1. Il-bnedmin jingħaqdu f’soċjetà biex fiha
jirrenjaw is-sewwa u l-ġustizzja. Jafu
però li fosthom ser ikun hemm min jimmira għat-tajjeb u min jiddiletta
bit-twettiq ta’ dak li hu żbaljat. Li
flok ikun strument għall-ġid, għas-servizz tal-oħrajn, ikun minflok wieħed li
jrid japprofitta ruħu f’atti ta’ illegalità u irresponsabbiltà. F’kull żmien, f’kull soċjetà, ikun hemm din
it-taħlita. Ħidmet min imexxi poplu huwa
f’dan proprju li jikkontrolla u jrażżan lil min huwa determinat iwettaq atti
ta’ kriminalità u korruzzjoni, u fuq in-naħa l-oħra li jissoda ħidmet
it-tajjeb.
Il-valuri li nħaddnu
2. Hemm f’dan varjetà fil-bnedmin u
fis-soċjetajiet. Hemm min ikun minnu
ħalliel u hemm min jiġi mħajjar isir hekk.
Bħal ma hemm min huwa mdorri jgħix mal-ħażen u min jiġi mġiegħel jidra
l-ħażin. Proprju għalhekk li huwa dejjem
ċentrali li f’kull soċjetà, min imexxiha jkun huwa mgħarraf u determinat jieqaf
u jikkumbatti dak li huwa żbaljat.
Il-kwalità tal-politiku, il-valuri li jħaddan, il-kejl tiegħu bejn dak
li jgħid u dak li jwettaq huma hawn essenzjali.
Għax hemm effetti negattivi li jmissu u jolqtu direttament il-kwalità
tal-ħajja tal-bnedmin f’soċjetà minħabba l-korruzzjoni. Effetti li qegħdin narawhom iseħħu
fis-soċjetà tagħna llum minn tmexxija politika li qed tħalli ħafna għaddej,
qisu m’huwiex ħażin fih innifsu u għaliha.
Vuċijiet fid-deżert
3. Aħna li m’aħniex ġewwa l-magna
tal-amministrazzjoni ilna nisimgħu u naraw atti żbaljati, ta’ korruzzjoni jsiru
li jdejquna. Biss, irridu nammettu li
aħna ma nafux x’aktar hemm għaddej ġewwa.
Kemm hemm każijiet oħra li seħħew u għadhom ma rawx id-dawl tax-xemx
tal-informazzjoni pubblika. Imma issa,
wara li għaddiet nofs il-leġislatura, irridu naċċettaw li hemm bnedmin ta’
rieda tajba li m’humiex segwaċi tal-Partit Nazzjonalista li xebgħu u bdew
isemmgħu leħinhom fuq dan. Bdew jaqtgħu
ruħhom barra mill-atti żbaljati ta’ din l-amministrazzjoni li, sfortunatament,
tippermetti lilha nfisha tgħix magħhom.
Uħud direttament, oħrajn inqas.
Biss, il-linja qegħdin jimmarkawha.
Bnedmin li l-Gvern jagħmel tajjeb li jifhem li m’humiex vuċijiet
fid-deżert.
Promise Heaven on earth
4. Ftit jiem ilu, ma’ dawk li tkellmu u kitbu
saħansitra kotba qrajt dak li kiteb, għalija messaġġ ċar kristall, John Cassar White. Huwa, fost l-oħrajn, qal hekk: “Politicians
who promise heaven on earth when not in power but then fail to deliver the
goods earn the scorn of decent people who see the quality of their lives
deteriorate as a result of unemployment, widening gaps between the haves and
the have nots, and stories of political sleaze”. Proprju għax ilkoll nafu li f’soċjeta li
tippermetti u tagħlaq għajnejha għall-korruzzjoni, l-effetti ħżiena jitkattru. Jiżdiedu u jsiru inkontrollabbli. Jekk tmexxija tippermetti aġir żbaljat
fil-konfront ta’ persuna tispiċċa tħalli għaddej dak li jwettaq ħaddieħor. U hawn aħna wasalna f’din il-pożizzjoni fejn
xtered velenu soċjali li qiegħed imewwet il-forza tas-sewwa fi ħdan il-Gvern.
Trażżan fl-għeruq tagħha
5. Il-punt illum huwa proprju dan: li l-forza
soda biex tikkumbatti għas-sewwa mhix hemm.
Kull tmexxija tista’ taffronta sitwazzjonijiet simili. Tista’ ssib ruħha f’pożizzjoni fejn kien hemm
min abbuża mill-poter u mill-fiduċja li wieħed jagħti. Proprju għax il-bnedmin m’humiex magħmula
minn anġli tajba li dawn is-sitwazzjonijiet, inevitabilment jiżviluppaw. Imma politiku jintagħżel minn ieħor minn kemm
huwa preparat jikkumbatti biex l-illegalità, il-korruzzjoni u l-kriminalità
jiġu mrażżna u mhux tollerati bl-għeruq u x-xniexel tagħhom. Għandna eżempji varji fl-istorja politika
tagħna fuq dan. Ilkoll nafu li
l-Gvernijiet Laburisti tas-snin sebgħin u tmenin fallew f’dan l-eżami u tilfu
żewġ elezzjonijiet infila.
Smooth-talking
6. Dan fih piż doppju. Għax huwa gravi li politiċi Laburisti ġodda
qed jaqgħu f’dan il-foss. Però huwa ferm
u ferm iktar gravi li dawk passati, li terġa’ kienu forom ta’ bandieri ta’
reżistenza, ta’ vuċijiet fix-xirka tad-dissens kontra dak li kien qiegħed jiġri
fi Gvernijiet Laburisti passati, huma stess qed iħallu l-affarijiet
għaddejja. Dawk li l-iktar li tkażaw u
ppontifikaw, ħafna ppretendew li atti ta’ korruzzjoni jiġu minnhom imfarrka,
mikxufa u mrażżna. Imma l-istorja
tal-lum hija kompletament differenti. U
fuq dan ikolli nkompli naqbel kompletament ma’ dak li żied John Cassar White:
“I fear more the smooth-talking politicians who prefer to be surrounded by spin
doctors and manipulate the media to depict then in favourable light with the
electorate”.
Tardare si
7. Għax is-sitwazzjoni fil-pajjiż hija
verament gravi. Hawn wisq
korruzzjoni. Wisq bnedmin
fl-amministrazzjoni li moħħhom biss kif ser iħaxxnu bwiethom. Ta’ nies li m’humiex lesti li joqogħdu
għall-valuri bażiċi tad-demokrazija u jirrispettaw is-sistema tal-liġijiet
tagħha. Li, anzi, jridu jgħawġu l-fatti
u jduru mal-liġi biex mingħalihom jieħdu vantaġġ politiku. Il-Gvern qiegħed ifalli f’dan l-eżami. Il-poplu dan jafu u jagħrfu. Jaf li l-arroganza tal-poter qegħda twassal
għal dan għax il-Gvern jaħseb li tant għandu voti li xejn ma jista’
għalih. Imma tardare si, scappare no.
Illum u għada l-messaġġ qiegħed jidher iktar u dan qiegħed jibdel
l-opinjonijiet tan-nies.
Tafdax biex ma tħallilx
8. Fil-lingwa sinjura u sabiħa tagħna għandna
l-kelma “ħalliel” għal min jisraq u għandna wkoll dik ta’ “ħallel” għal min
iħalli jew iġiegħel lil min isir hekk.
Differenza importanti ħafna, speċjalment għal min ikun fil-poter. Għax bnedmin li jridu jieħdu dak li jafu
sewwa li ma ħaqqhomx ħa nsibu. Biss,
hemm daqshekk ieħor dawk li lesti li jiġu ittantati meta jaraw li ma hemmx
kontroll u attenzjoni. Proprju għalhekk
li għandna iktar u iktar każijiet minn normal.
Għax dawn iż-żewġ kategoriji ngħaqdu u tkattru. Hekk ser jibqgħu jekk xi ħadd ma jqumx, ixomm
ir-riħa tal-kafè li ried oħrajn jagħmlu, u jifhem li dan kollu ġiebu
b’idejh. Mill-bank tal-Oppożizzjoni
nistgħu biss nikxfu dak li jiġi għal għandna u nfakkru b’saħħa lill-poter
preżenti dak li b’għaqal kienu qalu missirijietna: “Tafdax biex ma tħallilx” u
għalhekk ħaqqaq ‘il-korrott, imxi bil-ġustizzja.
No comments:
Post a Comment