1. Din is-soċjetà hija magħmula minn dawk li
għandhom u minn dawk li m’għandhomx.
Il-Partit Nazzjonalista huwa wieħed li jirrappreżenta s-soċjetà kollha,
il-klassijiet ġejjin minn fejn ġejjin.
Għalhekk jagħraf il-ħtiġijiet tagħhom u jipprova jkun katalist
għall-bidliet li għandhom bżonn. Iktar u
iktar f’dawn iż-żminijiet fejn dawk li huma minn fuq qed jitilgħu iktar malajr
u dawk li m’għandhomx neżlin biċċa biċċa.
Id-dmir tagħna huwa li nsemmgħu leħinna fil-pajjiż, fl-istituzzjonijiet
demokratiċi u ninsistu li jittieħdu passi veri li jagħmlu differenza f’ħajjet
il-bnedmin. Nitkellmu favur u f’din
il-linja nkomplu proprju għax idejna hija fuq il-polz.
Il-ġid mhux jasal għand kulħadd
2. Ma tlifniex mill-kuntatt ma’ dawk li
nippruvaw nirrappreżentaw. Nifhmu dejjem
iktar li hemm sejħa, anzi għajta qawwija li ġejja minn dawk li jridu jissieltu
sew biex ilaħħqu mal-ħajja. Din il-vuċi,
wara tlett snin, dan il-Gvern qiegħed forsi fl-aħħar jibda jiddeċiedi li ser
jibda jagħti każ tagħhom. Imma r-realtà
hija li dak li tressaq fil-Baġit m’huwiex bla ebda mod biżżejjed. Jidher mod, mentri meta ser niġu fir-realtà
tal-affarijiet, ser insibuh mhux adegwat.
Għax il-ġid nazzjonali li qiegħed jiġi ġġenerat mill-magni ta’ ekonomija
b’saħħitha mhux qed jitqassam b’ugwaljanza u b’ġustizzja. Fuq kollox, mhux minnu li l-ġid qiegħed jasal
għand kulħadd. Anzi, qiegħed jibqa’
għand uħud li l-Gvern komdu magħhom.
Frak
3. Dan iktar wara l-aħħar ġimgħa fejn
il-Baġit wera li l-passi msejħa “soċjali” huma biss frak. Minn but l-Istat nafu li hemm numru sew li
qegħdin igawdu minn pakketti ta’ salarji ġenerużi, menti hemm oħrajn li
m’għandhomx din ix-xorti. Fil-Baġit
smajna lkoll li fl-ewwel nofs ta’ din is-sena tħallsu erba’ mija u tlieta u
erbgħin miljun ewro (443 miljun ewro) iktar f’pagi, jew 28% aktar mili tħallsu
fl-istess żmien fl-aħħar sena tal-amministrazzjoni preċedenti. Jekk dan huwa minnu, id-domanda naturali li
tqum hija: min ħa minnhom? Żgur li mhux
id-diversi persuni li qegħdin, għat-tielet sena skorruta u konsekuttiva, jgħixu
fil-prekarjat. Jgħixu f’pożizzjonijiet
ekonomiċi li jew iridu xogħol prinċipali u wieħed part-time jew tnejn part-time
biex jippruvaw ikampaw.
Liberal-kapitaliżmu
4. Il-problema hija verament fil-linja u
l-politika soċjali li dan il-Gvern iddeċieda li jħaddan. Waħda li ma għandha x’taqsam xejn, la
mas-soċjaliżmu ta’ Marx, Engels u Lenin, anqas mas-soċjal-demokrazija ta’ Olaf
Palme. Hija waħda purament liberali fejn
il-kapitaliżmu huwa mħaddem fl-agħar forma tiegħu. Ma hemmx għarfien veru fit-tbatija tal-klassi
ta’ isfel nett. Għax m’humiex fuq
il-prijorità tal-Gvern li jiddefendihom, anzi minflok qed naraw kampanja
sistematika sabiex tnaqqas mingħajr rispetti dawk li verament jiddependu
mill-għajnuna soċjali. Kellna saħansitra
l-aħbar ferħana tal-istess tmexxija tgħidilna kemm inqatgħu niex mis-suppost
“dipendenza”.
Irnexxielna niffrankaw
5. Kieku l-Gvern għandu idejh fuq il-polz
jagħraf li hemm diversi persuni f’din is-soċjetà li huma ġenwini u li qed isibu
ruħhom imneħħija. Bnedmin li jsibu
ruħhom iridu jikkumbattu s-sistema biex jieħdu dak li stat progressiv u soċjali
għandu jipprovdilhom. Dawk li jridu
jidhru quddiem arbitri u qrati jissieltu kontra l-kurrent u l-istituzzjonijiet
biex jgħixu ħajja deċenti bil-ftit benefiċċji.
Bnedmin li għalihom ta’ qabilna, proprju għax kienu ġejjin mhux
mill-klassi sinjura imma minn fost il-poplu, għaddew liġijiet biex
jipproteġuhom. Minflok, għall-ewwel
darba smajt fil-Baġit ministru jiftaħar li tant tneħħew niex mill-għajnuna
soċjali li issa: “Gawdew it-taxpayers għax irnexxielna niffrankaw il-miljuni fi
spiża rikurrenti”.
Soċjaliżmu ta’ taħt fuq
6. Każ ċar ta’ soċjaliżmu ta’ taħt fuq fejn
dawk li m’għandhomx jitteħdilhom saħansitra l-ftit li għandhom. Il-kontra ta’ dak li ried Karl Marx. Flok min għandu jaqsam ma’ min m’għandux,
issa għandna politika l-kontra. Mhux
inqassmu b’mod intelliġenti biex ta’ taħt jimxu ‘l quddiem, imma l-kontra. Iktar u iktar fid-dinja tax-xogħol li hija
dominata iktar minn forzi liberali-kapitalisti.
Skont il-Gvern: “L-eluf li ħarġu mid-dipendenza fuq l-assistenza
soċjali, għax dawn issa qed jaħdmu bi qligħ u qed jibnu ħajja aħjar”, mentri
l-verità hija proprju l-kontra. Dawk li
jsibu l-bieb tal-Istat imbarrat u barra jridu jfendu f’suq tax-xogħol fejn għax
is-suq qed isuq fejn jaqbillu jafu li mhux qed jibnu ħajja aħjar, u wisq inqas
qed jagħmlu s-suppost “qligħ”.
Abbandun tar-responsabbiltà soċjali
7. Dan iktar u iktar meta issa għandna 31/568
persuna li m’humiex Maltin jaħdmu fis-suq tax-xogħol tagħna. Żieda ta’ xejn inqas minn 25% f’sena
waħda. F’sitwazzjoni ekonomika fejn
il-Gvern ilu jabbanduna r-responsabbiltajiet soċjali tiegħu. Fejn fuq naħa jagħlaq għajnejh għal dak li
għaddej, u fuq l-oħra widnejh għall-karba ta’ min jitlob li din is-sitwazzjoni
tiġi affrontata għas-sewwa. Mhux biss:
issa d-doża żdiedet f’dan il-Baġit għax għall-ewwel darba bdejna nisimgħu
l-ftaħir li jdarras ta’ kemm “Malta qed tattira l-barranin lejha għax għandha
x-xogħol x’toffrilhom”. U dan għax
suppost li “l-ekonomija ħolqot iktar postijiet tax-xogħol iktar milli hawn
Maltin lesti li jimlewhom, tant li qed ikollna nġibu n-nies minn barra biex
ir-ritmu ekonomiku jkompli sejjer”.
Kollox l-istess
8. Flok qed naraw Gvern li qiegħed jistudja
kif iżid id-dħul lill-ħaddiem Malti, qiegħed bl-iskuża li għandna ħafna suppost
“għażżenin” idaħħal minn barra minn xtutna lil min lest li jaħdem bil-kundizzjonijiet
l-iktar baxxi. Saret farsa totali kif,
is-suppost miżura li tħabbret is-sena li
għaddiet li biex kumpannija timpjega ħaddiema mhux Maltin trid tagħmel avviż fil-gazzetti
lokali. Dak li tħabbar bħala forma ta’
attenzjoni u kontroll sar timbru għall-ftuħ totali. Flok qed nassiguraw salarju u kundizzjonijiet
deċenti għall-ħaddiema Maltin qed nissudaw iktar il-qligħ lil ċerti kumpanniji
li jaqilugħa tajjeb.
Favur iċ-ċittadin tagħna
9. B’dan il-muviment fis-suq qed jiġi
assigurat l-immobiliżmu u l-għarfien li s-salarju ser jibqa’ fejn huwa. Anzi, proprju kif rajna tant tajjeb
bil-manuvri varji li saru bil-kumpannija Dr La Rue, il-kundizzjonijiet u
l-pakkett tas-salarju niżlu. Dan għax huwa
ċar li min qed iħaddem qiegħed jifhem li l-Gvern m’huwiex lest li jiċċaqlaq
biex jiddefenti ‘l-ħaddiem u jżomm dan milli jsir. Min għandu l-polz tal-poplu għandu jagħraf
dan u jaħdem biex jibdlu, u mhux iħallih kif inhuwa. Proprju għax il-Partit Nazzjonalista għandu
jdejh fuq il-polz li qiegħed isemma’ leħnu favur dawk li qegħdin ‘l isfel, li
huma ċittadini Maltin onesti u biżlin biex il-ġid nazzjonali jitqassam
b’ġustizzja.
No comments:
Post a Comment