1. Xi żmien ilu kont qrajt dawn il-kliem miktuba minn Henry Kissinger: “Our age
is insistently, at times almost desperately, in pursuit of a concept of world
order. Chaos threatens side by side with
unprecedented interdependence”. Kliem li
tul din il-ġimgħa ġabar iktar sens u rilevanza wara l-elezzjoni presidenzjali
fl-Istati Uniti tal-Amerika. Id-dinja
timxi ‘l quddiem fl-ordni u l-ġustizzja.
Meta, minflok, ikun hemm id-diżordni u l-instabilità, is-sitwazzjoni
tmur lura. Proprju għalhekk li wieħed
għandu neċessarjament jara dak li ġej għalina u kif ser jinbidlu
l-pożizzjonijiet politiċi.
Sehem Obama
2. Barack Obama, tul it-tmien snin tiegħu,
irnexxielu jżomm dak il-pajjiż fuq quddiem, b’sehem determinanti u strateġiku
f’dak li għaddej fuq il-mappa. Mexxej
fl-aħjar tiegħu żamm pożizzjonijiet li jekk ma wasslux għall-paċi, almenu
naqqsu l-konflitti. Li rnexxielu jkun
fuq quddiem sabiex dan il-poplu jibqa’ dak li jxerred u jagħti xiehda
tad-demokrazija u d-drittijiet fundamentali tal-bniedem. Il-boxxla morali f’dak il-pajjiż ma
ntilfitx. Baqa’ wieħed fejn,
bid-diffikultajiet u l-kumplikazzjonijiet kollha tiegħu, li fih ir-reliġjon
baqgħet importanti u d-deċiżjonijiet politiċi jiġu meħuda bis-sens. Kien jaf x’inhuwa jagħmel, anke jekk mhux
kulħadd kien jaqbel miegħu.
Fatturi ġodda
3. F’din il-bidla x-xenarju ser ikun
differenti. Ir-realtà politika hija issa
li ser immorru lejn toroq ta’ instabilitajiet ġodda. Imwielda minn fatturi differenti. Minn naħa n-nuqqas ta’ formazzjoni politika,
mill-oħra mill-ideat u l-karattru li huma fatturi li m’humiex proprju l-iktar
li ser jeħduna lejn ordni, paċi u stabilità mondjali. Dan ser jiftaħ pożizzjonijiet ġodda li jafu
jibdlu kompletament il-bilanċi mondjali.
Mexxejja oħra ser jieħdu sehem ċentrali u d-dinja ser ikollha ddawar
l-attenzjoni tagħha lejhom, tittama li f’dawn l-erba’ snin ma nsibux ruħna
nvoluti f’konflitti li jġibu nkwiet u distruzzjoni.
Ħidmet Putin
4. Fl-aħħar snin kien hemm mumenti diffiċli
ħafna għad-dinja u għall-Mediterran li ħallewna mmarkati. Il-gwerra ċivili fil-Libja ma kenitx
faċli. Biss, ferm iktar kumplikati kienu
dawk li żviluppaw fl-Ukrajna u fis-Sirja.
Ħidmet Vladimir Putin ikkumplikat u fl-istess ħin ressqet lejn
tensjonijiet ġodda li qajmu r-rivalitajiet li ż-żmien tal-gwerra bierda ħafna
minna nafu sew x’sarrfet. F’mumenti
ħafna, speċjalment fil-kwistjoni tal-Krimea, ħassew li dak li ma seħħx
fl-Unjoni Sovjetika, kien ser isir issa.
Ma’ dan, il-kwistjoni tas-Sirja, bi ġlied qawwi fejn il-pendlu jiċċaqlaq
daqqa favur naħa u daqqa oħra. Ġustament
jew inġustament, dak li ġara proprju għax għadu mhux solvut, sab ruħu parti
mill-kampanja presidenzjali.
L-Unjoni Ewropea llum
5. L-inesperjenza fit-tmexxija futura
Amerikana ser tkun ta’ vantaġġ għal min irid ikompli jimxi f’din il-linja. Dan għax ma hemmx xi element differenti libih
nistgħu naraw tibdil fil-politika barranija Amerikana. Ma hemmx ħafna li huma konvinti li ser ikun
hemm xi intiża ġdida, jew xi ftehim fuq dawn iż-żewġ xenarji. U dan huwa iktar viċin tagħna fl-Unjoni
Ewropea milli naħsbu. L-ewwel għax
nikkordinaw ħafna mal-pożizzjonijiet li l-Istati Uniti tal-Amerika tieħu. It-tieni, għax il-preżenza Russa għal diversi
stati ex-sovjetiċi hija theddida.
It-tielet, għax il-kunflitt Sirjan ġieb miegħu xmara ta’ rifuġjati li
qed iħabbtu sew fuq il-partiti politiċi tagħha.
Ibħra xejn faċli
6. Fi ftit snin, il-karti fuq il-mejda nbidlu
sew u l-mazz ġie mħallat diversi drabi.
Hawn biżgħat ġodda. Sew politiċi,
kif ukoll ekonomiċi li qegħdin bil-mod tagħhom imissu mal-kurrent ħaj tal-ordni
u l-istabilità li lkoll irridu u nfittxu.
Il-mexxejja Ewropej li kellna ċertu konfort fihom issa huma wkoll qed
jagħrfu li m’għadhomx b’saħħithom bħal ma kienu. Angela Merkel fil-Ġermanja qegħda tħallas
prezz politiku f’dan. Franza bi François
Hollande ma tantx tista’ titqies bħala determinant. Ir-Renju Unit, bid-deċiżjoni li joħroġ
mill-Unjoni Ewropea. Jean-Claude Juncker għall-Kummissjoni Ewropea
li qiegħed isib ruħu b’ibħra xejn faċli u kompletament ġodda.
Allejanzi jinbidlu
7. Minn dan jidher iktar ċar li d-dinja li
konna mdorrija biha fl-erba’ snin li ġejjin ser tgħaddi minn ċertu taqlib. Jista’ jkun hemm min jipprova jieħu vantaġġ
fuq id-dgħjufija ta’ oħrajn, kif rajna jsir f’okkażjonijiet oħra fl-istorja
passata. Jista’ jkun ukoll li ser naraw
fatturi ġodda ta’ stabilità u ordni li jieħdu iktar rilevanza u
importanza. Allejanzi li drajna jafu ma
jibqgħux kif kienu. Toroq u metodi li
kellna jafu jibdlu l-mira tagħhom. Forsi
stati li sa ftit ilu, bħall-Indja u l-Brażil, għad isibu spazju għal sehem
ikbar milli kellhom, iktar u iktar fl-assenza ta’ ħaddieħor.
Sehem Xi Jinping
8. Li jkun jaf iktar determinanti huwa s-sehem
li ċ-Ċina, immexxija minn Xi Jinping, taf bih iċċaqlaq iktar ‘il quddiem. Għandha għad-dispożizzjoni tagħha sitwazzjoni
li mit-Tieni Gwerra Dinjija qatt ma kellha f’idejha. Nafu li preċdentement ittieħdu diġà
deċiżjonijiet li fuqhom tista’ tkompli timxi.
Il-pożizzjonijiet li ġew meħuda sarrfu f’politika barranija li hija xiehda
ta’ stat li qiegħed jissoda iktar lilu nnifsu.
Fuq naħa hemm rabtiet ma’ pajjiżi varji li qabel ma konniex nimmaġinaw
li ser isiru, speċjalment fil-kamp ekonomiku.
F’din il-linja, is-sehem ta’ dan il-pajjiż ser ikun iktar u iktar wieħed
li minnu d-dinja ser tiddependi għall-istabilità u l-ordni.
Il-Pedamenti Veri.
9. Il-fatt li dan il-mexxej trawwem u tbaskat
minn żmien twil ilu fil-politika hija f’dan iktar vantaġġjuża. Għax mexxejja jista’ jkun li jitwieldu, imma
iktar minnhekk iridu jiġu mbaskta u mrawma.
Il-politika, kif l-esperjenza turina, titlob ħafna iktar mill-abbiltà li
tagħmel il-flus fil-karriera li tagħżel.
Din il-ħidma umana neċessarja tiddependi għas-suċċess tagħha
mill-preparazzjoni, esperjenza u direzzjoni ċara tal-mexxejja tagħha. Dawn huma l-pedamenti veri. Proprju għalhekk nemmen li partit politiku
jibqa’ rilevanti għas-soċjetà, jibqa’ wieħed li jassigura l-ordni u
l-istabilità jekk ikollu ideoloġija u linja politika bażata fuq valuri li ma
jintilfux maż-żmien. Fl-assenza ta’ dan
irridu nkomplu nippreparaw rwieħna għal xenarji u sitwazzjonijiet kompletament
ġodda li ma jwasslux lejn l-ordni u l-istabilità.
No comments:
Post a Comment