eżaminata minn diversi angoli wara l-martirju li għadda minnu, u nstab li kien ħajja dedikata għall-oħrajn.  Is-saċerdtoti, ir-reliġjużi f’pajjiżna huma dawn il-bnedmin.  Persuni li jħabirku għall-oħraij.  Jissagrifikaw lilhom infushom.  Preparati jiċċaħħadu minn kollox.  Proprju għalhekk li nifhmu iktar kemm għandna wirt uniku fiċ-ċiviltà tagħna, speċjalment dik f’pajjiżna.



No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...