9.11.16

Opportuniżmu, korruzzjoni u demokrazija




1.      Kienet ilha ġejja u sejra dawn l-aħħar ġimgħat.  Nhar il-Ħamis ingħatat deċiżjoni mill-Qrati fl-Ingilterra li għandu jkun il-Parlament li jiddeċiedi dwar il-ħruġ tar-Renju Unit minn ħdan l-Unjoni Ewropea.  Deċiżjoni li għandha żewġ effetti diretti.  L-ewwel fuq il-kwistjoni.  Il-Gvern Ingliż immexxi minn Theresa May irid jissottometti ruħu għal dak li ser jidderieġi l-Parlament fid-dibattitu u fid-diskussjonijiet li fih jistgħu jsiru.  Pass li huwa għaqli għax deċiżjoni bħal din, bl-effetti tagħha aħjar tittieħed b’attenzjoni fejn ir-responsabbiltà tiġi maqsuma bejn il-membri u l-grupp parlamentari.  Djalogu u proċess iktar trasparenti u fil-miftuħ.

Tħaddim korrett

2.      It-tieni, għax din id-deċiżjoni affermat mill-ġdid li l-istruttura demokratika taħdem.  Li fit-tlett organi tal-Istat hemm bilanċi u kontrolli li jassiguraw proċess tajjeb.  Wieħed li jassigura li ebda waħda minnhom it-tlieta ma hija iktar b’saħħitha mill-oħra.  Anzi, fil-każ li qed naraw, il-ġudikatura uriet iktar u iktar li fl-aħħar tal-ġurnata hija hi li tiddefendi u tassigura t-tħaddim korrett tas-sistema kostituzzjonali demokratikament mibnija.  Il-politiċi Ingliżi fl-Eżekuttiv jistgħu jiddejqu jew jilmentaw.  Imma lkoll nafu li l-Qrati, f’kull Stat modern, huma mhux biss difensuri tal-Kostituzzjoni, iżda wkoll tad-demokrazija.

Komplikazzjonijiet

3.      Biss, il-piż demokratiku mhuwiex fuq dik l-istituzzjoni waħdeha.  Huwa wkoll fuq it-tnejn l-oħra.  Il-Parlament u l-Eżekuttiv għandhom fuqhom l-obbligu li jaġixxu u jużaw strumenti, metodi li huma konformi mad-demokrazija.  F’kull forma ta’ politika, il-poter legali appartenenti lilha huwa determinanti, imma iktar minn hekk huwa l-mod korrett jew inkorrett li bih tiġi mħaddma.  Il-poplu tkellem sija fir-referendum, però daqshekk ieħor tkellem f’min għażel biex jirrappreżentah fl-elezzjonijiet ġenerali.  L-eżitu finali ħadd ma jista’ jkejlu minn issa.  Jidħol iktar il-fatt li jekk preżentement hemm sitwazzjoni xejn ċara, issa tista’ tikkomplika ruħha ferm iktar.

Lezzjonijiet

4.      Il-Gvern jista’ jirrikorri lejn appelli u konfrontazzjoni għax jibża’ li fil-Parlament hemm maġġoranza magħmula minn membri taż-żewġ naħat li huma kontra l-Brexit.  Id-dewmien mhuwiex tajjeb għall-ekonomija ta’ dak il-pajjiż.  Għalhekk l-għażliet ma huma faċli xejn.  Dan dejjem iktar jekk wieħed ma joqgħodx attent u ma jimxix fil-linja korretta.  Minn dak li qiegħed nara, kif sejrin l-affarijiet dan ser ikun eżami xejn faċli biex l-istituzzjonijiet jgħaddu minnu.  Wieħed li qiegħed jiftaħ ukoll baħar ta’ dibattitu dwar il-vantaġġi jew l-iżvantaġġi ta’ deċiżjonijiet meħuda f’referendum.  Ċert li politiċi ta’ dawn iż-żminijiet ser jieħdu lezzjoni jew tnjen minn dak li qiegħed jiġri.

Dmir nazzjonali

5.      F’dawn il-gżejjer aħna wkoll għandna x’nieħdu minn dan kollu.  Forsi l-iktar bżonn huwa li l-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna jagħrfu li huma parti essenzjali u sħaħ tad-demokrazija.  Jekk min għandu fuq r-responsabbiltà ma jaġixxix skont dik il-linja, allura jkun huwa stess qiegħed jimmina direttament jew indirettament din is-sistema.  Għax huma dmir nazzjonali li min ikun maħtur f’dawn il-pożizzjonijiet irid jagħmel il-parti tiegħu u ma jħallix l-affarijiet għaddejja.  Għandu jkun attent fuq l-oħrajn, imma daqshekk ieħor fuqu nnifsu.  Dan jgħodd speċjalment fiż-żminijiet tagħna fil-Parlament fejn l-Eżekuttiv u l-Leġislattiv jiltaqgħu u jitħalltu.

Miet il-partit

6.      Dan kollu jagħmel iktar sens u loġika fil-kuntest lokali.  Il-kliem li rajna tul din il-ġimgħa fil-ħarġa tal-Erbgħa ta’ In-Nazzjon, miktuba minn ex segretarju tal-ex Prim Ministru Dom Mintoff: “Il-partit ġie maqtul ... Issa għandna l-Moviment, għaqda ta’ opportunisti, korrotti” jidħlu f’dan ukoll.  Il-poplu f’dawn il-jiem qiegħed jifhem iktar u iktar dan il-messaġġ u qiegħed iktar u iktar jaqbel miegħu.  F’dan it-tlett snin rajna wisq każijiet fejn ir-regoli tajba u legali ġew injorati kompletament.  Smajna b’wisq każijiet ta’ direct orders, ta’ kuntratti li ma jiġux ippubblikati, ta’ aġir li jqajjem suspett fih innifsu.  Hemm f’dan issa sejħa demokratika ikbar minn qabel sabiex dak li għaddej ħażin jiġi kontrollat u mibdul.

Iktar gravi

7.      Id-demokrazija trid ħafna biex titħaddem korrettement.  Imma meta jkun hemm minn fost il-poplu li mhux biss jaħseb, imma jiddikjara li qiegħed jitmexxa minn għaqda ta’ opportunisti u korrotti, allura is-sitwazzjoni hija verament iktar gravi milli jaħsbu.  Il-poter huwa mogħti mill-poplu lil min jiġi jew elett jew magħżul u f’isimhom irid jiġi amministrat.  Proprju għalhekk li huwa iktar u iktar importanti li nieħdu ħsieb naraw kif id-demokrazija qegħda titħaddem.  Fir-Renju Unit, minkejja d-diffikultajiet u l-kumplikazzjonijiet, l-istituzzjonijiet qed jaħdmu kif għandhom.  Nittamaw li dawn il-lezzjonijiet jaslu hawn u jittieħdu.  Dan il-poplu jixraqlu jgħix f’soċjetà demokratika, fejn min imexxi ma jittollerax la opportuniżmu u wisq anqas korruzzjoni.


No comments:

UNJONI EWROPEA U L-KUNSILL TAL-EWROPA - LAQGĦAT

22088. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI   staqsa lill- Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ: Jista...