23.10.20

Mhux negozjabbli.

 

 

1.      Il-prinċipji mhumiex negozjabbli.  Jistgħu jkunu punti strateġiċi jew metodoloġiċi oħra, imma dak li nemmnu fih, kif jintilef, nintilfu aħna wkoll miegħu.  Hemm melħ fundamentali fi ħdan il-Partit Nazzjonalista li, kif jintrema jew jitqiegħed fil-ġenb, tispiċċa r-raġuni tal-eżistenza tiegħu.  Partit jibqa’ jiġi rispettat għax għandu linja ċara u soda li jibbaża d-direzzjoni politika tiegħu fuqha.  Meta anqas huwa stess ma jibda jifhem dan, allura tonqoslu l-istima esterna w interna.  Dan mhuwiex il-partit tal-ideat ġenerali.  Jew inkella ta’ dak li waħdek tridu int li jkun.  Għandu tiegħu, u għalhekk għandu valur fis-soċjetà.  Tista’ tagħżel li tivvutalu f’elezzjoni, imma dan ma jfissirx li b’daqshekk, biddiltu.

 

X’aħna

 

2.      Il-Partit huwa wieħed Demokratiku Kristjan.  Huwa hekk mhux b’impożizzjoni, imma b’għażla li saret fit-twaqqif tiegħu.  Waħda li għadha valida sallum.  Waħda li għadha parti sħiħa mill-istatut tagħna.  Waħda li għadha valida u rilevanti.  Waħda li, però, ħafna jiġġudikawha mingħajr m’għandhom idea fuqdak li qed jitkellmu dwaru.  Waħda li tiġi disprezzata minn dawk li huma nfluwenzati żżejjed mill-politika kif issir f’pajjiżi fejn ma kellhomx din l-esperjenza politika.  Jekk hemm min irid jagħmel mill-Partit wieħed konservattiv, liberali, lemini ta’ kull sfumatura, jersaq sabiex jibdlu u jiżnaturah.  Ma jkunx il-partit li kien – ikun ġabra ta’ ideat imħallta, mingħajr direzzjoni.

 

Jippontifikaw

 

3.      Il-ħidma fil-Partit u mal-poplu turi anzi dejjem iktar li l-elettorat Malti jrid dawn il-prinċipji demokratiċi Nsara mingħandna.  Meta morna għall-appuntamenti elettorali fejn ma konniex ċari, jew ippruvajna nuru li aħna naqblu ma’ pożizzjonijiet oħra, mhux proprju tagħha, tlifna.  Il-pajjiż jivvota iktar bil-qalb għal min, anke jekk ma jaqbilx miegħu, jaf li huwa leali lejn il-prinċipji tiegħu.  Jarah li jemmen u jwettaq dak li jemmen fih, u mhux jipprova jkun kollox għall-elettorat barra dak li huwa mistenni minnu li jkun.  Fl-aħħar elezzjoni ġenerali, il-Partit ipprova jdaħħal dożi qawwija u jkun wieħed liberali.  Kien hemm min ra f’dan “progress”, għax ma kellux idea jew għarfien tal-ideat politiċi li nirrappreżentaw.  Il-kontra ta’ dan ma kienx il-konservattiviżmu.  Demokristjani ma jistgħux ikunu la liberali u anqas konservattivi. Għandhom triqathom.  Mhux biss, anzi pprova wkoll ikun dak li ż-żmien wera li f’dan il-pajjiż ma rnexxiex.  Triq tmiss ir-realtà tal-persuni li tiltaqa’ magħhom, jum wara jum, tħabbat il-bibien ta’ darhom biex tifhem.  Artikli f’gazzetti oħra minn min huwa maqtugħ minn din ir-realtà ma jagħmlux stat ta’ fatt – iqajmu d-dibattitu lejn, nittama, is-sewwa.

 

Elezzjonijiet Presidenzjali

 

4.      U qisu rridu nimitaw il-kontra ta’ dak li huwa għaddej.  L-elezzjonijiet presidenzjali li għaddejjin fl-Istati Uniti tal-Amerika huma xhieda iktar qawwija ta’ kemm il-valuri Nsara huma importanti.  Għal darb’oħra, min se jivvota għal kandidat jew ieħor qiegħed jara warajh mhux biss il-partit, imma prinċipji li mhumiex negozjabbli. Is-sostenituri liberali f’dak il-pajjiż u fl-Ewropa mhumiex jindunaw li qegħdin isiru forza ta’ oppressjoni fuq dawk li ma jaqblux magħhom.  Forza li ma tittollerax, anzi teskludi ideat Insara u trid li jiġi dikjarat li dak li qed tgħid hi rridu nsegwu ta’ pieni u multi.  Tista’ ċertament ma taqbilx ma’ diversi punti mill-politika tal-President Donald Trump, imma d-Demokratiċi mhumiex iwieġbu kif għandhom għall-isfidi elettorali.  Mhux jifhmu li jridu jiċċaqilqu mill-estremiżmi li daħħlu lilhom infushom fihom.

 

Mhux biżżejjed

 

5.      F’dan il-mument, jista’ jkun li mhuwiex biżżejjed li jitressaq kandidat Kattoliku min-naħa Demokratika. Joe Biden, li ħaqqu rispett f’dak li wettaq f’ħajtu, ma jistax jaħrab mill-fatt li jirrappreżenta, f’għajnejn l-elettorat, amministrazzjoni preċedenti mmexxija minn Barack Obama.  Waħda li n-nuqqasijiet tagħha ġiebu ‘l-Partit Repubblikan fil-poter.  Waħda li għamlet żbalji ideoloġiċi li parti sew mill-poplu ma jaċċettax.  L-abort huwa proprju dan.  Il-leġislazzjoni reċenti li tippermetti l-qtil ta’ tarbija fl-aħħarnett tat-tqala, ma tista’ qatt tiġi aċċettata minn min huwa favur il-ħajja.  Il-President Trump qiegħed juża dan u jibgħat il-messaġġ li huwa qiegħed iwettaq politika li hija kontra l-abort u favur il-ħajja.

 

Il-Qorti Suprema

 

6.      Dan il-bieb għall-abort infetaħ b’sentenzi li ngħataw mill-ogħla Qorti fil-pajjiż.  L-ewwel waħda, ‘Roe v. Wade’, id-Demokratiċi sostnew dan billi assiguraw li kull darba li kien hemm huma, ħatru mħallfin li jaqblu ma’ dik il-pożizzjoni.  F’dawn l-aħħar erba’ snin, il-Partit Repubblikan ġietu l-opportunità u biddel il-maġġoranza interna.  Hem issa aktar imħallfin favur il-ħajja, milli l-kontra.  Mhux biss, imma bil-mewt tal-Imħallef Ruth Bader Ginsburg, f’dawn il-jiem l-okkażjoni żdiedet.  Huwa qiegħed jipproponi lil Amy Comey Barett, li hija mħallef Kattolika u li hija kontra l-abort.  Nomina li jidher li ser tinħatar f’dawn il-jiem.

 

Valuri

 

7.      Jista’ jkun li ser ikun hemm proċess ta’ bidla f’dan, f’dak il-pajjiż.  Jista’ jkun ukoll li l-elettorat ser jagħti t-tieni mandat lill-President Donald Trump.  Imma l-punt jibqa’ li l-prinċipji mhumiex oġġetti.  Dawn tal-aħħar tista’ tixtrihom, tbigħhom u tipprova tinnegozja għalihom.  Imma meta l-bniedem jipprova jwettaq l-istess bil-prinċipji, allura jkun qiegħed iwaqqa’ u jċekken lilu nnifsu.  Kif, u x’linja politiku jieħu lejn il-prinċipji, ma jibdlilhomx is-sustanza.  Jekk, però, jipprova jwarrabhom jew jinnegozjahom, jitlef biss lilu nnifsu.  L-istorja tal-bniedem, dan kollu tgħallmu għal min irid jifhem.  U din uriet li l-prinċipji mhumiex negozjabbli. 

 

 

Is-Sewwa jibqa’ s-Sewwa.

 

 

1.    Dak li huwa sewwa ma jinbidilx skont iċ-ċirkostanzi jew il-konvenjenza.  Politika li hija bbażata fuq it-twettiq ta’ dak li huwa sewwa, proprju għalhekk li tibqa’ ħajja.  Proprju għalhekk li, fiż-żmien, tirbaħ u tegħleb dak li l-eventi umani jqajmu.  Dak li jinbet fis-sikrana ma jvinċix fiż-żmien, imma llum jew għada jkollu jċedi.  Anki jekk dik il-pjanta tidher kbira u soda, il-ħajja tneħħilha saħħitha, u anzi, kif naraw, kienet il-politika ċara tal-Gvern li tiċħad dan.  Politika li wasslet lilha nfisha biex taħseb li huwa permess li tilgħabha bejn il-verità u dik li mhix, bejn il-ġustizzja u l-inġustizzja, is-sewwa u d-dak li mhuwiex.

 

Relattività

 

2.    Ma hemmx relattività fil-verità.  Din hija unika.  Trid tinkiseb.  Trid issir magħrufa.  Trid min ifittixha.  Imma ma tfissirx li hija ambivalenti jew dispensabbli.  Tul is-snin preċedenti, wieħed irid jgħid li l-politika tal-Gvern Laburista mmexxija minn Joseph Muscat ħadet direzzjonijiet żbaljati fuq dan.  Kien ġieb ħafna ammirazzjoni dwar il-metodu li bih aġixxa fil-politika Maltija.  Ir-riżultati elettorali ma jiġux mix-xejn.  Kien kapaċi jifhem u jaffronta diversi pożizzjonijiet personali li l-bnedmin fis-soċjetà kellhom.  Biss, dan sar fil-kuntrast ta’ ideat politiċi li marru kontra dak li diversi jaraw u jħossu fil-kuxjenza tagħhom li huwa sewwa.

 

Is-Soċjetà tagħna

 

3.    Is-soċjetà tagħna għandha, u tħaddan, diversi valuri tas-sewwa ġewwa fiha.  Ħafna ġew mill-wirt li l-prinċipji etiċi Nsara għaddew.  Ħafna iktar, però, issawwru mill-esperjenzi umani.  Il-bnedmin fuq dawn il-gżejjer għaddew minn sekli ta’ jiem ta’ eżistenza, li minnhom siltu dak li huwa sewwa minn dak li mhuwiex.  Ma kienx hemm impożizzjoni, kif uħud li kienu attivi fil-Partit Laburista kienu jgħidu, imma aċċettazzjoni.  Il-bnedmin f’pajjiżna kienu jibqgħu kapaċi jinsġu d-destin tagħhom f’dak li għażlu fil-passat, fil-preżent u lejn il-futur.  Proprju għalhekk li ġew magħżula l-valuri fundamentali biex imexxuhom ‘il quddiem.  Anki jekk temporanjament ikun hemm min jista’ jidħak bihom fuq dak li qed jaraw u jħossu, xorta s-sewwa joħroġ.  Għax iż-żejt, għalkemm jieħu ħinu biex jitla’ f’wiċċ l-ilma, xorta ma jitħallatx miegħu.

 

It-tluq ta’ Muscat

 

4.    F’dan, proprju, il-pajjiż huwa b’ideat differenti.  Hem min ra ħidmietu bħala żbaljata, hemm min bħala korretta.  X’ser ikun il-ġudizzju tal-istorja, naħseb li jrid jgħaddi ċertu trapass ta’ żmien biex naslu għalih. Storja li mhix ser tinkiteb minn min “rebaħ”, imma minn min jista’ jidħol għal punti, fatti, effetti u konsegwenzi li bħalissa mhumiex jiġu għad-dawl.  Se jkun hemm il-bżonn li wieħed isib raġuni determinanti u spjegazzjoni aqwa ta’ x’wassal sabiex mexxej politiku li kellu, u sa ċertu punt għad għandu, popolarità, jinżel minn fuq il-pedestall tiegħu.  Hu li kien jipprova jikkalkula ħafna, sab li hemm venda li jrid jinżel fiha b’neċessità.

 

Il-Ħajja għandha triqitha

 

5.    Il-bniedem jista’ jipproponi, imma mhux jiddisponi.  Daħal ta’ ċertu età fil-politika, ġie mgħobbi b’responsabbiltà qawwija, ma kellux minn dik l-esperjenza essenzjali li takkumula u tiggwida f’moħħ kull politiku.  Kif rajna, kien b’saħħtu fil-messaġġ li kien kapaċi jwassal.  Kien, però, jiddependi fuq oħrajn f’dak li jrid jagħmel u jgħid.  Id-direzzjoni u l-boxxla interna li kellu ma kinux diretti lejn l-għarfien li mal-prinċipji tas-sewwa wieħed irid joqgħod attent li ma jilgħabx bihom.  Fil-“pakkett” sħiħ ta’ dak li rrappreżenta, ma kellux fis-sħiħ il-polx ta’ dak li huwa u jikkostitwixxi ‘l-poplu.  Biss, kif nafu, il-ħajja għandha triqitha, u għadda proprju f’dan minn eventi li huma uniċi fl-istorja politika ta’ pajjiżna.  L-effett kumulattiv, u forsi li mhux faċli li jinġieb lura, huwa li ma jistax jidħol lura.

 

Liġijiet żbaljati

 

6.    Fil-ħajja politika fil-gvern hemm ġabra ta’ deċiżjonijiet li tista’ tieħu.  Diversi jkunu ta’ direzzjoni, ftit ikunu leġislattivi.  Il-Liġi għandha tkun, u hija, għas-servizz fis-soċjetà.  Hemm min jemmen li biha wieħed jibdel in-natura ta’ kif soċjetà taħseb u tkejjel.  Hemm liġijiet li jsiru b’impożizzjoni, u ħafna oħrajn b’aċċettazjoni.  F’dan, il-Gvern Laburista, mill-2013, kellu għajta li jrid iwettaq firda li diġà kien hemm bejn l-Istat u l-Knisja.  L-impostazzjoni kienet li hemm xi forma ta’ dittatura ta’ ideat ġejja mill-Knisja.  Dan ma kienx minnu, u konna ilna snin twal li l-Istat jiddeċiedi kif irid.  Biss, f’dan spiċċa li ressaq liġijiet li ġew imposti f’soċjetà li ma kinitx, u mhix lesta li taċċettahom.

 

Abbozz 96

 

7.    Dan l-abbozz, li huwa marbut ma’ kunċetti strambi li jiddikjaraw li jridu jġibu l-Ugwaljanza, diversi fis-soċjetà qed jarawhom bħala impożizzjoni.  L-ideat rappreżentati huma żbaljati.  Ġejjin minn dak li qiegħed jiżviluppa bħala dittatorjata tal-liberaliżmu modern.  Mhux biss, imma hija proposta leġislattiva li mhix verament neċessarja.  Fis-soċjetà, diversi huma dawk li qegħdin iqumu sabiex isemmgħu leħinhom fuq l-inġustizzji li din il-liġi ser iġġib f’isem is-suppost ugwaljanza.  Nittama li l-Gvern jagħti widen għal dan.  Għax pajjiżna għandu wirt uniku li ma jistax jinbidel b’liġijiet li ma naqblux magħhom.  Għax is-Sewwa jibqa’ s-Sewwa u l-bniedem, jagħmel x’jagħmel, ma jistax jibdlu.

 

 

 

Soċjetà ġusta u iktar umana.

 

 

1.      Il-Pandemija hija u ilha magħna għal ferm iktar żmien milli wħud setgħu ħasbu jew ittamaw.  Ma telqitx kif ħaseb, u tana x’nifmu li ser jiġri, il-Gvern.  Baqgħet magħna, u f’dawn il-jiem kompliet iżżid.  Kompliet taħkem il-ħajja soċjali, kulturali u ekonomika tagħna.  Il-figuri, l-istatistika jindikaw, jum wara jum, li r-riħ tagħha qiegħed jonfoħ sew, u ma hemmx ħajt ta’ kenn jew xi raġġ ta’ bidla.  Is-sitwazzjoni qegħda tiggrava sew, għax kif rajna tul din il-ġimgħa, aktar persuni ġew irreġistrati bħala pożitivi u, sfortunatament, aktar minn ħutna ġew imsejħa għal ħajja aħjar.  Ċertament m’għandniex, f’dan, naqtgħu qalbna.  Ferm inqas inneħħu t-tama ta’ futur differenti.  Imma rridu niddiskutu u nippruvaw nifhmu aħjar l-effetti fuq it-tessut soċjali tagħna.  Min intlaqat direttament, jew hu, jew dawk ta’ madwaru.  Għandna, f’dan, l-ewwel il-bżonn ta’ miżuri iktar effettivi li jnaqqsu u jikkontrollawha.  Fl-istess ħin, diskussjoni aktar serja u fit-tul fuq x’qed jiġri, x’nistgħu nbassru li ser jiġri, u kif nistgħu nibnu pjan aħjar milli għandna llum.

 

Storja

 

2.      F’dan jista’ jkun li l-affarijiet saru aħjar.  Setgħu ttieħdu deċiżjonijiet differenti.  Biss, issa hawn qegħdin u rridu, għall-ġid tal-bnedmin fuq dawn il-gżejjer, inħarsu kif nistgħu u nsibu soluzzjonijiet aqwa.  Nifhem li hemm ċertu deżert fl-ideat.  Taqra l-ġurnali jew diskorsi ta’ persuni influwenti, il-ħsieb huwa wieħed reattiv.  Skont x’naraw iseħħ, nieħdu d-deċiżjonijiet.  Il-kliem ta’ Mario Draghi: “Whatever it takes” sibnihom lura magħna tul din il-ġimgħa f’artikolu interessanti tal-Gvernatur tal-Bank Ċentrali ta’ pajjiżna, Mario Vella.  Kliem Draghi, f’kuntesti oħra mexxew ħafna sabiex jifhmu l-urġenza.  Mhux biss, imma miegħu kont inżid dak li qal reċentement, fit-18 ta’ Awissu f’Rimini, fuq l-effett ta’ dan kollu fuq il-ġenerazzjoni żagħżugħa.

 

Responsabbiltà u irresponsabbiltà

 

3.      Nagħrfu f’dan li l-Pandemija laqtet sew lill-ekonomija mondjali u tagħna, naturalment, ukoll.  Hija l-ikbar daqqa mit-Tieni Gwerra Mondjali.  Ir-rota tal-ekonomija li mdorrijin narawha għaddejja, jew naqqset, jew waqfet għal kollox.  L-egħluq ġewwa, in-nuqqas ta’ kuntatt uman ġieb tnaqqis fl-infieq u fil-konsum, b’telf ta’ mpjiegi.  Ħwienet, fabbriki, ħaddiema, professjonisti, ilkoll ħassew id-daqqa fid-dħul u fix-xogħol.  Ftit huma s-setturi li jistgħu jgħidu li ma ntmessewx, jew ma batewx.  Dan jgħodd għad-dinja u jgħodd għalina.  Dak li kien qiegħed, b’xi mod, jiġġenera d-dħul u jmexxi ‘l quddiem intlaqat sew.  Dan nafuh ilkoll.  Biss, mhux kull pajjiż jew poplu rreaġixxa għal dan b’responsabbiltà llum, u jista’ jkun f’irresponsabbiltà għall-futur.

 

It-triq għal-lum u għada

 

4.      Dak li għaddej jitlob iktar riflessjoni fuq l-effetti u l-miżuri li jistgħu jittieħdu biex inaqqsu u forsi jippruvaw ibiddlu d-direzzjoni.  Jitlob ukoll iktar studju storiku fl-effetti li pesti passati kellhom.  Ħidma li mhux naraha ssir, u li anzi qisu hemm min irid jiskartaha mill-ewwel.  Biss, il-passat jista’ jiftħilna għajnejna fuq dak li m’għandniex nagħmlu, jew aħjar, dak li nistgħu nagħmlu.  Proprju f’dan, wieħed għandu jkun iktar attent għal dak li, għada, il-Gvern ser jipproponi fil-budget.  Forsi dan huwa eżami uniku u irrepetibbli.  Opportunità unika.  Dak li ser jiġi propost ser ikun parti vitali mill-kejl tal-aġir u l-effettività tal-Istat biex iwieġeb sew għal dan.  Sallum, mingħajr ma wieħed iċekken, irridu nirrikonoxxu li l-Istat tagħna, u f’diversi oħra speċjalment fl-Ewropa, ħarsu li jkun hemm interventi finanzjajri qawwija.  Qatt ma rajna bħalhom.  Anki f’dawk li huma kontra l-indħil ta’ kull forma tal-Istat fl-ekonomija qegħdin jaqblu.  Il-budget deficit tagħna ser jikber sew, u dan ser ikun ta’ piż għal dawk li ġejjin magħna.

 

Il-miżuri

 

5.      L-għajnuna lill-ħaddiema u lill-kumpanniji kienu miżuri li żammewna għaddejjin.  Hemm żgur limitu għalihom però fil-mument jidher, għal dawk li jifhmu fl-ekonomija dominata mit-timbru tal-kapitaliżmu, li ma hemmx wisq alternattivi, u jridu għalhekk jibqgħu jiġu sostnuti.  Il-kategoriji ntagħżlu; l-istess is-setturi varji, imma biex wieħed iżomm kemm jista’ dan jidher li huma miżuri “temporanji”.  Magħhom, però, hemm ukoll għarfien ġdid li qiegħed huwa wkoll imur kontra r-regoli tad-deheb tal-ekonomija liberalista.  Minn dak li qiegħed jirriżulta ma hemmx xi bidu ġdid, jew il-possibilità ta’ twelid ta’ sistema ekonomika differenti.  Jew ta’ xi twelid mill-ġdid ta’ sistema ta’ suq iktar “pura” minn dawk kollha li fallew qabilha.

 

L-iżvantaġġi futuri

 

6.      Mario Draghi, f’dik il-ġurnata, fil-Meeting per l’amicizia tra i popoli a Rimini, ħares fit-tul.  Bniedem ta’ intelliġenza, li nieħu l-impressjoni li sakemm kien irrappuratat mill-gazzetti finanzjarji fil-lingwa Ingliża konna nagħtuh importanza, imma llum waqafna nsegwuh.  Spjega l-loġika ċara li dak li qiegħed jintefaq illum irid jibbaża ruħu fuq il-ħsieb li ser jitħallas għada pitgħada.  Għalhekk, min għadu qiegħed fil-bankijiet tal-iskola jrid jiġi armat aħjar għal dik is-sitwazzjoni.  Jiftaħ iktar u jibbaża iktar l-argument ċar li l-importanza lejn edukazzjoni aqwa mhix tingħata.  Huwa jgħid hekk: “Bisogna dare di più.  I sussidi finiranno e resterà la mancanza di una qualificazione professionale, che potrà sacrificare la loro libertà di scelte e il loro reddito futuro.”

 

Forsi vantaġġi preżenti

 

7.      F’din id-dinja fejn ġurnali bħal The Economist jitkellmu dwar “Re-cast world economic order”, jew meta jiċċitaw lil Henry Curr, li huwa “principal leader writer” fuq l-ekonomija tagħhom, li qal: “The Covid-19 pandemic will accelerate change in the world economy.  That brings both opportunity and danger.”  Hemm realtà oħra li qegħda toħroġ b’saħħa.  Għax din l-esperjenza, anzi, minflok ġiebet dinja li saret ftit iktar umana milli kienet.  Jekk għadna, b’xi mod mexjin, hemm raġunijiet li huma mwielda mhux fis-“suċċess” ekonomiku, imma fl-għarfien li rridu nirrispettaw u nkunu iktar attenti għal xuxlin.  Meta tara li anki fl-iktar pajjiżi fejn is-suq liberu huwa meqjum sew, xorta ttieħdu passi li jżommu lura r-regoli li kienu qabel jiġu prattikati.  Proprju għax il-bniedem, il-klijent, jekk irridu f’termini ekonomiċi il-konsumatur, huma importanti u jridu jiġu protetti.

 

Social Market Economy

 

8.      Hemm direzzjonijiet umani, ta’ solidarjetà veri li twieldu jew li tkattru iktar fis-soċjetà tagħna.  Passi pożittivi li għandna nieħdu lezzjoni minnhom.  Is-soċjetà ma tgħixx biss bil-materjaliżmu ekonomiku.  Wisq inqas ma nistgħu nirrelegaw bħala massima jew għajta politika li l-ekonomija hija għas-servizz tal-bniedem, u mhux il-kontra.  Dak li qiegħed jiġri qiegħed jipprova proprju dan.  U forsi hemm f’dan il-konfort mill-fatt li l-kumpanniji l-kbar u l-banek qegħdin pass kawt u attent ma’ diversi mill-klijenti tagħhom.  Hemm sospensjoni jew għarfien tad-diffikultajiet li soltu jsiru fil-pagamenti.  Hawn forma ta’ investiment fil-klijenti u f’dawk li jaħdmu fin-negozju magħhom.  Għarfien tad-diffikultajiet li għandhom u ta’ dak li għada pitgħada wieħed jista’ jsib ruħu fih.  Wara t-Tieni Gwerra Mondjali, li lkoll qed naqblu li l-effetti tagħha kienu bla preċedent, għandna niftakru li fil-Ġermanja s-soluzzjoni kienet dik li Konrad Adenauer u Ludwig Erhard ġiebu fis-seħħ.  Proprju għalhekk li għandna nieħdu l-lezzjonijiet storiċi u nagħrfu li rridu naħdmu sabiex ikollna soċjetà ferm iktar ġusta u umana milli kellna.

Għażiż Frederick

 

 

1.    Ma kontx nafu.  Iltqajt miegħu f’Settembru 1988, waqt li t-tnejn konna qed nistennew ir-riżultati tal-Elezzjoni Ġenerali f’Ta’ Qali.  Ftit kliem, salv li qalli li, skont hu, kont ser niġi elett.  U hekk kien.  Fil-ġenerożità tiegħu, dik li skoprejt iktar tard fil-ħidma parlamentari tagħna, kien tani żewġ pariri x’għandi nagħmel, u segwejtu.  Kienet elezzjoni li ġiebet lill-Partit lura fil-Gvern, din id-darba b’żieda fil-maġġoranza, sija elettorali kif ukoll fis-siġġijiet.  Kien hemm vantaġġ ta’ ħamsa.  U Frederick u jien ġejna eletti għall-ewwel darba flimkien.

 

Fid-dell

 

2.    Kienet elezzjoni li saret fid-dell ta’ nuqqas ta’ qbil qawwi fi ħdan il-Partit Laburista.  Wieħed li wassal għal bidla fi żmien tnejn u għoxrin xahar.  Kont għadni nidħol f’din id-dinja u t-Tnejn, 24 ta’ Ottubru, ħadna l-ġurament.  Anki jekk huwa ikbar minni, ittrattani ta’ mparu.  B’umiltà, b’attenzjoni, jistaqsi, jaħseb u jiddiskuti.  F’dawk l-ewwel jiem bil-Partit Laburista mimli b’diffikultajiet, mimli wkoll b’rabja għal dak li kien ġara, konna nsibu ruħna flimkien, drabi wkoll mal-kollega Michael Bonnici.  Stajt nitkellem miegħu, tafda kelma u taf li ser iżommha għandu.  Tgħallimt ħafna mingħandu.  Maż-żmien stajt niddikjara li kien wieħed minn dawk l-eroj tal-Partit li ħadd ma jsemmi, jew jagħtih il-veru ġieħ li jixraqlu.  Kien fost dawk it-teżori ġenwini li jaħdmu mingħajr ma jingħataw il-kreditu li verament ħaqqhom.

 

Il-Partit

 

3.    Frederick kien ġej minn attività politika qawwija fost in-nies.  Jum wara jum kien imur għand diversi ministri jaqbeż għal kostitwent jew ieħor.  Drabi kien jiġi għandi jistaqsini xi parir legali, dejjem, ovvjament, għal ħaddieħor.  Kien jaf x’inhuwa jagħmel.  It-temperament tiegħu kien mill-iktar sabiħ.  Għalkemm kien suċċess u rnexxielu jiġi elett elezzjoni wara oħra, qatt ma smajt lil xi ħadd igerger kontra tiegħu li aġixxa żbaljatament.  Anzi, tifħir ġenerali.  Qatt ma smajtu jkompli ma’ xi ħadd iġerger kontra kollega jew xi uffiċjali fil-Partit.  Dak li ma kienx jogħġbu kien jgħidli, imma b’attenzjoni f’diskrezzjoni mill-ikbar, ċert li mhux sejjer iweġġa’ lil ħadd.  Però, f’dan fetaħli għajnejja: f’dak li kont ser insib bejn il-politika li kont naf u dak li kien għaddej fi ħdan il-Partit f’dak iż-żmien.

 

Gwida

 

4.    Kien għalija gwida f’ħafna sitwazzjonijiet.  Kien ġie iktar minn darba jiftaħli għajnejja fuq dak li kont beħsiebni nagħmel jew li l-oħrajn kienu ser jagħmluli.  Kellu boxxla interna soċjali u fejn kien jara li l-poplu, dawk l-iktar ‘l isfel, il-fqar li ser b’xi mod jintlaqtu, kien jiċċaqlaq b’qawwa.  Mhux darba jew tnejn kien, għalhekk, jieħu pjaċir b’numru ta’ liġijiet li ġibt fis-seħħ.  Uħud kontra l-kurrent u b’attakki varji.  Kien konfort u gwida għalija meta fil-kuriduri, jew fil-kamra li kelli bħala ministru fil-Palazz, kien jgħidli li ġass jew ieħor qiegħed jaħdem tajjeb.  Kien għalija ċ-ċertezza tal-ħidma.  Balzmu uniku.  Minnu kont inkun naf li l-maġġoranza silenzjuża li ma tinkitibx fil-gazzetti kienet ħadet benefiċċju.

 

Niftehmu mill-ewwel

 

5.    Ma’ iktar snin u ħin flimkien, sirna nafu lil xulxin sew.  Kellna fiduċja reċiproka fuq l-onestà, l-integrità u l-ġenwinità.  Ftit kliem kienu biżżejjed biex ngħaddu messaġġ.  Iktar u iktar hu, li kien jaf sew il-kumplikazzjonijiet li kien hemm fil-gżira ta’ qalbu.  Kien minjiera ta’ informazzjoni.  Kien gwida u kumpass ta’ fejn il-qalb tas-sewwa għandha tmur.  Kien il-bniedem li tista’ tiddependi fuqu.  Fil-ħajja politika tiegħi kien dejjem hemm.  Jitbissem, jispjega u jaqbeż għall-proxxmu.  Konna kompatti fl-ideat tagħna.  Konna nafu dak li kien għaddej u fejn għandna nżommu biex nippruvaw li ma jsirux ħmerijiet.  Allejat naturali għalija u għall-ideali li għadni ngħożż.

 

Ġentili ħafna

 

6.    Kien bniedem mimli ġentilezza u l-politiku tal-iva.  Imma dan ma kienx ifisser li kien lest li jċedi għal dak li ma jaqbilx miegħu.  Kellu fih l-irġulija, il-vibra morali u s-sħħa li kont indorri naħdem magħhom.  Fost dawk id-diversi partitarji li batew tul il-leġislaturi tal-Partit Laburista.  Dawk id-diversi li baqgħu sodi, minkejja kull theddid, swat, arresti u angeriji varji.  Kien hemm patt silenzjuż għas-sewwa li żammejna mingħajr ma kellna bżonn niddikjaraw.  Kien jaf dwari għax kien staqsa.  Kien jaf l-esperjenzi politiċi tiegħi.  Jien sirt naf dejjem iktar dwaru jum wara jum.  Rispett u għarfien reċiproku ta’ dak li kellu jsir.  Kien għalija sur ta’ irġulija.

 

Għaddejna

 

7.    Kien ħdejja fid-diversi diffikultajiet li kelli fil-Partit sabiex inżommu l-linja politika li ġiet f’idejna. Konna nitkellmu f’dawk il-mumenti.  Daqqa nitolbu gwida, informazzjoni, il-ħsieb tiegħu jien, u daqqa l-kontra.  Qatt ma ddispjaċieni.  Qatt ma stajt ma ngħidx ‘grazzi’.  Frederick ma kienx bniedem diffiċli.  Bi ftit, kien ikun kuntent.  Ferħan li għen lil xi ħadd jew li ta gwida tajba.  Kien ifakkarni fit-tradizzjoni ta’ żewġ deputati li l-Partit kellu fil-gżira Għawdxija: Coronato Attard u Amabile Cauchi.  Politiċi li kont iltqajt magħhom ta’ avukat, meta klijenti kienu jeħduni fuq xi diviżjoni ta’ wirt jew kwistjoni bejn il-familji.  Fred kien bħalhom: paċifiku, jipprova jressaqhom, medjatur u stmat minn min kien imiss miegħu.

 

Ħames leġislaturi

 

8.    Ġimgħa oħra kien jagħlaq tnejn u għoxrin sena minn meta ħa l-ġurament ta’ membru parlamentari. Kellna tlett leġislaturi fil-Gvern, u tnejn fl-Oppożizzjoni.  Kull waħda bil-kumplikazzjonijiet tagħha.  L-aħħar tnejn sibna post mertu tal-emenda li tiggarantixxi l-voti li l-Partit iġib.  U huwa sab ruħu darbtejn involut f’kawżi kostituzzjonali.  L-ewwel waħda damet tkaxkar.  It-tieni waħda konna flimkien fis-sajf tal-2017, b’kawża mill-Partit Laburista tipprova ċċaħħadna milli nservu ta’ deputati tal-poplu.  Lilna t-tnejn, żewġ bnedmin tas-sens komun, tal-moderazzjoni, fiċ-ċentru kien hemm min deherlu li jaqbel li ma nkunux hemm.  Fortunatament, wara jiem twal u seduti quddiem il-Qorti Kostituzzjonali, il-każ ġie deċiż favur u stajna nservu bi pjaċir u b’forma ta’ “trijonf”.

 

OECD

 

9.    Kien jirrappreżenta lil pajjiżna f’numru ta’ fora internazzjonali.  Kien attent f’dak li jagħmel u jgħid.  Id-diskorsi tiegħu kienu dejjem korretti.  Niftakru jgħidli li Filippo Lombardi, li kien jippresjedi taħt il-Presidenza Svizzera, kien semmieni miegħu bħala ħabib antik fil-movimenti Ewropej demokristjani.  Filippo kien is-Segretarju Ġenerali meta kien ġie f’pajjiżna u ndirizza meeting tal-Partit f’Ta’ Qali fl-1986, biex wara ġie arrestat.  Għad għandi xi mkien ir-rikors li konna ffirmajna numru ta’ avukati biex jingħata l-libertà proviżorja.  Ovvjament, lil Fred għabbejtu b’numru ta’ dokumenti passati biex jgħaddihom lura lil Filippo.  Li, kif kien qalli, ħa pjaċir bihom, bit-tbissima tipika tiegħu.

 

L-aħħar żmien

 

10.   F’dawn l-aħħar xhur, minn meta f’Novembru tas-sena l-oħra ma ħassux sew fil-Marokk u ġibuh lura, ma rajniex ħafna lil xulxin.  Darba jew tnejn iltqajna, u żammejt kif stajt il-kuntatt miegħu.  Ma kienx ferħan b’dak li kien għaddej fil-Partit.  Ried jgħin sabiex tinstab soluzzjoni.  Kien impenjat fuq dan.  Tkellimna u talabni l-aħħar parir.  Ferħan li għaddejtlu t-tajjeb.  Għex jaqbeż għall-poplu.  U l-Ħallieq tagħna għażel fit-triq tas-salvazzjoni tiegħu li jsejjaħlu jservi lill-proxxmu.  Għandu l-unur li baqa’ deputat sal-aħħar.  Għandi l-unur li sirt naf, ħabbejt, irrispettajt u ħdimt ma’ iben denju, mill-aqwa, tal-gżira Għawdxija u ta’ dawn il-gżejjer tagħna.  Insellimlek għalhekk, mill-qalb, għażiż Frederick.  

 

Fil-Kunvent li jinsab.


 

1.      Fil-kotba varji li jiġu f’idejk, mhux dejjem issib minjieri ta’ għerf u informazzjoni.  Ċerti drabi, dawk li jkun fihom kliem l-għaqal ikunu quddiemek.  Tgħaddi minn ħdejhom u ma tarahomx.  Drabi jkunu għandek id-dar fuq xi xkaffa li anqas ma tkun taf li għandek għad-dispożizzjoni.  F’dawn l-aħħar xhur sibtni f’dan.  Fil-Kunvent tal-Kapuċċini fil-Kalkara, dedikat lil Santa Liberata u Santa Barbara, spiss kont qiegħed immur.  Kemm it-temp jew il-Pandemija jippermettu, inġbart hemm.  Għalkemm l-attività umana ħadet id-daqqa tagħha u naqsu n-nies barra fit-toroq u għall-quddies, xorta l-ħajja reliġjuża u s-servizzi baqgħu jingħataw.  Proprju f’dan, waqt li kont nidħol u noħroġ mis-sagristija fejn fil-ġenb hemm biċċa għamara li fiha hemm numru ta’ kotba għall-bejgħ.

 

Ktejjeb blu

 

2.      Fost dawn, osservajt wieħed ta’ Patri Joe Mallia.  Wiċċu familjari, għax jekk mhux kuljum, almenu l-Ħadd filgħodu tarah jieħu sehem attiv.  Iqaddes, jispjega, jippriedka, jmexxi u jressaq lill-bnedmin lejn is-sewwa.  Rajt, f’dawk il-jiem, ħafna drabi dan il-ktieb bit-titolu “In-Nisġa ta’ Ħajti”, mingħajr ma akkwistajtu.  Ma hemmx prezz veru għalih f’sensi varji.  L-awtur iħalli f’idejn il-kontribuzzjoni ta’ min irid iżid dan il-ktieb mal-patrimonju tiegħu.  Hekk għamilna marti u jien.  Fi ftit jiem, b’forma ta’ kalamita umana bdejt naqrah.  Anki jekk is-soltu nkun għaddej b’iktar minn ktieb wieħed, dan ma tlaqtux minn idejja.  Qbadtu u spiċċajtu.  Dan għax kull paġna hija mimlija b’ġabra mħawra tajjeb għal bnedmin ġejjin minn liema rokna tal-ħajja ġejjin, li jridu jkunu jafu iktar.  Fuq ħafna huwa gwida għal min qiegħed ifittex iktar ġewwa fih.  Direzzjoni lejn is-sewwa u għarfien għat-triq li tiġi lilna magħżula għas-salvazzjoni tagħna.

 

Ħajtu

 

3.      Il-ktieb għandu temi varji fih.  Miktuba b’attenzjoni kbira, imma l-aktar fl-użu ta’ kliem li jifhmu kulħadd.  Miktuba dwar il-punt ċentrali, ħajtu u ħaġa waħda magħha l-vokazzjoni reliġjuża mill-isbaħ tiegħu.  Kull paġna hija mimlija b’pożittività u intenzjonata tħeġġeġ u tevanġelizza.  Fl-istess ħin, tagħmel kuraġġ u tagħti pariri indiretti lil dawk li jaqraw.  F’kull waħda mit-tnax-il taqsima nsibu kif il-ħajja tiegħu mxiet.  Mill-bidu mal-ġenituri, wara fl-Ordni, fil-missjoni u lura f’pajjiżna.  Aħna li naqraw insibu ruħna nvoluti direttament waqt li jirrakkonta. Imma, fl-istess ħin hemm numru kbir ta’ annotazzjonijiet dwar il-ħajja soċjali u storika ta’ pajjiżna.

 

Tul il-Gwerra.

 

4.      Huwa jispjega u jfiehem ħafna dak li t-Tieni Gwerra Mondjali ġiebet magħha.  Kemm kien hemm tbatija.  Kemm il-familja tiegħu u ta’ dawk ta’ madwarhom kellhom jiffaċċjaw.  Esperjenzi varji joħorġu.  Bil-bżonn li wieħed jistkenn ġewwa x-xelters.  Bir-realtà ta’ persuni li tilfu ħajjithom.  B’dik tal-kumplikazzjonijiet biex wieħed jibqa’ jgħix.  Bis-sitwazzjoni familjari ta’ missier li kien ibaħħar u nqabad f’Lixandra għal żmien tul il-kunflitt. Sakemm hu u numru ta’ Maltin ma felħux iktar u qasmu l-Mediterran.  Bl-għajnuna tal-Providenza Divina la ġew attakkati mill-ajru u lanqas mill-art.  Waslu lura qawwijin u sħaħ.  Eventi li nsibu mitkuba bi ħlewwa, mingħajr ebda tnaqqis jew tibdil tar-realtà.

 

L-effetti tal-Gwerra.

 

5.      It-tieni u t-tielet taqsima huma marbuta ma’ dan iktar.  L-ewwel: “Snin Tfuliti 1936-1943”, u l-oħra “Żogħżiti f’Tas-Sliema”.  Fihom wieħed jifhem mill-ewwel li l-awtur kiber u mmatura ferm iktar qabel l-età li wieħed jistenna.  L-esperjenzi tiegħu kienu tali li sawruh u basktuh sabiex iktar ‘il quddiem jaqbad triq li ma jiddispjaċihx minnha.  Però, f’dan hemm analiżi tal-ħajja soċjali, kulturali u reliġjuża tal-parti tal-gżejjer tagħna, magħrufa ġeneralment bħala “Tas-Sliema”.  Spjegazzjoni verament sabiħa għal min, bħali, ma tantx huwa midħla.  Waħda li tindika l-bidliet li saru, u magħhom, indirettament, l-effetti.  Kif trawwem.  Kif kien jgħin ta’ abbati ma’ diversi reliġjużi, fosthom tal-Poeta Nazzjonali Dun Karm Psaila.

 

Imħabba u ferħ

 

6.      F’dan hemm rakkont li jeħodna fil-ħajja reliġjuża.  Jispjega kemm kienet diffiċli biex issegwi u tistudja fil-vokazzjoni.  Jispjega l-imħabba kbira tiegħu lejn l-Ordni u kemm iddedika parti minn ħajtu għall-missjoni fl-Indja.  Minn din il-kitba joħorġu ċari s-saħħa u d-dedikazzjoni tiegħu.  Ta’ kull ma hu u kull ma seta’ sabiex iwettaq il-ġid.  B’perseveranza sabiex jitgħallem tajjeb il-lingwa.  B’għarfien tar-realtà ta’ pajjiż fqir tant mifrux li mertu ta’ mutur sod u kkurat li l-provvidenza għaddietlu kien jirnexxilu jdur fis-servizz tas-sewwa.  Ħidma li l-kitba turi l-ferħ kbir li kien jakkumpanjah, minkejja d-diffikultajiet.  Minkejja dak li kien jara u jassisti lill-qaddisa Madre Tereża u wliedha fis-servizz ta’ dawk l-iktar batuti.  Jew meta huwa u żewġ aħwa oħra ddeċidew li jmorru jilqgħu lill-Prim Ministru George Borg Olivier li kien wasal fl-Indja għal viżta diplomatika. 

 

Jeħduk fejn iridu

 

7.      Il-ktieb fih ferm u ferm iktar minn dak li semmejt.  Però huwa ta’ konsolazzjoni għal diversi li jservu b’umiltà fis-soċjetà.  Speċjalment għal dawk li m’għandhomx il-vantaġġ li jkollhom il-vot tal-ubbidjenza.  Dan jidher iktar ċar meta jispjega li ma segwiex ir-rieda tiegħu, imma mexa ma’ dak li s-Superjuri tiegħu għaddewlu.  Xtaq jibqa’ l-Indja, imma qalulu li aħjar jistrieħ tant kien ta kollox.  Reġa’ mar għall-Missjoni fil-Kenja, imma reġgħu bagħtuh lura.  Bagħtuh iservi Għawdex, wara San Ġwann u fl-aħħar lura fil-Kunvent tal-Kalkara, fejn narah.  Aċċetta dan b’imħabba, dedikazzjoni u perseveranza.  Ma jaqta’ qalbu qatt, u anzi jħares b’ħeġġa ‘l quddiem għall-isfidi li ser jaffronta.

 

Il-bniedem jitbaskat

 

8.      Għalkemm ċert li għandu ferm iktar x’jirrakkonta, inħajjarkom taqrawh.  Huwa ta’ eżempju għal diversi li jridu mill-ħajja tagħhom iwettqu l-ġid lill-proxxmu.  Gwida għal dawk li jista’ jkollhom vokazzjoni.  Manwal li tista’ żżomm f’idejk int u tgħix fit-toroq varji li trid tieħu, jew taħseb li għandek tieħu, jew li jkollok tieħu.  Fl-aħħarnett tal-kitba jgħid hekk: “Nittama li dak li ktibt jimlihom bil-kuraġġ u jaraw kemm tassew Alla ma jagħżilniex għaliex inkunu bravi jew kwalifikati, imma bravi u kwalifikati jagħmilna Hu għas-sejħa li jkun qed jagħmlilna għall-qadi tal-poplu tiegħu.”  Hekk qiegħed jagħmel fil-Kunvent li jinsab.

 

17.7.20

L-Isptarijiet u ċ-Ċimiterji tagħna lkoll


 

1.     Niġġudikaw il-gvernijiet, mhux  minn dak li jgħidu, iżda minn dak li jagħmlu.  Dan il-Gvern, li beda taħt Joseph Muscat u issa qiegħed taħt it-tmexxija ta’ Robert Abela, għandu jiġu ġġudikat, fost ħwejjeġ oħra, xi wħud forsi iktar gravi, fuq il-fatt li għadda t-tmexxija tal-isptarijiet u ċ-ċimiterji f’idejn il-barranin.  Mhux f’idejn għaqdiet filantropiċi, jew xjentifikament speċjalizzati, iżda f’idejn min għandu l-iskop li jagħmel il-profitt.

 

2.     Dan ma sarx għaliex il-Gvern kien miexi fuq l-ideoloġija Soċjalista, jew għallinqas, Laburista.  Assolutament il-kuntrarju.  Gvernijiet Soċjalisti jinnazzjonalizzaw l-isptarijiet, mhux jikruhom lill-privat (la Malti u lanqas stranġier).  Gvernijiet Soċjalisti kienu ġelużi li s-servizzi pubbliċi jkunu tal-pubbliku, jew, kif kien jingħad, tal-poplu.  Ma joħorġux minn idejna.

 

3.     Wieħed jistaqsi għaliex rajna dan il-fenomenu f’pajjiżna.  L-ewwelnett, f’pajjiżna, ilna bi sptarijiet tal-poplu sa mill-Medjuevu.  Skont speċjalista fl-istorja tal-Mediċina f’Malta, il-Professur tal-Ostetriċija C. Savona Ventura, l-ewwel li jissemma Sptar f’Malta kien fl-1372, u f’Għawdex fl-1454.  L-Isptar ta’ Santu Spirtu fir-Rabat, barra l-Imdina, kien jieħu ħsieb il-morda iktar minn sitt mitt sena ilu.

 

4.     Dejjem bnejna l-isptarijiet tal-Gverna għal kulħadd, u dawn dejjem tmexxew mill-Maltin.  Wieħed ifakkar li l-Isptar ta’ Santu Spirtu (li llum fih l-Arkivju Nazzjonali) nbena mill-Maltin għall-Maltin, u tmexxa għal sekli twal mit-tobba u l-infermiera Maltin.  Warajh, meta ġew il-Kavallieri, inbniet l-Infermerija, li serviet mhux biss lill-Kavallieri, iżda wkoll lill-baħħara u lil bosta oħrajn.  Santu Spirtu ma żżarmax, baqa’ għaddej, u f’din is-Sagra Infermerija li kellu l-Ordni ta’ San Ġwann servew ħafna tobba Maltin.  Anzi, meta nfetħet l-Università ta’ Malta, u bdiet il-Fakultà tal-Mediċina u l-Kirurġija, hemm kienu jagħmlu l-prattika l-istudenti.  Fi żmien il-Gran Mastru de Vilhena, inbena l-Isptar Ċentrali, fil-Furjana, fejn illum hemm id-Depot tal-Pulizija.

 

5.     Fi żmien l-Ingliżi nbnew sptarijiet oħra.  Kollha tmexxew mill-Maltin, barra minn dawk tas-Servizzi, bħal dak Navali tal-Kalkara, li nafuh bħala ‘Ta’ Bighi’, u dak militari tal-Imtarfa.  Fi żmien il-Gwerra tal-Krimea kienu bnew ieħor fejn illum hemm il-Kulleġġ ta’ St Edwards.  Ma hemmx għalfejn ngħidu l-Istorja kollha.  Infakkru biss li l-Isptar ta’ San Luqa nbena mill-Gvernijiet Maltin fi żmien is-Self-Government.  U l-Isptar Mater Dei inbena fi żmien il-Gvern Nazzjonalista ta’ Lawrence Gonzi.

 

6.     Ma kellna bżonn lil ħadd biex jgħallimna kif jitmexxa sptar.  U taħt il-gvernijiet kollha, ta’ kwalunkwe kulur politiku li seta’ kien, ħadd ma ħolom li jipprivatizza l-isptarijiet li nbnew bi flus il-poplu Malti kollu u tmexxew dejjem mill-Maltin.  Fihom, kull Malti u Maltija kien imur/tmur bi dritt.  U fil-Parlament tagħna, id-deputati tal-poplu jikkritikaw, ukoll bi dritt, kif jitmexxew, għaliex huma ta’ kulħadd.  U l-gvernijiet tal-poplu Malti jagħmlu superviżjoni u jinżammu responsabbli tat-tmexxija u tas-servizz li jagħtu lill-poplu.

 

7.     L-isptar tal-poplu jagħti servizz lil min għandu biex iħallas u lil min m’għandux.  Huwa l-aqwa servizz soċjali, għax jingħata meta bniedem l-iktar ikun fil-bżonn u vulnerabbli.  Kien hemm, terġa’, żmien twil fejn il-Gvern Laburista ma kienx jaħmel li jkun hawn sptarijiet privati bi ħlas.

 

8.     L-istess iċ-ċimiterji.  L-ipoġej li għandna juru li pajjiżna ilu jidfen fil-qima, u biċ-ċiviltà, għal eluf twal ta’ snin.  Issa, għall-kuntrarju, Gvern li għadu jsejjaħ lilu nnifsu ‘Laburista’, iżda li biddel il-mentalità u t-twemmin, sar jemmen li l-barranin kapaċi jmexxu ċ-ċimiterji iktar minna.

 

9.     L-isptarjijiet privati hemm lokhom.  Iserrħu mill-piż lill-isptarjijiet pubbliċi.  Iżda l-isptarjijiet tal-poplu għandhom jibqgħu tal-poplu, u kull gvern għandu jġorr ir-responsabbiltà tat-tmexxija tajba.  Iċ-ċimiterji tal-Knisja ukoll hemm bżonnhom, iżda ma nistgħux ninsew liċ-Ċimiterju tal-Addolorata, fejn il-maġġoranza l-kbira tal-poplu tagħna għandha midfuna l-għeżież tagħha.  Dawn żbalji politiċi li diġà qed inħallsu l-konsegwenzi tagħhom.  Din hija linja żbaljata li trid tinbidel għall-ġid komuni tagħna lkoll.


Riflessjonijiet tal-mument


 

1.     Hemm ħafna letteratura klassika fuq l-epidemiji, speċjalment fuq il-pesta bubonika.  Fil-klassiċi Griegi nsibu r-rakkonti ta’ Tuċidide, fil-ktieb tiegħu Il-Gwerra fil-Peloponnesu [II.49] f’Ateni, fis-sena 430 qabel Kristu.  Imbagħad insibu wkoll dik il-pesta ta’ żmien l-Imperatur Marcus Aurelius Antoninus, li ddeskriva t-tabib Galenu fil-ktieb tiegħu ‘Methodus Medendi’, fis-sena 165 wara Kristu.  Iktar qrib lejna hemm id-deskrizzjoni stupenda ta’ Alessandro Manzoni, fir-rumanz storiku I Promessi Sposi.  Wara dan hemm ir-rumanz, relattiv modern (1944) ta’ Albert Camus, bit-titolu La Peste, li jikteb fuq il-pesta f’Oran, fl-Alġerija.  Ta’ Manzoni u ta’ Camus huma żewġ kapolavuri letterarji.  Valur xjentifiku m’għandhomx: ta’ Galenu, però, għandu valur kbir fl-istorja tal-Mediċina.

 

2.     Qiegħed niftakar fihom għaliex bħalissa għaddejjin minn esperjenza simili.  Altru l-letteratura, u altru r-realtà.  Ir-realtà taż-żminijiet l-oħra kienet forsi agħar: la f’Ateni tal-430 Q.K., la f’Milan tal-1630, u lanqas, għal kollox, f’dik ta’ Oran tal-1944 ma kellhom tagħrif xjentifiku veru dwar kif jinxtered il-mard.  Mill-esperjenza kienu ndunaw li kien jinxtered billi jgħaddi permezz tal-kuntatt ta’ bniedem ma’ ieħor.  In-nies jiġu kuntaġġjati: dan kien żgur, iżda kif u x’fatta ma kinux jafu.  B’danakollu, l-uniku rimedju kien li toqgħod ‘il bogħod u timponi kwarantina fuqek innifsek.

 

3.     Illum, ix-xjenza taf ħafna iktar fuq il-virus, il-batteri, u l-mikrobi in ġenerali.  Għadha ma sabitx tarf tal-Coronavirus, iżda lil hemm miexja.  S’issa, il-kwarantina u li żżomm ‘il bogħod huma l-mezzi biex tevita l-mard, u fuq kollox l-indafa, il-ħasil tal-idejn u l-għata fuq il-ħalq.  Dawn l-epidemiji jdaħħlu lill-bnedmin f’qoxrithom.  L-għadu, għalkemm nafu bih, għadna ma nafux kif neqirduh għal kollox.  Nafu biss kif nistgħu naqtgħulu nifsu, qabel ma jaqta’ tagħna, billi nieħdu l-prekawzjonijiet.

 

4.     Aħna, li m’aħniex tobba, jeħtiġilna nobdu t-twissijiet.  Anke t-tobba jridu jobdu, anzi forsi iktar huma, għaliex iktar esposti, billi huma jeħtieġu li jagħmlu kuntatt mal-morda.  Huwa żmien ta’ periklu għal kulħadd, iżda napprezzaw ħafna l-fatt li bħalissa t-tobba, l-infermieri, l-ispiżjara u l-pulizija huma iktar esposti għall-periklu.

 

5.     Fil-pajjiż hawn arja stramba.  Toroq vojta.  Knejjes magħluqa.  Ħafna ħwienet ibiegħu bi prekawzjonijiet eċċezzjonali.  Jew jibqgħu magħluqa.  Il-ħajja soċjali tal-każini, tal-ħwienet tax-xorb, waqfet.  Kemm it-tiġrijiet, kif ukoll il-funerali huma effettwati.  Ħafna qed jgħixu l-esperjenza tal-patrijiet trappisti: magħluqin waħedhom fiċ-ċella.

 

6.     Il-poplu Malti huwa poplu matur u fehem il-bżonn tad-dixxiplina.  Ikun hemm min jabbuża, iżda jiġi mċanfar, għaliex il-kotra fehmet il-bżonn tad-dixxiplina.

 

7.     Fil-gwerer kbar tas-seklu li għadda, li laqtu ‘l-popli b’mod qawwi, wieħed seta’ jara li l-esperjenza komuni tbiddel il-mentalità.  Il-ġrajja tas-7 ta’ Ġunju 1919 inħmew fil-Gwerra l-Kbira (1914-18).  It-tibdiliet radikali ta’ wara l-1945, saru possibbli minħabba l-esperjenzi komuni 1939-45.

 

8.     Meta, jekk Alla jrid, neħilsu minn din l-epidemija mondjali, id-dinja kollha ser titlob tibdil ieħor kbir.  Mhux il-mument, bħalissa, li nagħmlu attakki feroċi fuq xulxin, iżda ġrajja bħal dawn jikxfu n-nuqqasijiet strutturali.  Issa huwa l-mument li nosservaw f’hiex pajjiżna seta’ mexa aħjar.  Issa l-mument li nieħdu nota, sabiex nibnu aħjar is-soċjetà.  Issa l-mument li nifhmu kif nippreparaw stat demokratiku li jħares lejn il-futur.

 

9.     Hemm għoqda li bħalissa qegħda tiġi diskussa fuq pjan politiku: dik ta’ sptarijiet Maltin f’idejn il-barranin.  Esperjenza li mhix sabiħa.  L-interess pubbliku għandu jkun suprem, l-iktar fil-qasam tas-saħħa.  Bil-Latin kienu jgħidu: Salus populi suprema lex esto.  Kif insibu tant tajjeb fil-ktieb ta’ Ċiċerun, De Legibus (Liber III, parti III, sub. VIII): Is-saħħa tal-poplu għandha tkun l-aqwa liġi.  Il-profitt għandu liġijiet oħra.

 

 

 

 


KWISTJONI TA' DINJITA

1. Bħalissa l-aġenda tad-dinja hija mimlija b’tip, metodu ta’ politika barranija li m’aħniex imdorrijin biha. Konfrontattiva flok ibba...